Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/434

Brussell, il-15 ta’ April 2010

Il-konsumaturi: Ir-Rapport Annwali 2009 tar-RAPEX juri effiċjenza fil-kooperazzjoni tal-UE dwar il-prodotti perikolużi

Ir-rapport annwali tar-RAPEX tal-Kummissjoni maħruġ illum juri li l-għadd ta' prodotti perikolużi tal-konsumatur innotifikati permezz tas-sistema ta' allert rapidu tal-UE għal prodotti perikolużi li mhumiex ikel ("RAPEX") tela' b'7% fl-2009 meta mqabbel mal-2008. Din iż-żieda minn 1866 notifika fl-2008 għal 1993 is-sena l-oħra turi li l-kapaċità tas-sistema RAPEX reġgħet żdiedet fl-2009, wara sorveljanza tas-suq aktar effettiva mill-Istati Membri. In-negozji Ewropej qegħdin huma wkoll jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom b’aktar serjetà fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti tal-konsumaturi u qed jirtiraw mis-suq iktar malajr il-prodotti tagħhom li ma jkunux sikuri. Huma bdew jużaw ukoll is-sistema ta’ allert rapidu apposta għan-negozju ('Business Application') b’mod aktar sistematiku. Ġugarelli, ħwejjeġ u vetturi bil-mutur kienu l-prodotti nnotifikati bl-akbar frekwenza fl-2009. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-eżerċizzju tas-sorveljanza tas-suq tal-UE, li involva 13-il pajjiż f’li jiċċekkjaw is-sikurezza tal-ġugarelli, kienu ppreżentati wkoll illum, u juru li madwar 20% ma kinux konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza relevanti.

John Dalli, il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Dan ir-rapport iservi bħala l-iċċekkjar tar-realtà annwali tagħna tas-sikurezza tal-prodotti fis-suq tal-UE għaċ-ċittadini. Is-sikurezza hija ta’ relevanza personali kritika għall-Istati Membri, u fl-aħħar sitt snin RAPEX saret eżempju tal-effettività tal-kooperazzjoni tal-UE f’dan il-qasam."

L-għadd ta' prodotti perikolużi nnotifikati għadu qed jikber

L-għadd totali ta' notifiki mqassma permezz tas-sistema RAPEX tela' gradwalment mill-2004 (meta d-Direttiva Ġenerali dwar is-Sikurezza tal-Prodott, ġiet trasposta fil-liġijiet nazzjonali mill-Istati Membri). F'din is-sitt sena, l-għadd ta' notifiki aktar minn ikkwadruplika minn 468 (fl-2004) għal 1993 (fl-2009). Fl-2009, l-għadd ta' notifiki tela’ b'7 % meta mqabbel mal-2008.

Iż-żieda fin-notifiki tar-RAPEX, u l-kapaċità miżjuda tas-sistema, huma riżultat ta’:

  • infurzar aktar effettiv tas-sikurezza tal-prodott mill-awtoritajiet nazzjonali;

  • użu aktar effiċjenti tar-riżorsi

  • għarfien akbar fost in-negozji tal-obbligi tagħhom;

  • kooperazzjoni msaħħa ma’ pajjiżi terzi

  • azzjonijiet li jibnu netwerks u taħriġ mal-Istati Membri kkoordinati mill-Kummissjoni Ewropea.

Fir-rigward tal-pajjiżi tal-orġini, l-għadd ta’ notifiki fuq prodotti miċ-Ċina li ntbagħtu permezz tar-RAPEX urew żieda bil-mod ta’ 1%, minn 59% fl-2008 għal 60% fl-2009. Kien hemm tnaqqis fil-għadd ta’ notifiki li ma kellhomx informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-prodott notifikat.

Il-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għar-RAPEX

Il-pajjiżi kollha tal-UE pparteċipaw fis-sistema RAPEX billi sabu u nnotifikaw prodotti ġodda li huma perikolużi u żguraw ruħhom li kien hemm azzjonijiet ta' segwitu xierqa għall-informazzjoni miksuba. Nofs dawn il-pajjiżi żiedu aktar l-attivitajiet tagħhom fis-sistema u nnotifikaw aktar prodotti perikolużi milli għamlu fl-2008. Il-pajjiżi li għamlu l-aktar notifiki kienu Spanja (220 notifika), il-Ġermanja (187 notifika), il-Greċja (154 notifika), il-Bulgarija (122 nofitika) u l-Ungerija (119-il notifika). Notifiki mibgħuta minn dawn il-pajjiżi jirrappreżentaw 47% tan-notifiki kollha mibgħuta permezz tas-sistema dwar prodotti li huma ta' riskju serju.

Ġugarelli, ħwejjeġ, tessuti u vetturi bil-mutur jinsabu fil-quċċata tal-lista

Fl-2009, ġugarelli (472 notifika), ħwejjeġ u tessuti (395 notifika) u vetturi bil-mutur (146 notifika) ammontaw għal 60% tan-notifiki kollha fuq prodotti li huma ta' riskju serju. It-tagħmir tal-elettriku fid-dar (138 notifika) ġie r-raba’ fil-kategorija tal-prodotti li l-aktar huma notifikati b’mod frekwenti.

Ir-riżultati tal-iċċekkjar tas-sorveljanza tas-suq tal-UE

Fl-2009, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fi 13-il1 pajjiż wettqu ċċekkjar speċifiku fuq is-sikurezza tal-ġugarelli. Huma spezzjonaw aktar minn 14 000 ġugarell biex jaraw humiex konformi mal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza relevanti. L-ispezzjonijiet saru prinċipalment fuq l-importaturi u l-bejjiegħa, bid-dwana tiċċekkja 160 konsenja li daħlu bil-ġugarelli.

Minn fost il-ġugarelli li ġew spezzjonati, 803 kampjuni ntbagħtu f’laboratorju għal testijiet dwar aspetti ta’ sikurezza mekkanika (576 kampjun) u kontenut ta’ metalli tqal (227 kampjun). Mitejn kampjun ma għaddewx mit-testijiet mekkaniċi, filwaqt li 17-il kampjun biss ma għaddewx mir-rekwiżiti tal-metalli tqal. Dan wassal f’bosta notifiki tar-RAPEX u azzjonijiet korrettivi li twettqu mill-awtoritajiet nazzjonali kontra l-ġugarelli li nstabu li mhumiex sikuri.

L-għan prinċipali tal-proġett (ikkoordinat minn PROSAFE, in-netwerk tal-UE ta’ awtoritajiet ta’ sorveljanza 2) kien li jitnaqqas l-għadd ta’ ġugarelli perikolużi fis-suq tal-UE. Huwa għen ukoll lill-Istati Membri jiksbu esperjenza f’li jaħdmu flimkien għal sorveljanza u nfurzar aħjar tar-regoli tas-sikurezza. L-awtoritajiet nazzjonali se jintensifikaw ħidmiethom biex tkun assigurata konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza relevanti u biex jinfurmaw u jedukaw lill-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara:

MEMO/10/129

MEMO/10/130

U http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/index_en.htm

1 :

Il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Norveġja, il-Pajjiżi Baxxi, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovakka

2 :

Il-Product Safety Enforcement Forum of Europe huwa organizzazzjoni li ma tagħmilx qligħ li kienet stabbilita minn uffiċjali tas-sorveljanza tas-suq minn diversi pajjiżi mal-Ewropa kollha u appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea – l-għan tagħha huwa li ssaħħaħ is-sorveljanza tas-suq permezz tal-prattika tajba. www.prosafe.org


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website