Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tfigħ tal-attenzjoni tal-midja fuq il-faqar fl-Ewropa

European Commission - IP/10/416   12/04/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/416

Brussell, it-12 ta’ April 2010.

Tfigħ tal-attenzjoni tal-midja fuq il-faqar fl-Ewropa

Fl-okkażjoni ta' Is-Sena Ewropea 2010 għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-Kummissjoni Ewropea llum nediet kompetizzjoni għall-ġurnalisti li jirrappurtaw fuq kwistjonijiet marbuta mat-temi ta' din Is-Sena. Il-Premju Ġurnalist tas-Sena Ewropea huwa miftuħ għall-ġurnalisti tal-midja stampata, onlajn u awdjoviżiva u l-premijiet li se jingħataw fil-livell nazzjonali (EUR 800 jew l-ekwivalenti) u fil-livell Ewropew (EUR 4500, EUR 3000, u EUR 2000) għall-iktar rapporti oriġinali u li għandhom valur ta' aħbar. Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni mifruxa mal-Ewropa kollha jitħabbru waqt ċerimonja li għandha ssir fi Brussell fis-17 ta' Diċembru 2010.

László Andor, Il-Kummissarju għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: “Biex nittrattaw il-faqar, jeħtieġ li nagħtu vuċi lil dawk li huma esklużi u jeħtieġ li nifhmu l-kawżi tal-faqar. Fl-istess ħin, irridu nipproponu soluzzjonijiet prattiċi li jaħdmu. Il-ġurnalisti għandhom rwol ewlieni f'dan id-dibattitu u li huwa għal hekk li ħloqna din il-kompetizzjoni għall-iktar rapporti oriġinali u li għandhom valur ta' aħbar dwar kwistjonijiet tal-faqar.”

Il-kompetizzjoni issa hija miftuħa u l-ġurnalisti jistgħu jissottomettu r-rapporti onlajn permezz tal-websajt tas-Sena Ewropea 2010 sal-31 ta' Awwissu 2010. Huma eliġibbli artikli u rapporti awdjoviżivi ppubblikati jew imxandra minn entità tal-midja fis-27 Stat Membru, l-Islanda jew in-Norveġja bejn l-1 ta' Ottubru 2009 u l-31 ta' Awwissu 2010. Is-sottimissjonijiet kollha l-ewwel ikunu ġġudikati minn ġurija ta' esperti fil-livell nazzjonali, fejn jitħabbar rebbieħ għal kull kategorija. Ir-rebbieħa nazzjonali mbagħad ikunu nnominati għall-kompetizzjoni Ewropea li tilħaq il-qofol tagħha f'ċerimonja ospitata mill-Presidenza Belġjana fi Brussell fl-aħħar tal-2010.

Il-kompetizzjoni tal-ġurnalisti hija waħda mill-attivitajiet ewlenin fil-livell tal-UE matul is-Sena Ewropea u għandha l-għan li tgħin iżżid l-għarfien tal-pubbliku dwar it-temi marbuta mal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Avvenimenti oħra ewlenin matul is-sena jinkludu konkors tal-arti mifrux mal-Ewropa kollha, konferenzi ewlenin dwar temi speċifiċi bħall-faqar tat-tfal u n-nies bla saqaf, u sensiela ta' avvenimenti ppjanati għall-Ġurnata Internazzjonali kontra l-Faqar li titfakkar f'Ottubru.

Għal aktar dettalji dwar il-kompetizzjoni tal-ġurnalisti, jekk jogħġbok ikkonsulta l-websajt tas-Sena Ewropea 2010: http://www.2010againstpoverty.eu u mur fuq it-taqsima Premju tal-Ġurnalisti.

Sfond

Is-Sena Ewropea 2010 għandha l-għan li tqajjem għarfien akbar tal-kawżi u l-konsegwenzi tal-faqar fl-Ewropa, kemm fost l-operaturi ewlenin bħall-gvernijiet u l-imsieħba soċjali u kemm fost il-pubbliku inġenerali. Hija għandha wkoll l-għan li timmobilizza dawn l-imsieħba differenti fil-ġlieda kontra l-faqar; tippromwovi l-integrazzjoni soċjali u l-inklużjoni; u tinkoraġġixxi impenji ċari biex jitfasslu politiki tal-UE u nazzjonali biex ikunu ttrattati l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Kważi 84 miljun Ewropew – jew 17% tan-nies mal-UE kollha – bħalissa qed jgħixu taħt il-livell tal-faqar. Il-maġġoranza vasta tal-Ewropej (73%) iqisu l-faqar bħala problema mifruxa ma' kullimkien f'pajjiżhom, b’89% jitolbu għal azzjoni urġenti mill-gvern tagħhom biex tinstab soluzzjoni għall-problema. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tan-nies iqisu l-gvern nazzjonali tagħhom bħala l-ewwel istituzzjoni responsabbli, 74% tan-nies jistennew ukoll li l-UE jkollha rwol importanti.

Għal aktar informazzjoni dwar l-istħarriġ tal-Ewrobarometru: IP/09/1585


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website