Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/489

Brussell, l-4 ta’ Mejju 2010

Kompetizzjoni: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar ir-reviżjoni tar-regoli applikabbli għal ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat abbozz ta' Regolamenti u Linji Gwida għall-valutazzjoni tal-ftehimiet dwar kooperazzjoni bejn kompetituri, l-hekk imsejħa ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali. L-għan ta' dawn il-proposti hu li jaġġorna u jikkjarifika aktar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni f'dan il-qasam u jiżgura r-relevanza kontinwa tagħhom fl-ekonomija tal-lum li dejjem qed tinbidel. Il-partijiet interessati jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom sal-25 ta' Ġunju 2010. Wara l-konsultazzjoni pubblika u wara li tikkunsidra b'mod sħiħ l-opinjonijiet tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se tadotta t-testi finali lejn l-aħħar ta' din is-sena.

Il-Kummissarju tal-Kompetizzjoni Joaquin Almunia, Viċi President tal-Kummissjoni qal: 'L-innovazzjoni u l-kompetittività huma fundamentali għall-istrateġija Ewropa 2020'. Ftehimiet dwar kooperazzjoni bejn il-kompetituri li jsaħħu l-effiċjenza , u b'mod partikolari ftehimiet ta' R&Ż u dawk ta' standardizzazzjoni, jistgħu jżidu l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-Ewropa. Sett aġġornat ta' regoli f'dan il-qasam jista' jiżgura li aħna niffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn il-kompetituri fejn din tikkontribwixxi għall-benesseri ekonomiku mingħajr ma noħolqu riskji għall-kompetizzjoni.

Il-kompetizzjoni hi waħda mill-għodod ewlenin biex wieħed jasal għal soċjetà iżjed kompetittiva, konnessa, ambjentali, ibbażata fuq l-informazzjoni u inklużiva. Prosperità akbar tirriżulta mill-innovazzjoni u mill-użu aħjar tar-riżorsi, bis-sehem ewlieni tal-informazzjoni. Sabiex twettaq din it-trasformazzjoni, l-Ewropa teħtieġ li tuża numru ta' għodod, inkluża l-kompetizzjoni biex tħeġġeġ lil kumpaniji fl-innovazzjoni u l-kooperazzjoni fi proġetti li jsaħħu l-effiċjenza. L-infurzar tal-kompetizzjoni jista' jkun effettiv biss jekk l-istrumenti ta' politika tagħha u b'mod partikolari dawk li għandhom impatt fuq il-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni orizzontali jinżammu aġġornati u jkunu konformi mal-iżviluppi tas-suq.

Bħalissa hemm gwida dwar il-valutazzjoni tal-ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali permezz ta' żewġ Regolamenti dwar 'eżenzjoni ta' kategorija' (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2659/2000 dwar ftehimiet fuq riċerka u żvilupp (R&Ż) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2658/2000 dwar ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni) u l-'Linji Gwida Orizzontali' li jakkumpanjawh. Iż-żewġ Regolamenti jeżentaw ftehimiet dwar riċerka u żvilupp kif ukoll dawk ta' speċjalizzazzjoni u produzzjoni konġunta mill-projbizzjoni ġenerali tal-UE ta' prattiċi restrittivi ta' negozju, sakemm huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolamenti. Il-Linji Gwida Orizzontali jipprovdu qafas analitiku għall-valutazzjoni tal-aktar tipi komuni ta' ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali bħal ftehimiet dwar riċerka u żvilupp, ftehimiet dwar produzzjoni, ftehimiet dwar xiri, ftehimiet dwar kummerċjalizzazzjoni u ftehimiet dwar standardizzazzjoni.

Peress li ż-żewġ Regolamenti preżenti se jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni bdiet bir-reviżjoni tar-regoli applikabbli għal ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali f'Diċembru tal-2008 b'firxa wiesgħa ta' konsultazzjoni mal-kumpaniji Ewropej u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Din uriet li r-reġim attwali hu meqjus bħala li jaħdem tajjeb imma li f'xi oqsma hemm bżonn li jiġi rivedut.

F'dan id-dawl, il-Linji Gwida Orizzontali ġew riveduti estensivament sabiex il-kumpaniji jiġu megħjuna jivvalutaw b'ċertezza akbar jekk ftehim hux restrittiv għall-kompetizzjoni jew le, u jekk iva, jekk jikkwalifikax għal eżenzjoni.

Kwistjoni ċentrali li ġiet indirizzata tirigwarda l-arranġamenti li jissettjaw l-istandards. L-istandards qed isiru dejjem aktar importanti biex jiffaċilitaw l-innovazzjoni (b'mod partikolari fis-settur tal-IT) imma proċess effiċjenti, miftuħ u trasparenti biex jissettja l-istandards hu fundamentali biex jiżgura kompetizzjoni effettiva. B'mod partikolari, ir-reviżjoni tal-kapitlu dwar l-istandardizzazzjoni – b'referenza għal esperjenza relatati ma' każijiet reċenti f'dan il-qasam – għandha l-għan li tiżgura li l-istandards ikunu ssettjati b'tali mod li l-benefiċċji tal-issettjar tal-istandards jiġu realizzati u jgħaddu għand il-konsumaturi Ewropej.

Proposti oħra ewlenin għal tibdiliet fis-sett ta' regoli eżistenti jinkludu:

Fil-linji gwida:

L-inklużjoni ta' kapitlu dwar skambju ta' informazzjoni bejn il-kumpaniji;

Gwida fuq termini standard fil-kapitlu dwar l-istandardizzazzjoni;

Kjarifika fuq l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi konġunti u l-possedenti tagħhom.

Fiż-żewġ Regolamenti

L-iżvelar tad-drittijiet relevanti dwar il-proprjetà intellettwali u r-riaġġustament tar-restrizzjonijiert 'fundamentali' (fir-Regolament dwar l-eżenzjoni ta' kategorija tal-R&Ż).

L-introduzzjoni tat-tieni limitu dwar is-sehem mis-suq għall-ftehimiet dwar speċjalizzazzjoni u dwar produzzjoni konġunta relatati ma' prodotti użati għall-konsum intern (fir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta' Kategrija dwar l-Ispeċjalizzazzjoni);

Kjarifikazzjonijiet dwar il-kunċett ta' "kompetitur potenzjali", bl-introduzzjoni ta' skeda ta' tliet snin għal introduzzjoni futura fis-suq (fiż-żewġ Regolamenti).

It-testi riveduti huma maħsuba biex jieħdu post ir-Regolamenti li qed jiskadu u l-verżjoni attwali tal-Linji Gwida Orizzontali. Huma disponibbli fuq l-internet fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/competition/consultations/2010_horizontals/index.html

Il-Kummenti jistgħu jiġu indirizzati lill-Kummissjoni sal-25 ta' Ġunju 2010.

Sfond

Eżempji ta' ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali investigati mill-Kummissjoni jikludu Ship Classification (ara IP/09/1513) jew IPCom (ara IP/09/549).

L-adozzjoni tal-abbozz tar-regoli applikabbli għal ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali ssegwi l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-kompetizzjoni għall-ftehimiet ta' distribuzzjoni (ara IP/10/445) u tiġi qabel l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda għas-settur tal-karozzi li hu previst għall-aħħar ta' dan ix-xahar.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website