Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/420

Brussell, it-13 ta' April 2010

Il-Kummissjoni tniedi sejħa ta' EUR 35 miljun għal proġetti li jsawru l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet kummerċjali

Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet sejħa ta' EUR 35  miljun biex proġetti ta' ekoinnovazzjoni jiġi ffinanzjati fi ħdan il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Skont is-sejħa għal proposti Ekoinnovazzjoni 2010 għal Proġetti ta' Kompetittività u Innovazzjoni (CIP), hemm fondi disponibbli għal proġetti ġodda fil-qasam tar-riċiklaġġ ta' materjali, tal-prodotti sostenibbli tal-bini, tas-settur tal-ikel u x-xorb, u tal-prattiki ekoloġici tal-kummerċ. B'mod partikulari huma mistennija applikazzjonijiet minn negozji żgħar b'servizzi jew prodotti ekoloġiċi li għandhom bżonn l-appoġġ biex jippenetraw is-swieq. Is-sejħa tiftaħ illum u tibqa' miftuħa sad-9 ta' Settembru 2010. Jistgħu jintgħażlu madwar 50 proġett għal finanzjament.

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent qal: "Din is-sejħa għal proġetti innovattivi hija opportunità enormi biex it-talent imprenditorjali Ewropew ikollu vetrina fejn juri ideat ġodda li jnaqqsu l-impronta ekoloġika tagħna. Il-programm tal-Ekoinnovazzjoni (CIP) juri li huwa ekonomikament sensibbli li ngħinu 'l-ambjent. Illum bosta prodotti u servizzi juru kif it-tkabbir kompetittiv u l-ħarsien tal-ambjent jistgħu jimxu id f'id."

Is-sejħa għall-proposti tkopri erba' oqsma ewlenin:

  • Riċiklagg ta' materjali

  • Prodotti sostenibbli tal-bini

  • Is-settur tal-ikel u x-xorb

  • Kummerċ ekoloġiku

Huma koperti sa 50 % tal-kosti tal-proġett

Is-sejħa hija indirizzata partikularment lill-SMEs li żviluppaw prodott, proċess jew servizz ekoloġiku li huwa ppruvat teknikament iżda li għadu qed jissielet biex isib postu fis-suq. Is-sejħa toffri kofinanzjament dirett b'għotjiet li jkopru sa 50 % tal-kost totali tal-proġett. Il-fondi ta' EUR 35  miljun disponibbli għas-sejħa tal-2010 huma mistennija li jagħtu l-ħajja lil minn 45 sa 50 proġett ġdid.

Il-proġetti jintgħażlu abbażi tal-approċċ innovattiv tagħhom, il-potenzjal tagħhom għar-replikazzjoni tas-suq u l-kontribuzzjoni li jagħtu għall-politiki ambjentali Ewropej, speċjalment f'termini ta' effiċjenza fir-riżorsi.

Attwalment, madwar 44 proġett għaddejin taħt l-iskema, u hija ppjanata t-tnedija ta' 45 proġett ieħor matul din is-sena. Xi eżempji jinkludu: il-konverżjoni ta' tajers qodma f'materjali prezzjużi għall-iżolazzjoni; l-użu ta' pjantaġġuni tal-bambù biex jippurifikaw ilma 'maħmuġ'; u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi tal-lażer li jieħdu post it-tikketti konvenzjonali tal-karta.

Is-sejħa għall-offerti tal-2010 se tiġi ppreżentata llum matul il-Jum ta' Informazzjoni dwar l-Ekoinnovazzjoni tas-CIP inawgurat fil-bini Charlemagne fi Brussell. Id-data tal-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija id-9 ta' Settembru.

Sfond: Ekoinnovazzjoni tas-CIP

B'baġit globali ta' madwar EUR 200 miljun mifrux fuq il-perjodu 2008-2013, l-Ekoinnovazzjoni tas-CIP tappoġġa l-ewwel applikazzjoni, u l-penetrazzjoni ulterjuri tas-suq ta' soluzzjonijiet sostenibbli li jagħmlu użu aħjar tar-riżorsi naturali tal-Ewropa. L-Ekoinnovazzjoni tas-CIP hija qasam ekoloġiku tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u tikkontribwixxi b'mod dinamiku għall-Pjan ta' Azzjoni għat-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP).

Għal aktar tagħrif:

Id-dokumentazzjoni kollha rilevanti għas-sejħa jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/environment/eco-innovation/application_en.htm

Ser jiġu inawgurati bosta jiem nazzjonali ta' informazzjoni madwar l-Ewropa. Id-dati u l-lokalitajiet ewlenin huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/environment/eco-innovation/events_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website