Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/397

Brussell, il-31 ta’ Marzu 2010

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: l-għoti ta' possibbiltajiet ġodda kif tkun influwenzata l-politika tal-UE

Iċ-ċittadini Ewropej se jkunu jistgħu għall-ewwel darba jissuġġerixxu leġiżlazzjoni ġdida permezz tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li d-dettalji tagħha ġew proposti mill-Kummissjoni Ewropea llum. Innovazzjoni li wieħed isib fit-Trattat ta' Liżbona, permezz tal-IĊE se jkun possibbli li tal-anqas miljun ċittadin minn tal-anqas terz tal-Istati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposti leġiżlattivi f'oqsma fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan. Il-proposta tistabbilixxi kemm iridu jinġabru firem minn kull pajjiż, u tissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tara jekk inizjattiva tkunx ammissibbli wara li jkunu nġabru 300,000 firma minn tliet Stati Membri. Hija tistabbilixxi limitu ta' żmien ta' sena sabiex jinġabru l-firem u tagħti lill-Kummissjoni erba' xhur biex teżamina inizjattiva u biex tiddeċiedi kif se taġixxi dwarha. Il-Kummissjoni tittama li l-Kunsill u l-Parlament se jaslu għal ftehim finali dwar l-IĊE qabel tmiem din is-sena, sabiex l-ewwel inizjattivi jkunu jistgħu jitressqu fl-2011.

"Ninsab ħerqan ħafna dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini, peress li se ddaħħal forma totalment ġdida ta' demokrazija parteċipatorja fl-UE," qal Maroš Šefčovič, Viċi-President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Amministrazzjoni. "Dan huwa pass reali 'l quddiem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Huwa eżempju konkret ta' kif l-Ewropa titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha. Kif ukoll għandha sseddaq dibattitu ħaj dwar dak li qed nagħmlu fi Brussell. Il-Kummissjoni se jkollha tikkunsidra bis-serjetà t-talbiet li jsirulha permezz tal-inizjattivi taċ-ċittadini."

Il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għaċ-Ċittadinanza, qalet, "L-Inizjattiva taċ-Ċittadini tista' tkun element importanti ħafna biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu isemmgħu leħinhom. Jien nilqa' bil-ferħa strument li se juri li l-UE għandha l-għan bis-serjetà li tisma' dak li ċ-ċittadini tagħha jqisu bħala importanti. Fl-istess ħin, għandna salvagwardji biex niżguraw li kull iniżjattiva proposta trid tirrispetta l-valuri tagħna u tkun konformi mad-drittijiet fundamentali tagħna."

X'forma se tieħu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini?

Inizjattiva jrid ikollha warajha l-appoġġ ta' mill-anqas miljun ċittadin minn mill-anqas terz tal-Istati Membri. F'kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, l-għadd minimu ta' firem meħtieġa jkun ikkalkolat billi jiġi mmultiplikat l-għadd ta' Membri tal-Parlament Ewropew minn dak il-pajjiż b'fattur ta' 750. L-età minima ta' min jiffirma tkun dik l-età li fiha n-nies ikunu intitolati jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-inizjattivi proposti jridu jkunu reġistrati fuq reġistru onlajn imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni - ir-reġistrazzjoni tkun tista' tiġi rrifjutata jekk l-inizjattiva tkun b'mod ċar kontra l-valuri fundamentali tal-UE. Ma hemmx restrizzjonijiet dwar kif għandhom jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, iżda l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom jiċċekkjaw jekk is-sistemi ta' ġbir onlajn ikunux konformi ma' ċerti rekwiżiti tekniċi u ta' sigurtà u din il-verifika trid issir fi żmien tliet xhur. L-organizzaturi għandu jkollhom sena biex jiġbru l-firem meħtieġa.

Kif se taġixxi l-Kummissjoni meta jkollha quddiemha inizjattiva?

L-organizzatur għandu jitlob lill-Kummissjoni tiċċekkja jekk l-inizjattiva tkunx ammissibbli meta jkunu nġabru 300,000 firma minn tliet Stati Membri. Il-Kummissjoni għandu jkollha xahrejn biex tiddeċiedi jekk l-inizjattiva tkunx taqa' taħt is-setgħat tagħha u jekk hix f'qasam fejn il-leġiżlazzjoni tkunx possibbli. Din it-test ta' ammissibbiltà ma jkunx ta' preġudizzju għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-sustanza tal-inizjattiva. Jekk l-inizjattiva titqies bħala ammissibbli, u darba li l-firem ikunu ġew verifikati, il-Kummissjoni jkollha erba' xhur biex tifli l-inizjattiva hija stess. Wara dan, tkun trid tiddeċiedi jekk għandhiex tagħmel proposta leġiżlattiva, jew inkella tagħmilx segwitu tal-kwistjoni billi pereżempju twettaq studju, jew inkella tista' tiddeċiedi li ma tieħu l-ebda azzjoni aktar. Hija jkollha mbagħad tispjega r-raġunijiet tagħha f'dokument pubbliku.

Salvagwardji

Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-proċeduri għat-tnedija ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini jkunu aktar sempliċi, li jkunu jistgħu jintużaw faċilment, kif ukoll aċċessibbli għal kulħadd, u m'għandhomx ikunu ta' piż żejjed għall-awtoritajiet nazzjonali. Huwa importanti li dan l-element ġdid tal-proċess demokratiku jkun kredibbli, jkun wieħed li jassigura bis-sħiħ il-protezzjoni tad-dejta, u m'għandux ikun miftuħ għall-abbuż jew għall-frodi. Fil-waqt li ma taffettwax id-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni ta' fejn tidħol leġiżlazzjoni, l-Inizjattiva taċ-Ċittadin se tobbliga lill-Kummissjoni li tagħti kunsiderazzjoni serja għal talba li ssir minn grupp ta' ċittadini.

Fid-dawl tal-importanza tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini, u tal-kumplessità ta' xi wħud mill-kwistjonijiet, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni wiesgħa bl-adozzjoni ta' Green Paper fil-11 ta' Novembru 2009. Kien hemm 300 tweġiba għall-konsultazzjoni, li kienu ta' kontribut għat-tħejjija tal-proposta. Il-Kummissjoni organizzat smigħ pubbliku fi Frar u kkunsidrat ukoll il-veduti tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew f'din il-kwistjoni.

Għal aktar tagħrif, ara MEMO/10/116.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website