Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/445

Brussell, l-20 ta' April 2010

Antitrust: Il-Kummissjoni tadotta regoli riveduti tal-kompetizzjoni għad-distribuzzjoni tal-merkanzija u tas-servizzi

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Regolament li jagħmel eżenzjoni ta' kategorija fuq ftehimiet bejn manifatturi u distributuri dwar bejgħ ta' prodotti u servizzi. Ir-Regolament u l-Linji Gwida li jakkumpanjawh jikkunsidraw l-iżvilupp, matul l-aħħar 10 snin, tal-Internet bħala qawwa għall-bejgħ online u għall-kummerċ transkonfinali, fattur li l-Kummissjoni trid tippromwovi hekk kif iżżid l-għażla għall-konsumatur u l-kompetizzjoni fil-prezzijiet. Il-Prinċipju bażiku jibqa' dak li l-kumpaniji jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu kif jiġu distribwiti l-prodotti tagħhom, sakemm il-ftehimiet tagħhom ma jinkludux iffissar tal-prezzijiet jew restrizzjonijiet fundamentali oħra, u sakemm sew il-manifattur kif ukoll id-distributur ma jkollhomx aktar minn 30% tas-sehem mis-suq. Id-distributuri approvati huma ħielsa li jbigħu fuq l-internet mingħajr limiti ta' kwantità, ta' fejn jinsab il-konsumatur u restrizzjoni ta' prezzijiet.

"L-applikazzjoni ċara u prevedibbli tar-regoli tal-kompetizzjoni dwar il-ftehimiet għall-forniment u d-distribuzzjoni hi essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u għall-benesseri tal-konsumatur. Id-distributuri għandhom ikunu ħielsa li jissodisfaw id-domanda tal-konsumatur, sew jekk minn ħwienet fiżiċi jew inkella minn fuq l-internet. Ir-regoli adottati llum se jiżguraw li l-konsumaturi jkunu jistgħu jixtru prodotti u servizzi bl-aħjar prezzijiet disponibbli ikunu fejn ikunu fl-UE filwaqt li kumpaniji mingħajr saħħa fis-suq jitħallew essenzjalment ħielsa li jorganizzaw in-netwerk tagħhom tal-bejgħ kif jidhrilhom li hu l-aħjar," qal il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-Kummissarju responsabbli mill-Kompetizzjoni Joaquin Almunia.

Il-Kummissjoni llum adottat Regolament ġdid li 'jagħmel eżenzjoni ta' kategorija' fuq ftehimiet ta' distribuzzjoni u forniment fil-livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni. Hemm mijiet ta' eluf ta' ftehimiet "vertikali" bħal dawn u, għalhekk, ir-reviżjoni tar-regoli hija importanti għan-negozji u l-konsumaturi. Ir-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija għar-Restrizzjonijiet Vertikali (VRBER) eżistenti u l-Linji Gwida li jakkumpanjawh għandhom 10 snin.

Il-manifatturi jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu huma kif jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom. Imma sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta' kategorija, ma jistgħux ikollhom sehem mis-suq li jaqbeż it-30% u l-ftehimiet tagħhom dwar id-distribuzzjoni u l-forniment ma jistax ikollhom xi restrizzjonijiet fundamentali ta' kompetizzjoni, bħall-iffissar tal-prezzijiet għall-bejgħ mill-ġdid jew il-ħolqien mill-ġdid ta' barrieri għas-suq uniku tal-Unjoni Ewropea.

Ir-regoli l-ġodda jintroduċu l-istess limitu massimu ta' sehem mis-suq ta' 30% għad-distributuri u l-bejjiegħa bl-imnut biex jiġi meqjus il-fatt li uħud mix-xerrejja jista' jkollhom ukoll qawwa fis-suq b'effetti potenzjalment negattivi fuq il-kompetizzjoni. Din il-bidla hi ta' benefiċċju għall-intrapriżi żgħar u medji (SME's), sew jekk manifatturi u sew jekk bejjiegħa bl-imnut, li kieku setgħu jiġu esklużi mis-suq tad-distribuzzjoni.

Dan ma jfissirx li ftehimiet bejn kumpaniji li jkollhom ishma akbar mis-suq huma illegali. Ifisser biss li huma jridu jevalwaw jekk il-ftehimiet ta' bejniethom ikollhomx klawsoli restrittivi u jekk jistgħux ikunu ġġustifikati.

Ir-regoli l-ġodda jindirizzaw ukoll speċifikament il-kwistjoni tal-bejgħ online. Ladarba jkunu awtorizzati d-distributuri għandhom jitħallew ħielsa li jbigħu permezz tal-websajts tagħhom kif ibigħu mill-ħwienet tradizzjonali u l-postijiet fiżiċi tagħhom ta' bejgħ. Għad-distribuzzjoni selettiva, dan ifisser li l-manifatturi ma jistgħux jillimitaw il-kwantitajiet mibjugħa minn fuq l-internet jew jimponu prezzijiet ogħla għall-prodotti li jkunu se jinbiegħu online. Il-Linji Gwida jkomplu jiċċaraw il-kunċetti ta' bejgħ "attiv" u "passiv" għad-distribuzzjoni esklużiva. It-terminazzjoni tat-tranżazzjonijiet jew li l-konsumaturi jintbagħtu x'imkien ieħor wara li jkunu daħħlu d-dettalji tal-karti ta' kreditu tagħhom li juru indirizz barrani, mhux se jiġu aċċettati.

Bid-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, l-atturi ekonomiċi issa se jkollhom sisien u inċentivi ċari biex jiżviluppaw attivitajiet online biex jilħqu, u jintlaħqu, minn konsumaturi minn madwar l-UE u jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq intern.

Naturalment, il-manifatturi jistgħu jagħżlu d-distributuri fuq il-bażi tal-istandards ta' kwalità tal-preżentazzjoni tal-prodotti, irrispettivament jekk joperawx online jew le. Jistgħu jiddeċiedu li jbigħu biss lil aġenti li jkollhom 'ħanut fiżiku' wieħed jew aktar, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jaraw fiżikament u jippruvaw u jeżaminaw il-prodotti tagħhom. Madankollu, f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tkun attenta b'mod partikolari għas-swieq ikkonċentrati li għalihom sew bejjiegħa li jraħħsu l-prezzijiet onlajn kif ukoll dawk tradizzjonali jistgħu ma jkollhomx aċċess għalihom.

Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ f'Ġunju u jibqgħu validi sal-2022, b'fażi tranżizzjonali ta' sena.

Sfond

Ir-Regolament preżenti dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija kien adottat fl-1999 u jeżenta ftehimiet li jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE – Artikolu 101(3) tat-Trattat tal-UE.

Bħar-regoli mgħoddija, il-BER il-ġdid jimmira li jnaqqas it-toqol regolatorju għal kumpaniji mingħajr qawwa fis-suq, b'mod partikolari għall-SMEs.

Abbozz tar-regoli l-ġodda kien ippubblikat f'Lulju tal-2009 u r-reazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħha kienet li l-BER kellha suċċess biex tnaqqas l-ispejjeż ta' konformità u l-burokrazija filwaqt li jkun żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw minn kompetizzjoni ta' għażla u prezzijiet. Il-Kummissjoni rċeviet aktar minn 150 sottomissjoni.

Ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta' Kategrija jinsab fuq: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/legislation/vertical.html

Il-Linji Gwida ddettaljati se jkunu ppubblikati wara li jitlestew il-verżjonijiet lingwistiċi differenti.

Ara M&T Memo/10/138 li jakkumpanja din l-istqarrija stampa.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website