Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/451

Brussell, 21 ta' April 2010

L-għajnuna għall-iżvilupp u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju: Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jerġgħu jibdew jagħtu aktar għajnuna u għajnuna aħjar

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat pjan ta' azzjoni ambizzjuż għal azzjoni tal-UE biex iżżid il-progress fil-qasam tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (l-MDGs). Fl-2009, il-livell ta' għajnuna tal-UE naqas bi ftit u kien jammonta għal €49 biljun. Dan jikkorrispondi għal 0.42% tal-GNI tal-UE, li jfisser li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq il-mira kollettiva intermedjarja ta' 0.56% GNI sal-2010, qabel tilħaq 0.7% GNI tal-UE sal-2015. L-UE għadha l-aktar donatur globali ġeneruż, u tipprovdi aktar minn nofs tal-għajnuna globali. Il-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri numru ta' azzjonijiet b'appoġġ għall-MDGs. L-għan tagħhom huwa li jiżdied il-livell ta' għajnuna filwaqt li l-għajnuna ssir aktar effiċċjenti u ffukata fuq dawk il-pajjiżi u setturi li l-aktar jeħtiġuha. Biex tgħin il-pjan ta' azzjoni, il-Kummissjoni adottat ukoll Komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni u l-iżvilupp bil-għan li jiżdied id-dħul domestiku ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' bini ta' sistemi fiskali domestiċi aktar b'saħħithom u permezz tal-ġlieda internazzjonali kontra l-evażjoni tat-taxxa. Il-pjan ta' azzjoni jistabbilixxi pożizzjoni tal-UE possibbli qabel is-Summit tan-NU dwar l-MDGs f'Settembru.

Il-President Barroso qal: "L-2010 hija sena ta' opportunità għall-UE biex iġġedded l-impenn tagħha lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (l-MDGs). Hekk kif qed niċċelebraw 'Is-Sena Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali', huwa importanti li wieħed ifakkar li l-isfida tal-faqar ma tiqafx fil-fruntieri tal-UE. Nitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw parti mill-pjan tagħna għall-futur. Il-promozzjoni tal-iżvilupp jeħtieġ li tkun parti mit-tweġiba tal-Ewropa għall-isfidi globali. Għandna ċ-ċans li bil-ħidma tagħna dawn l-għaxar snin li ġejjin ikunu perjodu ġdid għall-iżvilupp u jien personalment ninsab impenjat biex immexxi din l-aġenda fuq livell globali matul is-Summits ta' din is-sena tal-G8 u tal-G20 u fil-Laqgħa tan-NU għar-Reviżjoni tal-MDGs."

Il-Kummissjarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs qal: "Irrid li l-Ewropa tibqa' l-mexxejja ewlenija u l-aktar kredibbli fil-ġlieda kontra l-faqar. Irrid li nżommu l-wegħdiet tagħna ta' aktar għajnuna u għajnuna aħjar biex innaqqsu l-faqar bin-nofs sal-2015. Dan il-pjan juri kif nistgħu nżommu l-ewwel post fil-ħidma tagħna mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex nerġgħu naqbdu r-ritmu previst fejn jidħlu l-MDGs. L-għanijiet għadhom jistgħu jinkisbu, sakemm ikun hemm sforz finanzjarju u rieda politika mill-Istati Membri tal-UE."

Aktar għajnuna u valur aħjar għall-għajnuna, b'politiki koerenti

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea jipproponi modi biex tiġi żgurata żieda fl-għajnuna mill-Istati Membri u jappoġġja l-bżonn għal sorsi innovattivi ta' finanzjar. Jindirizza wkoll il-kwalità tal-għajnuna: Il-Kummissjoni trid tagħmel l-għajnuna aktar effettiva, billi taqsam ix-xogħol u r-responsabbiltajiet fi ħdan l-UE, u hekk tkun ċerta li ma jkunx hemm pajjiżi li jitħallew bla għajnuna. Il-Kummissjoni trid tiżgura wkoll li l-politiki kollha tagħha jkunu koerenti mal-għanijiet tal-iżvilupp.

Il-pjan ta' azzjoni jikkonsisti fi 12-il punt.

  • L-Istati Membri se jintalbu jistabbilixxu pjanijiet ta' azzjoni realistiċi, li jiġu verifikati fuq bażi annwali sabiex jintlaħqu l-miri1 u biex jippubblikaw l-ewwel pjanijiet qabel Settembru 2010. Il-Kunsill Ewropew għandu jmexxi l-proċessi ta' reviżjoni mis-sieħba fost l-Istati Membri. Il-Pjan ta' Azzjoni jagħmel sejħa wkoll għal ġarr tal-piż internazzjonali ġust ma' donaturi internazzjonali oħra biex jiżdied il-livell ta' ambizzjoni tagħhom;

  • Żieda fl-għajnuna effettiva billi l-programmi nazzjonali ta' għajnuna jiġu koordinati aħjar fil-livell tal-UE. Dan ifisser valur aħjar għall-flus u jistgħu jiġu frankati madwar €3 sa €6 biljun fis-sena. Il-pjan tal-UE għar-rikostruzzjoni f'Haiti iservi ta' eżempju tajjeb. L-effettività fl-għajnuna għandha tiġi promossa wkoll f'livell internazzjonali;

  • Jiġu indirizzati stati fraġli u dawk li jinsabu l-aktar 'il bogħod fejn jidħlu l-MDGs;

  • Jiġu indirizzati dawk li jinsabu l-aktar 'il bogħod fejn jidħlu l-MDGs, permezz ta' miżuri settorali fil-qasam tas-Sessi, is-Saħħa, l-Edukazzjoni u s-Sigurtà tal-Ikel;

  • Titrawwem sjieda tal-MDGs fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jsir xogħol fi sħubiji, bħall-Istrateġija Konġunta UE-Afrika;

  • Żgurar li politiki oħra tal-UE bħas-sigurtà, il-kummerċ, il-migrazzjoni, is-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima jaħdmu b'koerenza mal-għanijiet tal-millenju;

  • Mobilizzar tar-riżorsi domestiċi permezz ta' tassazzjoni aħjar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. B'mod parallel, promozzjoni tal-prinċipji ta' governanza tajba f'materji ta' taxxa u appoġġ tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa f'livell internazzjonali;

  • Tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ għat-tkabbir u l-impjiegi;

  • Appoġġ għall-inizjattivi dwar finanzjar innovattiv b'potenzjal ta' dħul għoli u li jiġi żgurat li l-ifqar nies ikunu l-aktar li jibbenefikaw;

  • Użu bħala "bidu mgħaġġel" tal-impenn ta' finanzjar ta' 2.4 biljun fis-sena li sar f'Kopenħagen għat-tibdil fil-klima bħala test għall-effettività tal-għajnuna u l-koerenza.

  • Tnedija ta' pjan ġdid biex jiġu indirizzati u jsir intervent aħjar f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u biex l-iżvilupp u s-sigurtà jaħdmu aħjar flimkien;

  • Appoġġ għal aktar saħħa għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-arkitettura tal-governanza internazzjonali, il-Bank Dinji u l-Fond Internazzjonali Monetarju, u r-riforma tan-NU għal aġenziji aktar effettivi.

Il-passi li jmiss

Il-pjan ta' Azzjoni tal-UE u d-dokumenti tematiċi li jakkumpanjawh se jiġu diskussi fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin f'Mejju u Ġunju. Il-pjan għandu wkoll ikun parti mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju, sabiex tiġi żgurata vuċi Ewropea b'saħħitha u koordinata fid-dawl tas-Summit tan-NU dwar l-MDGs f'Settemrbu 2010.

Ara wkoll

MEMO/10/147 dwar il-Pjan ta' Azzjoni u l-istatistiċi tal-UE tal-2009

MEMO/10/146 dwar it-Taxxa u l-Iżvilupp

MEMO/10/145 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju u "proġetti finanzjati mill-UE"

Dokumenti relatati oħra

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE b'appoġġ għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju:

http://ec.europa.eu/development/services/dev-policy-proposals_en.cfm

Atlas tad-donaturi tal-UE:

http://development.donoratlas.eu/index2010.htm

Proġetti fil-websajt tal-Kummissarju

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Monitoraġġ tal-progress finanzjat mill-UE għall-MDGs:

http://esl.jrc.it/dc/

1 :

0.33% tal-GNI għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004; 0.7% tal-GNI għall-pajjiżi l-oħra tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri li kisbu dik il-mira jimpenjaw ruħhom li jibqgħu 'l fuq minn dak il-livell


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website