IP/10/404
Brussell, 31 ta’ Marzu 2010
Spinta mill-ġdid għas-sigurtà tal-ikel: l-UE tindirizza l-ġuħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ politiki ġodda ta' qafas tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw il-kwistjoni tas-sigurtà tal-ikel, kemm f'emerġenzi kif ukoll f'sitwazzjoni fit-tul. L-għanijiet huma li jiġi żgurat il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp relatati mal-eliminazzjoni tal-faqar u l-ġuħ (MDG 1), u biex l-effettività tal-appoġġ umanitarju tkun massimizzata f'kriżijiet fejn l-insigurtà tal-ikel thedded il-ħajjiet. Is-sigurtà tal-ikel tfisser id-disponibbiltà tal-ikel, l-aċċess għall-ikel u l-kwalità tal-ikel. Il-Kummissjoni tippromwovi l-viżjoni ta' mudell agrikolu li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li huwa sostenibbli, adattat għar-realtà tal-pajjiżi u s-swieq li qed jiżviluppaw, u li jkun jista' jrendi l-ikel disponibbli, aċċessibbli u ta' kwalità nutrizzjonali adegwata. Għalhekk jiffoka fuq it-tisħiħ tal-produttività ta' bdiewa żgħar u r-reżiljenza ta' komunitajiet rurali, l-appoġġ għal titjib fil-governanza għas-sigurtà tal-ikel, u tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' għajnuna għal gruppi ta' popolazzjoni li huma estremament vulnerabbli.
Andris Piebalgs, il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, qal: "It-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel tibqa' kwistjoni ta' importanza ewlenija għall-UE. Poġġejna s-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali fiċ-ċentru tal-politika tagħna lejn sħab li qed jiżviluppaw. Hija inaċċettabbli li, fl-2010, biljun persuna għadhom qed isofru mill-ġuħ u l-malnutrizzjoni. Għalhekk illum qed nispjega l-viżjoni tagħna dwar kif l-UE tista' tgħin b'mod iktar strutturali l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw il-ħażen doppju ta' ġuħ u faqar, sabiex inkunu nistgħu nilħqu l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp".
Il-qafas ġdid ta' għajnuna umanitarja tal-ikel, li tikkumpelementa dik tas-sigurtà tal-ikel, tistabilixxi l-għanijiet, il-prinċipji u l-istrateġiji li jirfdu l-isforzi tal-UE biex tinidirizza l-kriżijiet ta' insigurtà qawwija tal-ikel u malnutrizzjoni. L-attenzjoni tingħata partikolarment biex jintlaħqu n-nies li huma l-iktar vulnerabbli, fejn tidħol nutrizjoni, meta jseħħu diżastri, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, u għall-protezzjoni tal-għajxien tagħhom, iż-żamma tal-kapaċità ta' komunitajiet li jintlaqtu minn kriżi biex jitimgħu lilhom infushom kemm għal żmien qasir kif ukoll għat-tul.
Kristalina Georgieva, il-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja, spejgat: "Anke fi kriżi, jista' jkun hemm mezzi aktar effettivi li tingħata għajnuna lin-nies b'mod ieħor minn sempliċement l-għoti tal-ikel. Pereżempju, nistgħu nipprovdu żerriegħa u għodda biex ngħinu lill-bdiewa milquta minn diżastru biex jerġgħu jieħdu r-ruħ. Nistgħu noffru għotjiet ta' emerġenza f'kontanti sabiex in-nies ikunu jistgħu jixtru l-ikel li għandhom bżonn - biex b'hekk il-produtturi lokali jingħataw għajnuna fil-proċess. L-għan tagħna huwa li nfasslu r-rispons tagħna għal ħtiġijiet speċifiċi permezz ta' firxa usa' ta' għodod biex jiġi indirizzat il-ġuħ f'emerġenzi."
F'kolazzjon mal-Membri tal-Parlament Ewropew u NGOs fi New York, qabel il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għal Ħaiti, il-Kummissarji Piebalgs u Georgieva kellhom l-opportunità li jiddiskutu l-applikazzjoni prattika tal-ideat ta' dawn il-komunikazzjonijiet dwar għajnuna u sigurtà tal-ikel f'wieħed mill-postijiet fejn huwa l-aktar meħtieġ - f'Ħaiti
Il-ġuħ u l-malnutrizzjoni globali żdiedu fi snin reċenti, affettwaw l-iżvilupp uman, l-istabbiltà soċjali u politika u l-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (kif ukoll ikkawżaw sofferenza mifruxa u telf ta' ħajja). Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tal-2007-2008, u l-kriżi finanzjarja, ukoll kellhom impatt konsiderevoli fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Il-politika l-ġdida tal-UE għandha tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isaħħu l-erba' pilastri tas-sigurtà tal-ikel kemm f'sitwazzjonijiet ta' żvilupp kif ukoll ta' emerġenza: (i) żieda fid-disponibbiltà tal-ikel, (ii) titjib fl-aċċess għall-ikel, (iii) titjib fil-kwalità u l-iżgurar ta' ikel li huwa ta' valur nutrizzjonali xieraq, u (iv) żieda fl-effettività tal-prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet. L-UE se tfittex ukoll biex trendi l-organizzazzjoni globali dwar is-sigurtà tal-ikel iktar effettiva. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi:
Attenzjoni ffokata fuq appoġġ għal intensifikazzjoni agrikola ekoloġika effiċjenti għall-bdiewa żgħar, b'mod partikolari n-nisa';
Żieda sostanzjali fl-appoġġ għal riċerka, estensjoni u innovazzjoni akrigola mmexxija fuq id-domanda, bil-mira li jintlaħaq il-50% sal-2015;
Inizjattiva konġunta mal-Unjoni Afrikana biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida Politiki Afrikani.
Appoġġ għall-istabbiliment jew l-espansjoni ta' skemi ta' sigurtà soċjali mmirati u flessibbli adattati għall-kuntesti lokali;
Il-promozzjoni ta' integrazzjoni aħjar ta' nutrizzjoni fil-politiki ta' żvilupp, inkluż fl-edukazzjoni u s-saħħa u bini ta' kapaċitajiet relatati;
Appoġġ għar-riforma tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Ikel Dinjija biex issir l-istituzzjoni globali ċentrali dwar sigurtà tal-ikel.
Għar-rispons ta' emerġenza, l-UE se tfittex biex issaħħaħ il-kapaċità tas-sistema umanitarja internazzjonali biex jiġu pprovduti risponsi effettivi u xierqa b'mod puntwali u effiċjenti.
Il-Kummissjoni Ewropea se tikkontribwixxi wkoll kważi €3 biljun fl-2010-2012 fi ħdan l-inizjattiva dwar sigurtà globali tal-ikel li dwarha sar ftehim fis-sammit G8 tal-mexxejja tad-dinja fl-2009.
Il-komunikazzjonijiet tal-lum se jiġu diskussi mill-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew.
Aktar tagħrif:
Qafas ta' politika tal-UE għall-għajnuna ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel:
http://ec.europa.eu/development/services/dev-policy-proposals_en.cfm
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna umanitarja għall-ikel:
Paġna ġenerali għall-għajnuna umanitarja għall-ikel:
http://ec.europa.eu/echo/policies/food_assistance_en.htm
Links diretti għad-dokumenti:
- Komunikazzjoni Għajnuna Umanitarja għall-ikel:
http://ec.europa.eu/echo/files/policies/foodaid/HFA_Communication_220310.pdf
- Dokument ta' ħidma tal-Persunal Għajnuna Umanitarja għall-Ikel:
http://ec.europa.eu/echo/files/policies/foodaid/HFA_SWD_220310.pdf