Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni taġixxi biex issaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta taċ-ċittadini, tipproteġi d-drittijiet tal-konvenuti u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ażil

Commission Européenne - IP/10/447   20/04/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/447

Brussell, l-20 ta’ April 2010

Il-Kummissjoni taġixxi biex issaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta taċ-ċittadini, tipproteġi d-drittijiet tal-konvenuti u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ażil

Iċ-ċittadini jistennew li jkollhom l-istess drittijiet u sens ta' sigurtà madwar l-Unjoni Ewropea. Il-ħolqien ta' żona unika ta' ġustizzja u sigurtà għal 500 miljun Ewropew hija prijorità ewlenija għall-Kummissjoni Ewropea f'dawn il-ħames snin li ġejjin. Illum il-Kummissjoni ppreżentat azzjonijiet konkreti – bi skedi ta' żmien stabbiliti – biex issaħħaħ l-abilità taċ-ċittadini li jaħdmu, isiefru u jistudjaw barra minn pajjiżhom. Il-proposti se jsaħħu s-sigurtà taċ-ċittadini b'kooperazzjoni ġudizzjarja aħjar u aktar solidarjetà permezz ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. In-negozji se jibbenefikaw ukoll minn tnaqqis fil-burokrazija u żieda fiċ-ċertezza legali fit-tranżazzjonijiet transkonfinali. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-UE issa għandha l-għodda biex iġġib bilanċ ġdid fil-politiki sabiex issaħħaħ id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tal-Ewropa.

"Iċ-ċittadini tal-UE m'għandhomx jaffaċċjaw ostakli għall-ġustizzja meta jitilqu minn pajjiżhom. Jien irrid li ċ-ċittadini jkunu kunfidenti li l-UE tista' tiddefendi d-drittijiet tagħhom meta jkunu barra minn pajjiżhom, sewwa jekk ikunu se jibdew familja, jippjanaw biex jirtiraw, isolvu tilwim kuntrattwali jew jitrattaw mar-riżultati ta' inċident bil-karozza," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Dawn il-proposti ambizzjużi se jneħħu l-ostakli burokratiċi li attwalment ifixklu l-ħajja taċ-ċittadini u jżidu spejjeż żejda u inċertezza legali għan-negozji tagħna. Jien ninsab ħerqana li naħdem mal-Parlament Ewropew, mal-parlamenti nazzjonali u mal-gvernijiet dwar dawn il-miżuri, kif ukoll maċ-ċittadini nfushom."

Il-Kummissarju tal-Affarijiet Interni tal-Unjoni Ewropea Cecilia Malmström qalet: "Il-programm stabbilit fi Stokkolma huwa pjan ta' direzzjoni għal Ewropa libera u sigura. Peress li l-libertà u s-sigurtà huma importanti għaċ-ċittadini Ewropej,din hija wkoll opportunità għall-Ewropa biex issir iktar qrib taċ-ċittadini. Għal din ir-raġuni aħna se nipproponu, fost affarijiet oħra, sistema ta' dħul u ħruġ għaż-żona ta' Schengen, sabiex in-nies ikunu jistgħu jaqmsu l-fruntieri b'inqas burokrazija iżda b'iktar sigurtà. Aħna se nintroduċu wkoll għodda biex niġġieldu l-kriminalità organizzata b'mod iktar effettiv u nużaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda fit-Trattat ta' Liżbona sabiex nikkriminalizzaw l-attakki fuq l-internet u s-serq tal-identità fuq l-internet. L-għan tiegħi hu li noħloq sistema komuni tal-ażil u l-migrazzjoni bbażata fuq is-solidarjetà."

F'Diċembru li għadda, il-mexxejja Ewropej approvaw 170 inizjattiva magħrufa bħala l-Programm ta' Stokkolma. Il-miżuri huma maħsuba biex joħolqu żona ġenwina Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja f'dawn il-ħames snin li ġejjin. Il-Kummissjoni issa bidlet dawn l-għanijiet fi pjan ta' azzjoni għall-2010-2014.

Fil-qasam tal-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, il-pjan jinkludi dawn il-proposti li ġejjin:

  • Titijib fil-protezzjoni tad-dejta għaċ-ċittadini fil-politiki kollha Ewropej – inkluż l-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni tal-kriminalità – u f'relazzjonijiet mal-imsieħba internazzjonali. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-UE tal-1995 se tiġi modernizzata biex twieġeb għall-isfidi teknoloġiċi ġodda.

  • Tisħiħ tad-drittijiet tal-akkużat fil-proċedimenti kriminali biex ikollhom proċess ġust bi proposti dwar kif huma jkunu infurmati bl-akkużi, il-provvediment ta' konsulenza legali, komunikazzjoni mal-qraba u żgurar ta' garanziji speċjali għal persuni vulnerabbli.

  • Tnaqqis tal-burokrazija għaċ-ċittadini u n-negozji billi jkun żgurat li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji u d-dokumenti ċivili jkunu rikonoxxuti bejn il-fruntieri mingħajr proċeduri ineffiċjenti jew spejjeż eċċessivi.

  • Simplifikazzjoni tal-irkupru transkonfinali tad-dejn u riżoluzzjoni alternattiva għal tilwim. Illum il-kumpaniji jirkupraw biss 37% tad-dejn transkonfinali.

  • Tisħiħ tal-kummerċ onlajn billi l-kumpaniji jiġu offruti liġi kuntrattwali Ewropea mhux obbligatorja. Fl-2008 7% biss mit-tranżazzjonijiet onlajn fl-Ewropa kienu transkonfinali.

  • Żieda fil-protezzjoni għaċ-ċittadini li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom fl-UE meta jibbukkjaw vaganza jew jippreżentaw pretensjoni wara inċident tat-traffiku. Għas-safar barra l-UE, iċ-ċittadini se jkollhom protezzjoni konsulari aħjar.

    Fil-qasam tal-Affarijiet Interni, il-Pjan jinkludi dawn il-proposti li ġejjin:

  • Definizzjoni ta' strateġija ta' sigurtà komprensiva biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, il-protezzjoni ċivili, ġestjoni tad-diżastri u tal-fruntieri kif ukoll il-kooperazzjoni kriminali ġudizzjarja.

  • Negozjar ta' ftehim fit-tul mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta minn messaġġi finanzjarji għall-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (Programm tar-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu – TFTP).

  • Eżaminazzjoni tal-approċċ tal-UE għall-użu tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (UE – PNR) għall-għanijiet tal-infurzar tal-liġi u l-ħolqien ta' qafas Ewropew għall-komunikazzjoni tad-dejta PNR lill-pajjiżi terzi.

  • Protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej mill-kriminalità fuq l-internet billi jiġi kkriminalizzat is-serq tal-identità kif ukoll softwer ħażin li qed jintuża biex isiru attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri billi tinħoloq sistme ta' dħul-ħruġ.

  • Evalwazzjoni u, jekk meħtieġ, emenda tad-Direttiva taż-Żamma tad-Dejta.

  • Approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-għanijiet ta' impjieg staġunali u trasferimenti fi ħdan l-istess kumpanija; Introduzzjoni ta' sistema komuni tal-ażil tal-UE u trawwim tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Sfond

Il-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta' Diċembru 2009 adotta l-Programm ta' Stokkolma, Pjan komprensiv tal-ġustizzja u l-politiki ta' sigurtà għall-2010-2014.

Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE saret torbot b'mod legali fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u fuq l-Istati Membri meta jaġixxu fl-ambitu tal-liġi tal-UE. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tar-regoli u l-politiki tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni se jkunu proposti mill-Kummissjoni u approvati kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill, b'dan tal-aħħar jivvota b'maġġoranza kkwalifikata minflok b'unanimità; li se tħaffef il-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni.

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

MEMO/10/139


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site