Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/488

Brussell, 4 ta' Mejju 2010

Sejħiet urġenti: Il-Kummissjoni tilqa' l-approvazzjoni dejjem tikber min-naħa tal-Istati Membri tas-sistema tal-eCall abbord il-karozzi

Il-Kummissjoni Ewropea laqgħet bi pjaċir l-approvazzjoni ta' ħames Stati Membri tas-sistema tal-eCall abbord il-karozzi. Din is-sistema li ssalva l-ħajja, iċċempel awtomatikament lill-112, in-numru uniku Ewropew ta' emerġenza, f'każ ta' inċident serju u tista' ssalva sa 25 ħajja fis-sena madwar l-Ewropa malli tkun bdiet topera bis-sħiħ. F'ċerimonja li se ssir fi Brussell nhar l-4 ta' Mejju, il-Belġju, id-Danimarka, il-Lussemburgu, Malta u r-Rumanija se jiffirmaw il-Memorandum ta' Ftehim tal-UE sabiex jimplimentaw is-sistema tal-eCall madwar l-Ewropa, filwaqt li jingħaqdu ma' 15-il pajjiż Ewropew ieħor li kienu diġà ffirmaw.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "Ninsab kuntenta ħafna li s'issa hemm 20 Stat Membru li ffirmaw sabiex jadottaw s-sistema tal-eCall. Is-sistema hija eżempju eċċellenti ta' kif jistgħu jitjiebu t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u saħansitra jsalvaw il-ħajjiet taċ-ċittadini.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għat-Trasport Siim Kallas qal "Is-sistema tal-eCall tista' kull sena ssalva bosta ħajjiet ta' dawk li jivvjaġġaw bl-art u għalhekk ninsab sodisfatt li qiegħed jiżdied l-għadd ta' Stati Membri li qegħdin jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw is-sistema".

L-eCall awtomatikamet iċċempel lin-numru uniku Ewropew ta' emerġenza, in-numru 112, f'każ ta' ħabta gravi u tittrasferixxi l-post eżatt tal-inċident u kwalunkwe informazzjoni essenzjali oħra lis-servizz ta' emerġenza li jinsab l-iktar fil-qrib. Hu stmat li s–sistema tal-eCall tista' ssalva sa 2500 ħajja fis-sena meta din tkun operata bis-sħiħ u tnaqqas il-konsegwenzi ta' inċidenti gravi fi 15% tal-każijiet minħabba li jinħela inqas ħin biex jiġu kkuntattjati s-servizzi tal-emerġenza.

Ħames Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, il-Lussemburgu, Malta u r-Rumanija) qed jiffirmaw il-Memorandum ta' Ftehim dwar is-Sistema tal-eCall f'ċerimonja li se issir fl-4 ta' Mejju fi Brussell. B'hekk, dawn il-pajjiżi qegħdin jingħaqdu ma' 15-il pajjiż tal-UE u 3 pajjiżi oħra Ewropej li diġà impenjaw ruħhom sabiex joperaw is-sistema tal-eCall (l-Awstrija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Olanda, l-Isvezja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Isvizzera).

Fl-4 ta' Mejju, il-Memorandum qed jiġi ffirmat ukoll minn organizzazzjonijiet oħra; minn Agoria, ATX, Belgian Automobile Club Touring, DEKRA, Electronics Solutions, il-Kunsill Ewropew għas-Sikurezza fit-Trasport (ETSC), EUROSMART, GMV, ITS Belgium, Kumpanija Nazzjonali tal-Awtostradi u Toroq oħra fir-Rumanija, OctoTelematics, Romanian-American University, Special Telecommunications Service (STS), UTI Systems. Is-sistema rċeviet l-appoġġ formali mingħand 90 firmatarju, inkluż l-operaturi tat-telefonija mobbli (IP/09/1290) kif ukoll mingħand il-manifatturi tal-karozzi madwar l-Ewropa.

Fl-2008, kien hemm aktar minn 1.2 miljun inċident fit-toroq Ewropej li swew il-ħajja ta' madwar 39 000 ruħ u aktar minn 1.7 miljun korriment. Huwa stmat li s-sistema eCall għandha tiswa' inqas minn EUR 100 biex tiġi installata f'kull karozza ġdida.

Sabiex is-sistema eCall tkun operata bis-sħiħ, l-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom jiżguraw li ċ-ċentri tas-sejħa għal servizzi urġenti jkunu mgħammra biex jieħdu ħsieb is-sejħiet li jirċievu u l-vetturi l-ġodda kollha għandhom ikunu mgħammra bit-teknoloġija tal-eCall.

Il-Kummissjoni kienet għamlet sejħa biex l-eCall tinfirex volontarjament madwar l-Ewropa sal-2009 (IP/09/1245) iżda kien hemm dewmien fis-sistema minħabba nuqqas ta’ appoġġ min-naħa ta' wħud mill-pajjiżi tal-UE.

Sfond

Il-Kummissjoni appoġġat il-proġetti ta' riċerka marbuta mas-sistema tal-eCall li jiżguraw li t-teknoloġija taħdem minn fruntiera għall-oħra (eżempju l-proġetti E-MERGE u GST-Rescue u kooperazzjoni li tinkiseb bejn is-settur pubbliku u privat bl-Inizjattiva tal-eSafety tagħha u l-Pjattaforma Ewropea tal-eCall) u ta’ kooperazzjoni bejn industriji fi ħdan l-Inizjattiva eSafety. Is-sistema tal-eCall hija waħda mill-prijoritajiet tal-Inizjattiva għal Karozzi Intelliġenti u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport li jippromwovu l-użu ta’ teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) biex jinkiseb trasport aktar intelliġenti, aktar sikur u aktar ekoloġiku (IP/06/191, IP/10/353).

Fl-aħħar tliet snin, l-UE pprovdiet madwar EUR 160 miljun għal riċerka dwar l-ICT għat-trasport, li tkopri sistemi ta’ sikurezza, sistemi ta’ vetturi intelliġenti u servizzi ta' mobbiltà.

Il-Memorandum ta' Ftehim tal-UE u lista ta' firmatarji huma disponibbli fis-sit li ġej:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/doc/esafety_library/mou/list_of_signatures.pdf

Iktar informazzjoni dwar is-sistema eCall tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/esafety/ecall/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website