Navigation path

Left navigation

Additional tools

Skart Radjuattiv: Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini huma favur leġiżlazzjoni Ewropea

European Commission - IP/10/478   29/04/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/478

Brussell, id-29 ta’ April 2010.

Skart Radjuattiv: Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini huma favur leġiżlazzjoni Ewropea

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat stħarriġ tal-Ewrobarometru li juri li maġġoranza kbira tal-Ewropej jaħsbu li jkun utli li jkun hemm leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. It-tħassib dwar ir-riskji għas-sikurezza relatati mal-iskart radjuattiv huwa komuni kemm fil-pajjiżi li għandhom impjanti tal-enerġija nukleari kif ukoll f'dawk li ma għandhomx.

Günther Oettinger, il-Kummissarju responsabbli għall-Enerġija, qal: "Fl-Ewropa kollha, in-nies għandhom l-istess tħassib, kemm jekk hemm impjanti tal-enerġija nukleari f'pajjiżhom kif ukoll jekk mhemmx. Għandna nikkunsidraw dan it-tħassib bis-serjetà u għandna niżguraw li l-iskart radjuattiv jintrema b'mod sikur għan-nies tagħna u għall-ambjent tagħna wkoll."

Il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv

Skont l-istħarriġ Speċjali tal-Ewrobarometru "L-Ewropej u s-Sikurezza Nukleari", il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Ewropej (82 %) huma tal-fehma li l-ġestjoni tal-iskart nukleari għandha tkun regolata fil-livell tal-UE". Din l-opinjoni hija komuni ħafna fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. F'Ċipru (93 %), fl-Ungerija (90 %), fl-Olanda (90 %) u fis-Slovenja (90 %), kważi kulħadd jaqbel ma' din l-opinjoni. Min-naħa l-oħra – f'dawk il-pajjiżi fejn hemm l-inqas nies li jaqblu ma' din il-fehma – hemm livell ta' maġġoranza konsistenti (59 % fl-Awstrija, 60 % fir-Renju Unit, 62 % f'Malta).

Is-sikurezza tal-impjanti nukleari

Filwaqt li ċ-ċittadini juru tħassib ukoll dwar l-użu ħażin ta' materjali nukleari u dwar it-terroriżmu, maġġoranza kbira ta' 59 % jaħsbu li l-impjanti tal-enerġija nukleari jistgħu jitħaddmu b'mod sikur. Din il-medja fost il-pajjiżi tal-UE baqgħet stabbli meta mqabbla mal-istħarriġ li sar fl-2006. Ir-riżultati nazzjonali jindikaw xi tibdil sinifikanti: f'14-il pajjiż, il-qbil ma' din id-dikjarazzjoni żdied; l-aktar fl-Irlanda (+11), fil-Polonja u fil-Lussemburgu (+9), kif ukoll f'Malta, fl-Estonja u fl-Italja (+6). Fil-Bulgarija (-9), fil-Ġermanja (-7), fi Franza u fir-Rumanija (-5), il-livell ta' dan il-qbil naqas.

Sfond:

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk jużawx l-enerġija nukleari jew le. Bħalissa, 15-il pajjiż mis-27 Stati Membri tal-UE għandhom impjanti tal-enerġija nukleari, iżda ftit hemm proġetti għal-faċilitajiet għar-rimi definittiv tal-iskart radjuattiv l-aktar perikoluż. Fl-aħħar sitt xhur tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproponi leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u bħalissa qiegħda twettaq konsultazzjoni pubblika dwar proposta leġiżlattiva ta' dan it-tip. Filwaqt li l-Kummissjoni tal-UE tifhem sew il-fatt li t-taħlita tal-enerġija għandha tibqa' kompetenza nazzjonali, l-UE xorta waħda għandha l-impenn li toħloq l-aktar qafas leġiżlattiv avvanzat tal-UE għas-sikurezza u s-sigurtà nukleari u għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Din il-kompetenza Komunitarja biex jiġu stabbiliti standards bażiċi ta' sikurezza hija espliċitament regolata fit-Trattat tal-Euratom.

Ir-rapport komplet se jkun disponibbli fis-sit tal-internet:

http://ec.europa.eu/energy/nuclear/safety/safety_en.htm

Konsultazzjoni pubblika

http://ec.europa.eu/energy/nuclear/consultations/2010_05_31_fuel_waste_en.htm.

IP/09/1039 (25/06/2009) L-UE tistabbilixxi qafas vinkolanti komuni dwar is-sikurezza nukleari

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/Euratom tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart radjuattiv u ta' kombustibbli nukleari eżawrit

Is-Sit Elettroniku tad-DG ENERGY: Enerġija nukleari u ġestjoni tal-iskart

http://ec.europa.eu/energy/nuclear/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website