Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Abbozz tal-Baġit tal-UE għall-2011: Il-futur lil hinn mill-kriżi

European Commission - IP/10/468   27/04/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/468

Brussell, is-27 ta' April 2010

L-Abbozz tal-Baġit tal-UE għall-2011: Il-futur lil hinn mill-kriżi

Il-prijoritajiet tal-abbozz tal-baġit għall-2011 adottat mill-Kummissjoni fis-27 ta’ April 2010 huma li tingħata spinta lill-irkupru ekonomiku, li jsir investiment fiż-żgħażagħ Ewropej u fl-infrastrutturi ta’ għada. Minn ammont totali ta’ €142.6 biljun (bn), madwar €64.4bn huma ddestinati għal azzjonijiet ta’ rkupru ekonomiku (+3.4% fuq l-2010). Barra minn dan, il-fondi li qegħdin isostnu l-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija UE 2020 (għat-tkabbir) jirrappreżentaw madwar €57.9bn (madwar 40% mill-Baġit).

L-ambizzjoni tagħna permezz ta' dan il-baġit hija li nkomplu nippromwovu l-irkupru ekonomiku flimkien mal-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari favur dawk l-aktar vulnerabbli, f'dan iż-żmien ta' wara l-kriżi. Fl-istess ħin irridu li dan il-baġit, jirrifletti l-istrateġija komprensiva l-ġdida tal-UE għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir,” stqarr Janusz Lewandowski, il-Kummissarju għall-ipprogrammar finanzjarju u għall-baġit.

L-abbozz tal-baġit li ġie adottat illum jagħti lill-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha inċentivi biex jiżviluppaw ekonomija għall-futur: ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-inklużjoni huma l-pedamenti tagħha. Dan l-abbozz tal-baġit jiffoka fuq għajnuna liż-żgħażagħ tagħna biex jitħejjew aħjar għall-futur tagħhom u fuq inkoraġġiment għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju biex jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-UE biex jissuperaw il-kriżi."

€64.4 biljun: Baġit għal tkabbir futur sostenibbli

Il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni issa qegħdin f’fażi ta’ implimentazzjoni attiva fil-prattika. Għalkemm l-impenji għal proġetti ġodda żdiedu bi 3.2%, l-approprjazzjonijiet għall-ħlas għal proġetti attivi żdiedu b’16.9% u laħqu aktar minn €42.5 bn. Din iż-żieda fil-ħlasijiet mistennija tikkontribwixxi f’termini reali għall-istimulu meħtieġ tal-ekonomiji nazzjonali, filwaqt li tippromwovi l-aġġustament strutturali tal-mudell ta’ tkabbir sostenibbli li ġie identifikat mill-UE fl-istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi li ntlaħaq qbil dwarha dan l-aħħar. Qed titkompla wkoll l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u se jkun hemm €1bn aktar għall-finanzjament tal-implimentazzjoni sħiħa ta’ proġetti tal-enerġija approvati fl-2009 u fil-bidu tal-2010 fil-qasam tal-qbid u l-ħażna tal-karbonju, tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u l-infrastruttura tal-enerġija. Bl-istess mod, madwar € 500M se jiffinanzjaw il-proġetti ta’ informazzjoni teknoloġika fuq banda wiesgħa li ġew approvati għal żoni rurali.

Filwaqt li l-finanzjament għall-ispiża relata mas-suq u għal għajnuniet diretti taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) kif ukoll għall-iżvilupp rurali se jibqa’ stabbli, il-finanzjament għall-ħarsien tal-ambjent permezz tal-programm Life+ se jgawdi minn żieda fil-finanzjament ta’ +8.7% u b’hekk se jilħaq it-€333M.

L-abbozz tal-baġit għall-2011 iżid ukoll l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-infrastruttura u l-kapital uman. Is-7 Programm ta' Qafas tal-Komunità għar-riċerka u l-iżvilupp tekniku se jiżdied bi 13.8%, u jilħaq it-€8.6bn; l-UE ma investiet qatt qabel daqshekk f’dan il-programm. Ir-riċerka u l-iżvilupp waħidhom ma jistgħux jagħtu spinta lill-irkupru ekonomiku: in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija se jikbru b’16.8% (€1.3bn) filwaqt li l-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), se jirċievi 4.4% aktar f’fondi meta mqabbel mal-2010 (€549M).

Baġit għall-futur taż-żgħażagħ tagħna u għal tisħiħ taċ-ċittadinanza

“Aktar minn 20% miż-żgħażagħ tal-Ewropa huma qiegħda", stqarr Janus Lewandowski. “B'mod ċar, dan huwa insostenibbli. Il-baġit tal-UE għandu jgħin biex jagħtihom l-għodda li jeħtieġu għall-karriera professjonali tagħhom, sew jekk permezz tal-edukazzjoni u sew jekk permezz ta’ skambji.”

Għal dan l-iskop il-finanzjament tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jiżdied bi 2.6% (€1.1bn), u b’hekk ikun hemm aktar minn 200,000 għotja tal-Erasmus disponibbli għall-istudenti. 120,000 parteċipant ieħor se jkunu ffinanzjati permezz tal-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni li jalloka €127M (+1.6%) biex jgħin fir-reklutaġġ taż-żgħażagħ permezz ta' attivitajiet informali tat-tagħlim.

Il-finanzjament ta’ programmi fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u l-ġustizzja se jiżdied bi 12.8% - l-ogħla żieda fost l-intestaturi tal-abbozz tal-baġit għall-2011. Il-kontribuzzjonijiet sostanzjali għall-iżgurar u s-salvagwardja tal-libertajiet (+24.4%) u l-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni (+18.5%) jirriflettu l-importanza li tingħata lill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar iċ-ċittadinanza, il-ġustizzja, is-sigurtà, l-ażil u l-immigrazzjoni għall-ħames snin li ġejjin, li ġie adottat mill-Kummissjoni dan l-aħħar.

L-UE bħala attur globali

Il-livell sostnut ta' finanzjament għall-UE bħala attur globali (+5,6%) huwa kkonfermat minn tliet proposti ewlenin:

    a) Tisħiħ tal-wiegħda li għamlet l-UE fil-Konferenza tan-NU fil-Ħarifa dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju ( €65M);

    b) Żieda fl-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaffaċjaw it-tibdil fil-klima (€ 65M);

    c) Allokazzjoni ta’ somma ġdid għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-komunità Turko-Ċiprijotta (€25M).

Nefqa amministrattiva

In-nefqa amministrattiva għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE se tkun ta’ €8.3 biljuni jew 5.9% tal-baġit. Il-Kummissjoni se tkompli tirrispetta l-impenn tagħha li ma jkunx hemm żieda fil-persunal u se talloka mill-ġdid il-persunal internament biex taffaċċja sfidi u kompiti ġodda.

X’inhuma l-passi li jmiss?

“Dan huwa l-ewwel baġit taħt it-Trattat ta’ Liżbona,” spjega Janusz Lewandowski. Hemm żewġ differenzi ewlenin: l-ewwel nett, il-proċedura kollha titwettaq ħafna aktar malajr milli fil-passat għaliex hemm biss qari wieħed fil-Parlament Ewropew minflok it-tnejn li kien hemm fil-passat. It-tieni nett, għall-ewwel darba, il-Kunsill u l-Parlament għandhom setgħa ugwali fl-adozzjoni tal-baġit. Dan jeħtieġ aktar kooperazzjoni minn qatt qabel bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE involuti fil-proċess.”

Il-Kunsill se jagħmel il-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-baġit magħrufa f'Ġunju u mbagħad il-Parlament Ewropew isegwih f'Ottubru. Fil-każ li ma jkunx hemm qbil bejniethom il-Kummissjoni Ewropea, fir-rwol tagħha ta' medjatur onest, tati bidu għal proċedura ta' konċiljazzjoni ta' 21 jum. Huwa mistenni li l-Parlament jadotta l-baġit finali għall-2011 f’Novembru.

Nota: Il-baġit jipprevedi kemm impenji (wegħdiet legali li jiġi pprovdut finanzjament, sakemm ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet) kif ukoll ħlasijiet (flus kontanti jew trasferimenti bankarji lill-benefiċjarji).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website