Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stħarriġ tal-Ewrobarometru: l-Ewropej ma jafux biżżejjed dwar it-telf tal-bijodiversità. Il-Kummissjoni Ewropea tniedi kampanja sabiex tqajjem iktar kuxjenza

European Commission - IP/10/411   09/04/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/411

Brussell, id-9 ta’ April 2010

Stħarriġ tal-Ewrobarometru: l-Ewropej ma jafux biżżejjed dwar it-telf tal-bijodiversità. Il-Kummissjoni Ewropea tniedi kampanja sabiex tqajjem iktar kuxjenza

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat stħarriġ tal-Ewrobarometru li juri li ħafna Ewropej ma jafux xi tfisser il-bijodiversità u ma jħossux li huma infurmati biżżejjed dwar it-telf tal-bijodiversità. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni nediet kampanja bil-għan li tgħarraf lin-nies dwar it-telf tal-bijodiversità fl-UE.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Il-bijodiversità hija l-magna naturali għall-ġejjieni tagħna, u jeħtieġ li nitgħallmu nittrattawha b’attenzjoni. Nittama li din il-kampanja tgħin biex nibdew nagħmlu hekk, u biex tqajjem kuxjenza dwar il-bżonn li nħennu iktar għad-dinja naturali li niddependu fuqha.”

Riċerka ġdida dwar l-għarfien dwar il-bijodiversità

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru li sar dan l-aħħar juri li ħafna Ewropej ma jħossux li jafu biżżejjed dwar il-bijodiversità. L-istħarriġ il-ġdid imsejjaħ “L-attitudnijiet lejn il-bijodiversità” juri li 38 % biss mill-Ewropej jafu xi tfisser din il-kelma, għalkemm 28 % oħrajn semgħu biha, iżda ma jafux xi tfisser. Ħafna jqisu li t-telf tal-bijodiversità huwa kwistjoni serja, għalkemm ma jaħsbux li se jkunu affettwati b’mod personali minn dan it-taħsir. Fil-fatt kienu 17 % biss minn dawk li wieġbu li qablu li dan it-telf diġà qed jaffettwahom. Għall-mistoqsija dwar l-iktar elementi importanti li qed jheddu l-bijodiversità, 27 % qalu li dan kien it-tniġġis, filwaqt li 26 % qalu li kien tort ta’ diżastri li ħoloq il-bniedem stess. Ir-raġuni ewlenija li taw iċ-ċittadini għan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tagħhom biex iwaqqfu t-telf tal-bijodiversità kienet in-nuqqas ta’ għarfien dwar x’jistgħu jagħmlu.

Il-kampanja tal-Kummissjoni sabiex tqajjem iktar kuxjenza

Il-kampanja li għaddejja madwar l-UE kollha, li qed isseħħ fl-istess sena li n-Nazzjonijiet Uniti sejħu s-Sena tal-Bijodiversità, l-2010, għandha l-għan li tqajjem iktar kuxjenza dwar il-problema permezz ta’ sit tal-internet, ta’ filmat qasir, ta’ azzjonijiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi, u ta’ arti u midja fit-toroq , inkluża l-midja soċjali. L-ixprun ewlieni tal-kampanja se jkun li ċ-ċittadini jintwerew l-effetti reali li dan it-telf se jkollu fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum, b’attenzjoni partikulari mogħtija lill-azzjonijiet li ċ-ċittadini jistgħu jagħmlu sabiex jevitaw dan it-telf. Il-kampanja ddur madwar il-frażi “Aħna lkoll involuti f’din il-ħaġa”.

L-għan ewlieni tal-kampanja huwa li l-problema/il-kwistjoni tal-bijodiversità ssir iktar familjari, u li tiżgura li ċ-ċittadini jifhmu l-konsegwenzi li dan it-telf jista’ jkollu u li jifhmu li huma jistgħu jagħmlu xi ħaġa biex iwaqqfu dan it-taħsir.

Il-kampanja tissejjes fuq il-frażi “Il-bijodiversità – aħna lkoll involuti f’din il-ħaġa”. Din il-kampanja se jkollha dimensjoni edukattiva li turi l-benefiċċji li ġġib magħha l-bijodiversità, u li tiffoka b’mod partikulari fuq l-idea tas-servizzi tal-ekosistema u tal-perikli li jkun hemm jekk dawn jispiċċaw. L-għan se jkun li ċ-ċittadini jkunu iktar konxji mir-rwol li jista’ jkollhom biex jitnaqqas u jkun evitat dan it-telf. Is-suġġett li se jissemma u jiġi ripetut diversi drabi huwa l-idea tal-konnettività u l-interdipendenza.

Il-kuntest: x’inhi l-problema tal-bijodiversità?

Il-bijodiversità dinjija tinsab mhedda ferm, u l-ispeċijiet qed jintilfu b’rata li hija minn 100 sa 1000 darba dik normali. Iktar minn terz mill-ispeċijiet ivvalutati huma mhedda li jinqerdu għal kollox, u madwar 60 % mis-servizzi tal-ekosistema tad-dinja huma stmati li tħassru f’dawn l-aħħar 50 sena. L-attivitajiet tal-bniedem qed joħolqu dan it-telf, permezz tat-tibdil fl-użu tal-art, l-isfruttar żejjed, il-prattiki li mhumiex sostenibbli, it-tniġġis u d-dħul ta’ speċijiet li jinvadu, li lkoll iwasslu għall-qerda, l-frammentazzjoni u t-taħsir tal-ħabitat u tal-ispeċijiet. It-tibdil fil-klima wkoll qed iwassal għal dan it-telf.

F’nofs Marzu, il-ministri tal-ambjent tal-UE ddiskutew mira ġdida għall-bijodiversità, u qablu li jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u t-taħsir tas-servizzi tal-ekosistemi u li sal-2020 jerġgħu jġibuhom kemm jista’ jkun għalli kienu. Huma stabbilixxew ukoll viżjoni fit-tul għall-2050, sa meta l-bijodiversità għandha titħares, tingħata importanza u terġa’ tinġieb kif kienet b’mod xieraq, u talbu li l-miri tal-bijodiversità jkunu integrati b’mod iktar ċar f’għadd ta’ politiki u strateġiji tal-UE. Il-mexxejja tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill fis-26 ta’ Marzu.

Għal iktar tagħrif:

Is-sit tal-internet tal-kampanja: www.weareallinthistogether.eu

L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-bijodiversità: http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-bijodiversità:

http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/10/st07/st07536.mt10.pdf

Il-politika tal-UE dwar in-natura: http://ec.europa.eu/environment/nature/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website