Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/472

Brussell, 29 ta’ April 2010

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi r-riċerka u l-innovazzjoni billi tiffaċilita l-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-għotji tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea żvelat pjan biex tissimplifika l-proċeduri biex wieħed jipparteċipa fil-proġetti ta' riċerka li jirċievu fondi mill-UE. L-għan ġenerali huwa li l-parteċipazzjoni tkun trasparenti u attraenti għall-aħjar riċerkaturi u l-intrapriżi innovattivi fl-Ewropa u lil hinn minnha. Huwa kruċjali għall-Istrateġija tal-Ewropa għall-2020 tal-UE li jkun żgurat li l-Ewropa tirrealizza il-potenzjal kollu tagħha, la darba hemm il-bżonn li jkun ikkonsolidat l-irkupru ekonomiku u li jiġu żviluppati sorsi ġodda ta' tkabbir u impjiegi minflok dawk li ntilfu fil-kriżi. Sabiex tikkumplimenta l-proposti dwar is-simplifikazzjoni, il-Kummissjoni appuntat ukoll grupp ta' esperti indipendenti biex janalizzaw l-aspetti kollha tas-Seba' Programm Kwadru attwali.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn qalet: "Il-proposti tagħna għandhom il-mira li jimminimizzaw il-piż amministrattiv fil-programmi Ewropej tar-riċerka. Għandna bżonn il-parteċipazzjoni tal-aħjar riċerkaturi u l-iktar intrapriżi innovattivi u hemm bżonn li ngħinuhom jikkonċentraw fuq ir-riżultati u mhux fuq il-burokrazija (red tape). B'hekk tkun promossa l-ekonomija Ewropea u l-kwalità tal-ħajja. B'mod partikolari, irridu nħeġġu aktar SMEs biex jieħdu sehem. Jiena nemmen li dan jista' jsir mingħajr ma jkun hemm kompromessi fuq il-kontroll finanzjarju. Qed nitolbu l-appoġġ tal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE biex niksbu dan."

Il-Kummissarju għall-Ipprogrammar Finanzjarju u l-Baġit Janusz Lewandowski żied: "Ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju li l-Kummissjoni se tippreżenta x-xahar id-dieħel, se jisħaq fuq dawn l-ideat biex jissimplifika l-fondi għar-riċerka bi proposti legali konkreti, li jgħinu wkoll f'ħafna oqsma oħrajn tal-politika . Għandna bżonn regoli aktar sempliċi biex inħeġġu lill-benefiċjarji potenzjali tal-fondi tal-UE – bħall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jew l-organizzazzjonijiet non-governattivi – biex japplikaw għalihom. Is-simplifikazzjoni tfisser li l-baġit tal-UE jservi liċ-ċittadini u l-intrapriżi aħjar."

L-ewwel parti tal-istrateġija tal-Kummissjoni se tippermetti titjib fil-qafas legali u regolatorju attwali, li parti minnha diġà qed issir. Dawn jinvolvu, pereżempju, sistemi aħjar tal-IT, applikazzjoni aktar konsisteni tar-regoli, b'mod partikolari l-verifika, u titjib tal-istruttura u l-kontenut tas-"sejħiet għall-proposti" li għalihom iwieġbu l-organizzazzjonijiet tar-riċerka li jixtiequ l-fondi.

It-tieni parti tinvolvi tibdil tar-regoli finanzjarji eżistenti li jippermetti iżjed simplifikazzjoni radikali filwaqt li jinżamm kontroll effettiv, pereżempju billi jinfirex l-użu tal-"metodoloġiji tal-kost medju" li jevita l-bżonn li l-proġetti jagħtu rendikont separat u b'wisq reqqa ta' kull oġġett żgħir li jkun intefaq mill-fondi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha wkoll fil-mira li tippermetti lill-proġetti jużaw l-istess metodi ta' kontabbiltà għall-fondi tal-UE kif inhuma meħtieġa li jużaw għall-fondi nazzjonali tar-riċerka. Dawn il-proposti jirrikjedu deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

It-tielet tip ta' bidla prevista se tiġi kkunsidrata għal implimentazzjoni skont Programmi Kwadri għar-Riċerka tal-futur. Fost l-għażliet ippreżentati hemm tendenza lejn "il-ħlas skont ir-riżultati", li jkun ifisser li l-benefiċjarji jitħallsu somom kumplessivi biex jagħmlu ħidmiet xjentifiċi speċifiċi u se jeħtiġilhom juru li għamlu dan b'mod effettiv u effiċjenti, aktar milli jirrappurtaw il-kost tal-oġġetti individwali.

Fil-frattemp, il-Kummissjoni varat l-evalwazzjoni interim tal-Programm (FP7) attwali. Ġie appuntat grupp ta' esperti indipendenti, ippresedut mis-Sur Rolf Annerberg, biex jieħdu ħsieb din l-analiżi u jippreżenta r-rapport tiegħu fil-ħarifa.

Is-Sur Annerberg huwa d-Direttur Ġenerali tal-Kunsill Svediż għar-Riċerka għall-Ambjent, ix-Xjenzi Agrikoli u l-Ippjanar Spazjali (Formas). Il-mandat tal-grupp ikopri firxa ta' kwistjonijiet marbuta mad-disinn, l-implimentazzjoni u l-impatt tal-attivitajiet tal-Programm Kwadru.

Sfond

L-FP7 ta prova li huwa attraenti ħafna għall-komunità tar-riċerkaturi b'iktar minn 33,000 proposta mressqa mill-2007, u kważi 7000 proġett li rċivew il-fondi. Kważi l-universitajiet Ewropej kollha pparteċipaw.

Diġà ttieħdu diversi passi konkreti lejn is-simplifikazzjoni tal-proċeduri kemm fit-twaqqif tal-FP7 u minn meta ilu għaddej.

Pereżempju, l-FP7 introduċa Fond ta' Garanzija ġdid u faċilità ta' reġistrazzjoni unika li tfisser li l-organizzazzjonijiet li qed japplikaw għall-fondi għal diversi proġetti fuq bosta snin, jeħtiġilhom idaħħlu d-dettalji tagħhom darba biss. Tmienja minn għaxar parteċipanti fl-FP7 issa huma eżentati mill-kontrolli tal-kapaċità finanzjarja ex-ante u tlieta minn erba' parteċipanti huma eżentati milli jipprovdu ċertifikati dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji meħtieġa għat-talbiet perjodiċi tal-kost.

Fl-2007 twaqqfu żewġ Aġenziji Eżekuttivi ġodda mill-Kummissjoni. l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC-EA). Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka huwa komponent prominenti tal-FP7 u jagħti għotji lill-proġetti mmexxija minn riċerkaturi li għadhom jibdew u oħrajn stabbiliti, mingħajr il-ħtieġa li l-proġetti jinvolvu konsorzji transkonfinali.

Link għat-test sħiħ tal-Komunikazzjoni:

http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm?pg=documents

Għal aktar dettalji, dwar il-komunikazzjoni tal-lum, dwar il-miżuri li ttieħdu fil-passat u dwar ir-reviżjoni tal-FP7, ara MEMO/10/156


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website