Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/407

Brussell, is-7 ta’ April 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ l-inklużjoni soċjali tar-Roma

Il-komunitajiet tar-Roma, l-ikbar minorità etnika tal-Unjoni Ewropea qed ikomplu jiffaċċjaw diskriminazzjoni u segregazzjoni persistenti. F'rapport illum, il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet l-Istati Membri biex jużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma. Ir-rapport qal li huwa vitali għall-inklużjoni soċjali tar-Roma li jiġi assigurat aċċess mhux segregat għall-impjiegi u għall-edukazzjoni, għad-djar u għas-servizzi tas-saħħa. L-integrazzjoni tar-Roma, stmati li jgħoddu mal-10 sa 12-il miljun – popolazzjoni kbira daqs tal-Belġju jew tal-Greċja – hija reponsabbilità konġunta tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE. Rapport separat evalwa l-progress li nkiseb fl-integrazzjoni matul is-sentejn li għaddew. Il-parteċipanti fit-tieni Samit tar-Roma li jinkorpora l-Ewropa kollha, li għandu jsir f'Córdoba, fi Spanja mit-8 sad-9 ta' April, għandhom jirrevedu dawn ir-rapporti.

"Bħala Unjoni bbażata fuq valuri sodi, għandna niżguraw li d-drittijiet fundamentali tar-Roma jiġu rrispettati. Id-diskriminazzjoni kontra l-minorità etnika mhijiex aċċettabbli," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Jekk nindirizzaw il-problemi tagħhom dan ikun ta' benefiċċju għas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna. Huwa biss permezz ta' azzjoni sostnuta u kkordinata li nistgħu nagħmlu differenza reali għar-Roma madwar l-Ewropa kollha."

László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni enfasizza: "L-isforzi għall-integrazzjoni tar-Roma jeħtieġu li jkopru ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja. Għandhom jinbdew mill-iktar stadji bikrija tal-kindergarten u jibqgħu sejrin tul l-edukazzjoni proprja għat-tfal, ix-xogħol għall-adulti u l-kura għax-xjuħ. Il-komunitajiet tar-Roma jagħmlu parti integrali mill-ġlieda tagħna kontra l-faqar u n-nuqqas ta' xogħol. Hu żied jgħid: "Ir-Roma ma għandhomx bżonn suq ta' xogħol separat, ma għandhomx bżonn skejjel li jtawlu s-segregazzjoni tat-tfal Roma u ma għandhomx bżonn gettos irrinovati tar-Roma. L-għan tagħna huwa li r-Roma jiġu aċċettati bħala ugwali u li jiġu integrati fis-soċjetà tagħna. Il-Fond Soċjali Ewropew huwa xprun qawwi fl-appoġġ ta' dan l-approċċ trasversali."

Fil-Komunikazzjoni tal-politika adottata llum, il-Kummissjoni qed tħejji programm ta' nofs it-terminu ambizzjuż biex tilħaq l-ikbar sfidi għall-inklużjoni tar-Roma, fosthom:

  • L-immobilizzar tal-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew – li flimkien jirrappreżentaw madwar nofs il-baġit tal-UE – biex jappoġġjaw l-inklużjoni tar-Roma;

  • Jitqiesu l-kwistjonijiet tar-Roma fl-oqsma politiċi kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE, mill-impjiegi għall-iżvilupp urban sas-saħħa pubblika għall-espansjoni tal-UE;

  • Jiġi sfrutttat il-potenzjal tal-komunitajiet tar-Roma biex isostni t-tkabbir tal-inklużjoni bħala parti mill-istrateġija tal-Ewropa 2020.

Għalkemm il-qagħda tal-biċċa l-kbira tar-Roma fl-Ewropa tibqa' diffiċli, sar progress importanti fil-livelli tal-UE u nazzjonali. Fl-aħħar sentejn, l-UE u l-Istati Membri ffukaw biex jagħmlu l-liġijiet ta' kontra d-diskriminazzjoni u l-iffinanzjar tal-UE iktar effettivi għall-inklużjoni tar-Roma. Dan jinkludi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, is-segregazzjoni u l-vjolenza razzista kif ukoll l-appoġġ għal programmi biex jindirizzaw ċ-ċirku vizzjuż tal-faqar, l-emarġinazzjoni soċjali, ir-riżultati fqar fl-iskola, id-djar ħżiena u s-saħħa batuta.

Pereżempju, il-Kummissjoni nediet proċeduri legali kontra 24 Stat Membru biex tiżgura li l-liġi kontra d-diskriminazzjoni abbażi tar-razziżmu tiġi trasposta b'mod korrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Minn dawn il-każijiet, 12 għadhom miftuħa filwaqt li 12 ġew konklużi b'suċċess. Sabiex tħeġġeġ l-użu effettiv tal-Fondi Strutturali min-naħa tal-Istati Membri, il-Kummissjoni qed tmexxi żewġ studji li jidentifikaw proġetti, programmi u politiki ta' suċċess għall-inklużjoni tar-Roma - wieħed li jkopri l-fondi kollha u t-tieni jitratta l-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew għar-Roma.

Ir-rapport dwar il-Komunikazzjoni u l-progress se jiġu diskussi fit-tieni Samit Ewropew dwar ir-Roma, li qed jiġi organizzat flimkien mal-Presidenza Spanjola tal-UE. Dan l-avveniment ilaqqa' flimkien rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili biex jirrevedu l-progress li sar mill-aħħar samit fl-2008.

Sfond

Il-komunitajiet tar-Roma ta' spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni ekonomika, soċjali u politika. Ir-rikkezza li dawn il-komunitajiet jistgħu jġibu lis-soċjetà Ewropea ħafna drabi ma tintgħarafx u tixxekkel mill-isterjotipi u l-preġudizzji.

Wara talba mill-mexxejja tal-UE, il-Kummissjoni ppubblikat rapport komprensiv dwar l-istrumenti tal-UE, il-politiki u l-progress miksub fl-inklużjoni tar-Roma, li ġie ppreżentat fl-ewwel Samit Ewropew tar-Roma f'Settembru 2008. F'Diċembru 2008, il-mexxejja tal-UE kkonfermaw l-impenn tal-gvernijiet tagħhom biex jużaw l-għodda disponibbli biex jappoġġjaw l-inklużjoni tar-Roma. Fl-2009, il-Kummissjoni nediet Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Roma biex tlaqqa' flimkien esperti u dawk li jfasslu l-politika. Hi żviluppat 10 prinċipji komuni bażiċi għall-inklużjoni tar-Roma li jipprovdu gwida għal dawk li jfasslu l-politika biex jiddiżinjaw u jimplimentaw azzjonijiet effettivi.

L-UE għandha qafas legali b'saħħtu biex tiġġieled id-diskriminazzjoni. Hi tuża l-Fondi Strutturali Ewropej u tindirizza l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni tar-Roma fl-inizjattivi tagħha li jqajmu l-għarfien. Barra minn hekk, hi tikkoordina għadd ta' oqsma ewlenin ta' politika li huma partikolarment rilevanti għall-inklużjoni tar-Roma, bħall-edukazzjoni, l-impiegi u l-inklużjoni soċjali.

Aktar tagħrif

L-UE u r-Roma : http://ec.europa.eu/roma

It-tieni Samit Ewropew dwar ir-Roma :

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=88&langId=en&eventsId=234&furtherEvents=yes

Ewropa 2020 : http://europa.eu/press_room/press_packs/europe_2020/index_en.htm

Stqarrija għall-Istampa f'format ta' Filmat: Kemm verament nafuhom lir-Roma?

http://www.tvlink.org/mediadetails.php?key=14dd891ef3e6ee4b9e6b&title=Do+we+really+know+the+Roma%3F++International+Roma+Day+raises+the+question&titleleft=Employment


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website