Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Saħħa madwar id-Dinja: Il-Kummissjoni titlob lill-UE biex tħaffef il-pass fejn jidħlu azzjonijiet dwar is-saħħa

European Commission - IP/10/403   31/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/403

Brussell, il-31 ta’ Marzu 2010

Is-Saħħa madwar id-Dinja: Il-Kummissjoni titlob lill-UE biex tħaffef il-pass fejn jidħlu azzjonijiet dwar is-saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat proposti biex issaħħah ir-rwol tal-UE fis-saħħa madwar id-dinja. L-għan hu li l-kontribut tal-Ewropa jsir aktar effettiv sabiex ikun jista' jakkumpanja aħjar il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jirritornaw fuq it-triq li twassal għall-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju (Millenium Development Goals - MDGs) Il-Kummissjoni qed tippreżenta erba' approċċi għat-titjib tas-saħħa madwar id-dinja: li tiġi stabbilita tmexxija globali aktar demokratika u aktar koordinata; issir ħidma favur sforz kollettiv biex tiġi promossa l-kopertura universali u l-aċċess għal servizzi tas-saħħa għal kulħadd; tiġi żgurata koerenza aħjar bejn il-linji ta' politika tal-UE li jmissu mal-qasam tas-saħħa; titjieb il-koordinazzjoni tar-riċerka fl-UE dwar is-saħħa madwar id-dinja, u jissaħħaħ l-aċċess fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal għarfien u trattamenti ġodda.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur John Dalli, u l-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn qalu: "Is-saħħa hija dritt ta' kulħadd, sew fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha. Iżda huwa dritt li wisq nies għadhom sal-lum ma jistgħux igawdu. L-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju marbuta mas-saħħa, mal-mortalità infantili, mal-mortalità materna u mal-HIV/AIDS huma fost dawk li huma l-aktar 'il bogħod milli jintlaħqu. Dan għalina mhux aċċettabbli. Bħala is-sieħba ewlenija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-UE għandha r-responsabbiltà li jkollha rwol ewlieni biex l-isfidi li toffri s-saħħa madwar id-dinja jiġu indirizzati. Il-ħidma mal-ifqar pajjiżi tad-dinja - pereżempju permezz ta' sħubija għar-riċerka – biex jitjieb l-aċċess għal għarfien ġdid u għal trattamenti ta' matul il-ħajja, hi obbligu morali u huwa anki fl-interess tagħna stess: il-mard li jittieħed, pereżempju, ma jieqafx fil-fruntieri. Il-proposta tal-lum hija parti mit-tħejjija tagħna għas-Summit tal-UE dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju f'Settembru li ġej, fejn l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda u kredibbli."

Erba' ideat ewlenin ta' azzjoni

Fl-aħħar għaxar snin, il-politika dwar is-saħħa akkwistat pożizzjoni prominenti internazzjonalment u l-għajnuna dwar is-saħħa ikkwadruplat għal aktar minn 16-il biljun euro. Wieħed jista' jirrakkonta stejjer interessanti, u hemm kisbiet konkreti li fuqhom wieħed jista' jibni. Madankollu, in-nuqqas ta' progress dwar l-MDGs li jikkonċernaw is-saħħa fl-ifqar pajjiżi u l-isfidi dejjem jikbru tal-globalizzazzjoni jitolbu li l-UE jkollha viżjoni tas-saħħa madwar id-dinja li tkun qawwija, kif ukoll leħen u azzjoni qawwija. Il-Kummissjoni qed tipproponi llum oqsma għall-azzjoni bbażati fuq il-prinċipji tal-UE tas-solidarjetà, lejn kopertura ekwa u universali ta' servizzi tas-saħħa ta' kwalità. Il-Kummissjoni qed tenfasizza l-isfidi ewlenin li l-UE għandha tindirizza: is-sens ta' tmexxija, il-kopertura universali, il-koerenza tal-linji ta' politika tal-UE u l-għarfien. Dan il-qafas ġdid ta' politika għandu l-għan li jkun mument ta' żvilupp fil-promozzjoni tad-dritt għas-saħħa u biex ikunu indirizzati aħjar l-isfidi marbuta mas-saħħa madwar id-dinja.

Il-proposti għal reazzjoni mill-UE għall-erba' sfidi huma:

  • Titjieb it-tmexxija madwar id-dinja fejn tidħol is-saħħa: L-UE għandha żżomm ma' pożizzjoni unika fi ħdan l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u taħdem biex tnaqqas il-multipliċità ta' proġetti tas-saħħa.

  • Progress lejn kopertura universali tas-saħħa: L-UE għandha tara li l-għajnuna għall-iżvilupp tkun ta' appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jibnu sistemi sostenibbli tas-saħħa u tippromwovi d-diviżjoni tax-xogħol fost l-atturi kollha, pubbliċi u privati, u tqarreb l-għarfien u l-iffinanzjar lejn is-settur tas-saħħa. Il-Kummissjoni se tipproponi lista ta' pajjiżi ta' prijorità, l-aktar dawk li huma l-aktar imbegħda mill-MDGs tas-saħħa, fejn l-UE għandha tikkonċentra l-għajnuna tagħha.

  • Tiġi żgurata koerenza aħjar tal-linji ta' politika interni u esterni tal-UE fejn tidħol is-saħħa madwar id-dinja: L-UE se tikkombina r-rwol tagħha fuq quddiem fil-kummerċ u l-izvilupp biex toħloq approċċ koerenti lejn is-saħħa madwar id-dinja, inkluż anki kwistjonijiet bħal ma huma l-migrazzjoni, is-sigurtà, is-sigurtà tal-ikel u t-tibdil fil-klima.

  • Żieda fl-għarfien dwar is-saħħa madwar id-dinja: jiġi żgurat li r-riċerka u l-innovazzjoni jipproduċu prodotti u servizzi aċċessibbli u bi prezz raġjonevoli, u li l-ebda mard ma jiġi traskurat. Is-Seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka tal-UE (FP7) jinkludi kooperazzjoni internazzjonali għall-kisba tal-MDGs marbuta mas-saħħa, kif ukoll riċerka estensiva dwar mard li jista' jeqred pajjiżi li qed jiżviluppaw. Pereżempju, fl-ewwel tliet snin biss tal-FP7 (2007-2009), l-UE investiet aktar minn €200 miljun fi proġetti ta' riċerka dwar il-kontroll u t-trattament tal-HIV/AID, tal-malarja u tat-tuberkulożi.

Din il-Komunikazzjoni se tiġi diskussa fil-Kunsill dwar l-Affarijiet Barranin fil-11 ta' Mejju. F'Ġunju se ssir Laqgħa ta' Livell Għoli dwar is-Saħħa madwar id-Dinja, li se tiġbor lill-Ministri tas-Saħħa u tal-Iżvilupp tal-UE, u li fiha se tkompli tiġi esplorata aktar azzjoni.

Għal iktar tagħrif

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Ir-rwol tal-UE fis-saħħa madwar id-dinja';

Mal-Komunikazzjoni qed jiġu ppubblikati tliet dokumenti ta' ħidma: Kontribut lejn il-kopertura universali ta' servizzi tas-saħħa permezz tal-kooperazzjon fl-iżvilupp; Is-Saħħa madwar id-Dinja: biex nindirizzaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni; riċerka u għarfien Ewropew għas-saħħa madwar id-dinja.

http://ec.europa.eu/development/services/dev-policy-proposals_en.cfm

Eżempji ta' proġetti ffinanzjati mill-UE:

Inizjattiva dwar is-Saħħa Riproduttiva għaż-Żgħażagħ fl-Asja (RHIYA) - Sri Lanka

http://ec.europa.eu/europeaid/documents/case-studies/srilanka_fight-against-aids_en.pdf

Pakkett komprensiv għat-trattament u l-kura fejn tidħol l-HIV fiż-Żimbabwe

http://ec.europa.eu/europeaid/documents/case-studies/zimbabwe_health_hiv_en.pdf

It-tilqim huwa l-aħjar difiża li jista' jkollhom uliedek – In-Niġerja

http://ec.europa.eu/europeaid/documents/case-studies/nigeria_health_en.pdf

Titjib fis-servizzi tal-kura tas-saħħa għall-ommijiet u t-tfal fl-Użbekistan

http://ec.europa.eu/europeaid/documents/case-studies/uzbekistan_health-care_en.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website