Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/481

Brussell, 30 ta’ April 2010

Il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar it-tneħħija tal-ostakli fiskali minn fuq l-investimenti transkonfinali tal-kapital ta' riskju

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport li jispjega l-problemi relatati mat-tassazzjoni doppja li jqumu meta l-kapital ta' riskju jkun investit f'livell transkonfinali, kif ukoll soluzzjonijiet possibbli. Ir-rapport jinkludi r-riżultati u r-rakkommandazzjonijiet li għamel grupp indipendenti ta' esperti fiskali tal-UE, li kien twaqqaf mill-Kummissjoni sabiex jara kif għandhom jitneħħew l-ostakli fiskali ewlenin minn fuq l-investimenti transkonfinali tal-kapital ta' riskju. Il-kapital ta' riskju huwa sors importanti fl-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Għalhekk, l-iffaċilitar tal-investiment tal-kapital ta' riskju fl-UE hu kruċjali għal żvilupp ekonomiku tajjeb. Il-Kummissjoni issa se tqis kif l-aħjar issegwi r-riżultati tar-Rapport, skont l-aġenda usa' tagħha sabiex telimina t-tassazzjoni doppja fl-UE.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi qal: "Il-kapital ta' riskju huwa d-demm vitali li jagħti l-ħajja lil ħafna SMEs. Kif ġie rrikonoxxut mill-miri tal-UE għall-2020, huwa kruċjali li jittejjeb l-ambjent kummerċjali għall-SMEs jekk għandna nibnu ekonomija iktar b'saħħitha u sostenibbli. Għalhekk, għandna tassew noħolqu suq Ewropew effiċjenti tal-kapital ta' riskju, u dan ifisser li neliminaw kwalunkwe ostaklu fiskali li għadu qed itellifna."

Ir-rapport tal-lum jispjega fil-qosor ir-riżultati ewlenin u l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Esperti dwar it-Tneħħija ta' Ostakli Fiskali mill-Investimenti Transkonfinali tal-Kapital ta' Riskju. Il-grupp twaqqaf mill-Kummissjoni fl-2007. Din kienet waħda minn serje ta' miżuri bil-għan li jiffaċilitaw l-investiment transkonfinali tal-kapital ta' riskju fl-UE, favur l-SMEs.

Ir-rapport jidentifika żewġ problemi ewlenin u qed jirrakkomanda soluzzjonijiet possibbli.

L-ewwel nett, il-preżenza lokali ta' maniġer tal-fond tal-kapital ta' riskju fl-Istat Membru li jkun sar investiment fih, jista' jitqies bħala preżenza taxxabbli ("stabbiliment permanenti") tal-fond jew tal-investituri f'dak l-Istat. Dan jista' jwassal għal tassazzjoni doppja jekk il-qligħ mill-investiment ikun intaxxat ukoll fil-pajjiż jew fil-pajjiżi fejn jinsabu l-fond jew l-investituri. L-esperti jipproponu li l-maniġer tal-fond tal-kapital ta' riskju ma għandux jitqies li joħloq preżenza taxxabbli għall-fond jew għall-investituri fl-Istat Membru fejn ikun sar l-investiment. Dan inaqqas il-problemi tat-tassazzjoni doppja fuq l-investiment transkonfinali tal-kapital ta' riskju.

It-tieni nett, instab li bħalissa, l-Istati Membri differenti jistgħu jqisu l-fondi tal-kapital ta' riskju b'modi differenti għall-finijiet tat-taxxa. Pereżempju, fond jista' jitqies bħala trasparenti minn Stat Membru u mhux trasparenti minn Stat Membru ieħor. Għal darb'oħra, dan jista' jwassal għal każijiet ta' tassazzjoni doppja. Għalhekk, l-esperti jissuġġerixxu li l-Istati Membri tal-UE għandhom jaqblu dwar rikonoxximent reċiproku tal-klassifikazzjoni fiskali ta' fondi tal-kapital ta' riskju .

Ir-rapport se jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri sabiex dawn jibagħtu r-reazzjonijiet tagħhom dwar ix-xogħol li qiegħed isir sabiex ikun jista' jitjieb is-Suq Intern għall-SMEs. Il-Kummissjoni se tqis din il-kwistjoni wkoll fl-isforzi usa' tagħha sabiex tittratta t-tassazzjoni doppja (Ara IP/10/469).

Għal aktar tagħrif ara:

http://ec.europa.eu/venture-capital/index_en.htm

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/finance/risk-capital/venture-capital/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website