Navigation path

Left navigation

Additional tools

Kif se tkun l-agrikoltura għall–Ewropa tal-ġejjieni? Appell għal dibattitu pubbliku

European Commission - IP/10/419   12/04/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/419

Brussell, it-12 ta' April 2010

Kif se tkun l-agrikoltura għall–Ewropa tal-ġejjieni? Appell għal dibattitu pubbliku

Dacian Cioloş, membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, illum nieda dibattitu pubbliku dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) fl-Unjoni Ewropea. Mill-bidu tagħha, il-PAK dejjem ġiet adattata skont il-ħtiġijiet taż-żmien. Kien hemm diversi riformi sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, notevolment fl-2003, u fl-2008, il-Valutazzjoni tas-Saħħa tal-PAK, sabiex is-settur jiġi aġġornat u orjentat għall-esiġenzi tas-suq. L-Istrateġija Ewropa 2020 tiftaħ perspettiva ġdida. F'dan il-kuntest, il-PAK tista' toffri vantaġġ għal tkabbir intelliġenti, durabbi u inklussiv, filwaqt li tindirizza l-isfidi l-ġodda tas-soċjetà tagħna, notevolment dawk ekonomiċi, soċjali, ambjentali, klimatiċi u teknoloġiċi. Il-PAK għandha bl-istess mod tqis aħjar id-diversità u r-rikkezza tal-agrikolturi tas-sebgħa u għoxrin Stat Membru tal-UE. Id-dibattitu varat jirrigwarda l-għanijiet għall-ġejjieni tal-PAK fil-perspettiva l-ġdida tal-istrateġija Ewropa 2020. Id-diskussjoni dwar il-finanzjament se ssir aktar tard.

"Il-Politika Agrikola Komuni mhix materja għall-ispeċjalisti biss. Hija politika tal-Ewropej kollha. Jeħtieġ li jinstemgħu l-vuċijiet taċ-ċittadini Ewropej. Jeħtieġ li nagħtu l-ħin sabiex niġbru l-ideat u l-aspetattivi tal-atturi kollha tas-soċjetà", iddikjara Dacian Cioloş. "Nistenna r-reazzjonijiet, ir-riflessjonijiet tal-bdiewa, iżda wkoll ta' dawk tal-assoċjazzjonijiet tal-ħarsien tal-ambjent, tal-konsumaturi, tal-benessri tal-annimali. Jeħtieġ li dan id-dibattitu jinfetaħ kemm jista' jkun. Is-soċjetà kollha tibbenefika minn din il-politika komuni Ewropea permezz tal-ikel, il-ġestjoni tat-territorji, u l-ħarsien tal-ambjent. Għalhekk hija ħaġa normali li ċ-ċittadini jkollhom id-dritt u l-ħin li jagħtu l-pariri tagħhom", kompla jgħid.

Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta fi tmien din is-sena Komunikazzjoni dwar il-futur tal-PAK wara l-2013. Iżda, qabel is-sottomissjoni tal-ewwel orjentazzjonijiet politiċi għal dan is-settur kruċjali, il-Kummissarju Cioloş se jniedi dibattitu pubbliku dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni, l-għanijiet u l-prinċipji tagħha, flimkien mal-kontribuzzjoni tagħha għall-istrateġija "Ewropa 2020", sabiex isostni l-ħidmiet preliminari għall-proċess tad-deċiżjoni.

Sabiex jinġabru l-kummenti tad-dibattitu pubbliku, Dacian Cioloş ħabbar il-varar ta' sit tal-internet (http://ec.europa.eu/agriculture/cap-debate ), li se jkun aċċessibbli sax-xahar ta' Ġunju 2010. Entità indipendenti, imbagħad se tagħmel sinteżi tal-kummenti miġbura. F'Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea se torganizza konferenza dwar is-sinteżi tad-dibattitu pubbliku. B'dan qed tispera li tislet ideat qawwijin biex tfassal il-Komunikazzjoni tagħha dwar il-PAK wara l-2013, u li għandha tiġi ppreżentata fl-aħħar tal-2010.

Apparti kif il-PAK tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-istrateġija Ewropa 2020, id-dibattitu pubbliku huwa mibni fuq erba' temi prinċipali:

  • Għaliex jeħtieġ li jkun hemm Politika Agrikola Komuni Ewropea ?

  • X'għanijiet tagħti s-soċjetà lill-agrikoltura fid-diversità kollha tagħha ?

  • Għaliex nirriformaw il-PAK u kif nagħmluha twieġeb għall-aspettativi tas-soċjetà ?

  • X'inhuma l-għodod tal-PAK tal-ġejjieni ?

Fid-diskors tiegħu lill-Kummissjoni tal-Agrikoltura (COMAGRI) tal-Parlament Ewropew, il-Kummissarju Cioloș semma' minbarra dawn it-temi prinċipali, lista ta' mistoqsijiet aktar dettaljati, dwar il-problemi tal-forniment tal-ikel fl-Ewropa u fid-dinja, l-impjieg fiż-żoni rurali, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tibdil fil-klima, il-volatilità tal-prezzijiet, in-nuqqas ta' fehim miċ-ċittadini tal-għajnuniet, l-ekwilibriju fi ħdan il-katina tal-ikel u l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-debate (mill-17.00 tal-lejla).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website