Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tadotta prijoritajiet strateġiċi għall-2010

European Commission - IP/10/402   31/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/402

Brussell, il-31 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni tadotta prijoritajiet strateġiċi għall-2010

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat il-programm ta' ħidma tagħha għall-2010. Il-programm ta' ħidma jirrifletti d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tmexxi lill-Ewropa fit-triq li toħroġha mill-kriżi ekonomika u fl-istess waqt tipprovdi politika li ġġib benefiċċji diretti għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni qablet dwar lista ta' 34 prijorità strateġika li se jiġu implimentati qabel tmiem is-sena. Hija qablet ukoll dwar 280 proposta importanti taħt kunsiderazzjoni matul l-2010 u wara. Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jħejji t-triq għal impenji kbar ta' politika li l-Kummissjoni se tagħmel matul is-snin li ġejjin.

Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso qal, "Il-Kummissjoni l-ġdida ilha topera għal sitt ġimgħat. Issa qbilna dwar il-prijoritajiet tagħna u stabbilixxejna lista indikattiva ta' inizjattivi għas-snin li ġejjin. Wasal iż-żmien li naġixxu. M'għandniex l-għażla li ma nagħmlux bidliet. Il-programm ta' ħidma adottat illum huwa aġenda ambizzjuża iżda realistika għall-ksib tar-riżultati. Nittama li l-istati membri u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE se juru huma wkoll l-istess livell ta' ambizzjoni".

Il-Kummissjoni l-ġdida se tieħu azzjoni f'erba' oqsma differenti:

  • Azzjoni dwar il-kriżi u appoġġ għall-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea (l-eżempji jinkludu sorveljanza fiskali akbar, proposti biex jissewwew is-swieq finanzjarji Ewropej, il-ħames inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 u t-teħid ta' azzjoni dwar il-'punti ta' konġestjoni' u l-lakuni tal-Ewropa).

  • Il-bini ta' aġenda taċ-ċittadini li tpoġġi n-nies fiċ-ċentru tal-azzjoni Ewropea (l-eżempji jinkludu l-Pjan ta' Azzjoni ta' Stokkolma, id-drittijiet proċedurali għaċ-ċittadini, l-infurzar tas-sentenzi f'materji ċivili u kriminali, ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-ħinijiet tax-xogħol, Green Paper dwar il-futur tal-pensjonijiet, strateġija ġdida tal-bijodiversità u kapaċità tal-UE tar-reazzjoni għad-diżastri)

  • L-iżvilupp ta' aġenda esterna ambizzjuża u koerenti bi skala globali (l-eżempji jinkludu t-twaqqif tas-servizz Ewropew tal-Azzjoni Esterna, strateġija tal-kummerċ għall-Ewropa 2020, it-tmexxija tal-proċess tat-tkabbir, pjan ta' azzjoni fi tħejjija għas-summit tal-2015 dwar il-Miri tal-Millenju għall-Iżvilupp u t-tkomplija tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali ewlenin.

  • L-immodernizzar tal-istrumenti u l-modi ta' ħidma tal-UE (l-eżempji jinkludu enfasi akbar fuq ir-regolamentazzjoni intelliġenti u l-adattament tal-qafas finanzjarju tal-UE sabiex iservi l-prijoritajiet ta' politika permezz tar-Reviżjoni tal-Baġit)

L-enfasi ta' dan l-ewwel Programm ta' Ħidma huwa li jitwettqu l-inizjattivi strateġiċi fl-2010. Huwa jenfasizza wkoll b'mod mhux eżawrjenti inizjattivi li qed jiġu kkunsidrati għas-snin li ġejjin, u b'hekk jgħaqqad flimkien il-prevedibbiltà għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill – u wkoll għal dawk kollha li l-interessi tagħhom huma involuti - u l-flessibbiltà neċessarja li wieħed ikun jista' jadatta għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu. Dawn iż-żewġ inizjattivi huma t-tnejn imfassla sabiex jirrispondu għall-isfidi immedjati u jagħtu effetti malajr, u jsawru l-futur tal-Ewropa għall-benefiċċju fit-tul taċ-ċittadini tagħha.

Hija u timxi 'l quddiem bil-ħidma dwarhom, il-Kummissjoni se tistabbilixxi direzzjoni għall-UE fl-għaxar snin li ġejjin, kif indikat fl-istrateġija tagħha Ewropa 2010 u fil-ħidma li tinsab għaddejja għat-tħejjija tal-baġit futur tal-UE.

Sfond

Il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni jibni fuq il-linji gwida politiċi li ġew ippreżentati mill-President Barroso f'Settembru 2009.

Dan l-ewwel Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni l-ġdida jippreżenta l-ambizzjoni u l-impenji tagħha għall-2010 u lil hinn. Huwa jitratta kwistjonijiet ta' importanza immedjata u jistabbilixxi d-direzzjoni tal-politika sabiex jirrispondi għall-isfidi li ġejjin, u b'hekk jistabbilixxi l-bażi għal aktar ħidma matul il-bqija tal-mandat.

Il-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għandu diversi karatteristiċi ġodda li jiddistingwuh minn dawk li ġew qablu. Huwa multiannwali, u dan għandu jtejjeb il-prevedibbiltà tal-ħidma tal-Kummissjoni filwaqt li jiffaċilita l-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra. Il-programm ta' ħidma għandu wkoll element ta' flessibbiltà akbar. Sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu, tingħata l-prevedibbiltà u tiġi assigurata t-trasparenza, dawn li ġejjin huma annessi ma' dan il-Programm ta' Ħidma:

  • Lista ta' 34 inizjattiva strateġika li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni timpenja ruħha li tagħti riżultati fl-2010 (anness I).

  • Proposti importanti taħt kunsiderazzjoni matul l-2010 u wara, li huma prospettivi possibbli għall-bqija tal-mandat (anness II).

  • Lista ta' proposti ta' simplifikazzjoni u rtirar (annessi III u IV).

Il-Kummissjoni se tirrivaluta l-Programm ta' Ħidma tagħha kull sena, tistabbilixxi inizjattivi strateġiċi annwali ġodda u tadatta l-element multiannwali fejn xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi l-ġodda, inklużi r-riżultati mill-ħidma preparatorja u l-analiżi tal-implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni issa se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u kif ukoll dawk li l-interessi tagħhom huma involuti, sabiex tassigura li jkun hemm kondiviżjoni wiesgħa tal-approċċ globali u tal-inizjattivi individwali. Il-Kummissjoni tixtieq li l-Programm ta' Ħidma tagħha jkun pedament ċentrali għall-ipprogrammar interistituzzjonali komuni propost taħt l-Artikolu 17(1) tat-Trattat ta' Liżbona.

Il-programm ta' ħidma jinsab hawn:

http://ec.europa.eu/atwork/programmes/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website