Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Studju ġdid dwar “Il-Prodotti Pubbliċi pprovduti mill-Agrikoltura fl-Unjoni Ewropea”

Commission Européenne - IP/10/46   25/01/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/46

Brussell, il-25 ta’ Jannar 2010

Studju ġdid dwar “Il-Prodotti Pubbliċi pprovduti mill-Agrikoltura fl-Unjoni Ewropea”

Il-Politika Agrikola Komuni għandha rwol kritiku fl-għoti tal-għajnuna lill-bdiewa sabiex dawn iwasslu prodotti u servizzi ambjen tali, sakemm il-politiki jkunu mmirati tajjeb. Dan huwa l-messaġġ ewlieni ta’ rapport ippubblikat illum għad-DĠ tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali mill-Istitut Ewropew tal-Politika Agrikola Komuni. Ir-rapport huwa l-ewwel tentattiv li qatt sar biex tiġi identifikata l-firxa sħiħa ta’ prodotti pubbliċi ambjentali pprovduti mill-bdiewa madwar l-Ewropa u jistabbilixxi l-argumenti għall-ħlas tat-twassil tagħhom minn but il-pubbliku. L-istudju jidentifika firxa wiesgħa ta’ prodotti pubbliċi ambjentali u soċjali diversi li huma pprovduti mill-bdiewa Ewropej, inklużi pajsaġġi kulturali ta’ valur 1 ; l-għasafar tar-raba’, bħall-Pitarrun u l-Ajkla Imperjali li huma mhedda globalment 2 ; u l-mergħat rikki b’ħafna speċijiet li jinsabu madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, il-bdiewa jieħdu ħsieb l-art għall-ħażna tal-karbonju u jgħinu biex tinżamm kwalità tajba ħafna tal-ilma u tal-ħamrija. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju ħarġu fi żmien meta d-dibattitu dwar il-futur tal-PAK qed jintensifika u meta l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-PAK għall-perjodu ta’ wara l-2013 qed jiġu diskussi. L-istudju jikkonkludi li politika mmirata sew, b’għanijiet ċari u b’riżorsi baġitarji suffiċjenti, se tkun essenzjali biex tiżgura t-twassil tal-prodotti pubbliċi f’konformità mal-aspettattivi tas-soċjetà.

L-istudju juri li l-pubbliku Ewropew jagħti importanza kbira lil dawn il-prodotti pubbliċi u madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li dawn mhux qed jiġu pprovduti fi skala suffiċjenti. L-istudju sab li l-PAK għandu firxa ta’ miżuri li jgħinu biex jappoġġaw lill-bdiewa fit-twassil tal-prodotti pubbliċi. It-taħlita ta’ ħlasijiet diretti u kundizzjonalità tappoġġa livell bażiku ta’ provvediment pubbliku tal-prodotti madwar proporzjon kbir taż-żona tal-biedja tal-UE. Il-miżuri tal-Iżvilupp Rurali, bħall-miżura agroambjentali, jipprovdu lill-bdiewa bl-inċentivi li jwasslu firxa wiesgħa ta' prodotti pubbliċi b'mod iktar immirat.

Ir-rapport jikkonkludi li l-provvista ta' ħafna minn dawn il-prodotti pubbliċi mhijiex biżżejjed. In-nuqqas ta’ provvista tal-prodotti pubbliċi aktarx li tiġi aċċentwata fil-futur minħabba theddid bħalma huma x-xejriet fil-prezzijiet tal-prodotti, il-mezzi teknoloġiċi u l-impatti tat-tibdil fil-klima, li jissuġġerixxu l-ħtieġa ta’ grad ikbar ta’ intervent pubbliku fil-futur.

Ir-rapport jista’ jitniżżel mill-ħolqa li ġejja:

http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/external/public-goods/index_en.htm

1 :

Inklużi, pereżempju, il-pajsaġġi uniċi tal-għoljiet u x-xagħri Ingliżi, il-pajsaġġi pastorali fin-Nofsinhar tat-Transilvanja, ir-Rumanija, il-pajsaġġi kkaratterizzati mill-produzzjoni tradizzjonali taż-żebbuġ u wċuħ tar-raba’ permanenti oħra fl-Italja u fi Spanja, iż-żoni ta' mergħat għoljin tal-Awstrija, in-Nofsinhar ta' Franza u t-Tramuntana tal-Italja, il-bassasa tal-mergħa ta’ Mecklenburg fil-Ġermanja, u l-għelieqi estensivi tar-ross tal-Ebro Delta, fil-Grigal ta’ Spanja.

2 :

Il-Pitarrun (Otis tarda) u l-Ajkla Imperjali (Aquila heliaca).


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site