Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/396

Brussell, il-31 ta’ Marzu 2010

Rapport ġdid tal-Kummissjoni jippreżenta l-ewwel analiżi tat-tnedija tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea

Skont rapport addottat illum dwar il-programmi ta’ koeżjoni tal-UE għall-perjodu 2007-2013, mat-EUR 93 biljun jew 27 % tal-finanzjament tal-UE kienu allokati għal proġetti ta’ investiment fl-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa matul dawn l-aħħar tliet snin. Ippreżentat mill-Kummissarji Johannes Hahn (tal-Politika Reġjonali) u László Andor (tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni), ir-rapport janalizza, għall-ewwel darba, ir-rata tal-progress ta’ kull pajjiż fit-twettiq tal-miri tal-UE li dwarhom kien sar qbil. Huwa juri kif l-Istati Membri allinjaw sew il-programmi tagħhom għall-miri tal-UE dwar l-impjiegi u t-tkabbir u jikkontribwixxi għal dibattitu miftuħ dwar il-kisbiet u l-isfidi tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk ir-rapport jappella lill-Istati Membri biex itejbu l-implimentazzjoni tal-programmi, biex isir l-aħjar użu tal-flus ta’ koeżjoni, bħal pereżempju fis-settur tal-ferroviji, proġetti ewlenin tal-enerġija u l-ambjent u fil-qasam tal-inklużjoni soċjali.

Johannes Hahn, li huwa l-Kummissarju għall-Politika Reġjonali qal: "Dan ir-rapport huwa inizjattiva ġdida għall-politika ta’ koeżjoni. Huwa jqiegħed fil-prattika l-ambizzjoni tagħna biex tkun stabbilita sistema robusta biex jitwettqu investimenti tal-fondi strutturali matul il-perjodu tal-programmazzjoni. Il-kriżi ekonomika globali kellha ovvjament impatt fuq l-implimentazzjoni. Iżda, l-istampa globali hija pożittiva. Hija turi politika ta’ koeżjoni li qed tkun suċċess fl-investiment fir-reġjuni. It-twettiq tal-istrateġiji miftehma qed isir b’pass tajjeb bi progress partikularment inkoraġġanti f’setturi ewlenin bħar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni. L-Istati Membri issa jridu jimxu ’l quddiem u jtejbu l-implimentazzjoni tal-programmi."

László Andor, Il-Kummissarju għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: "It-taħriġ u t-titjib fil-ħiliet offruti mill-Fond Soċjali Ewropew lin-nies li qed ifittxu x-xogħol mexjin 'il quddiem u qed iħallu l-frott. Iżda jsir aktar biex ikunu megħjuna dawk l-aktar milquta mid-daqqa ’l isfel. L-Istati Membri jeħtieġ li jżidu l-investimenti, speċjalment fil-qasam tal-esklużjoni soċjali u fil-bini tal-kapaċità istituzzjonali biex ikunu jistgħu jmexxu l-programmi b’mod aktar effettiv." Huwa żied jgħid: "Il-kriżi tat prova tar-relevanza u l-valur tal-Fond Soċjali Ewropew meta naraw li bosta mill-miżuri li ntgħażlu kienu attivi fil-politiki tas-suq tax-xogħol biex iressqu lin-nies lejn ix-xogħol."

Miljuni ta’ Ewropej u mijiet ta’ eluf ta’ intrapriżi bbenefikaw mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Ibbażat fuq rapporti nazzjonali mis-27 Stat Membru, ir-rapport tal-Kummissjoni jisħaq fuq il-messaġġi importanti u fil-ħin dwar il-potenzjal tal-Fondi Strutturali biex ikun aċċellerat il-ħruġ mill-kriżi ekonomika. Huwa jservi ta’ strument ta’ monitoraġġ, li jidentifika l-oqsma ta’ investiment fejn trid tittieħed azzjoni biex jitħaffu l-għażla u l-eżekuzzjoni tal-proġetti ko-finanzjati taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.

Il-biċċa l-kbira tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni (madwar EUR 230 biljun) kienu allokati għal investiment fl-oqsma ewlenin tal-aġenda dwar it-tkabbir u l-impjiegi. Filwaqt li r-rapport jissuġġerixxi li l-progress kien pożittiv f’oqsma importanti bħar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D), l-innovazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, huwa jindika wkoll li għandu jsir aktar biex tkun aċċellerata l-implimentazzjoni tal-proġetti fis-settur tal-ferroviji, f’investimenti ewlenin tal-enerġija u l-ambjent, fl-ekonomija diġitali, u fl-appoġġ għall-inklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jimmiraw lejn dawn l-oqsma ta’ prijorità, jekk meħtieġ, billi jdaħħlu fis-seħħ pjanijiet ta’ azzjoni biex jegħlbu d-dewmien.

Minkejja d-deterjorazzjoni ħarxa fil-qasam soċjo-ekonomiku bejn l-2007 u l-2009, ir-rapport jindika impenn qawwi lejn l-implimentazzjoni tal-miri tal-programm li kienu stabbiliti sa mill-bidu. Bħala medja mal-UE kollha, aktar minn 27 % tal-finanzjament għall-perjodu 2007-2013 diġà ġew allokati għal proġetti speċifiċi – li jammontaw għal investiment ta’ aktar minn EUR 93 biljun (ara l-MEMO/10/115 mehmuża għar-rati tal-għażla tal-proġetti mill-Istati Membri).

Ir-rapport għandu wkoll għażla indikattiva ta’ 40 eżempju ta’ proġett (are MEMO/10/115) li juru l-firxa wiesgħa tal-prijoritajiet tal-investiment. Huwa jagħmel rabta ċara bejn l-implimentazzjoni tal-programmi, u t-twettiq tal-miri tal-Ewropa 2020 biex titjieb il-prestazzjoni tal-innovazzjoni u tinħoloq ekonomija iktar intelliġenti, li tirrispetta iktar lill-ambjent u tkun iktar inklussiva soċjalment.

Iżda l-kriżi ekonomika globali kellha ovvjament impatt fuq il-programm ta’ implimentazzjoni. Bosta mir-rapporti nazzjonali jikkwotaw dan bħala l-fattur kbir li kkomplika t-twettiq tal-programmi. Bi tweġiba saru għadd ta’ tibdiliet biex il-programmi jwieġbu aktar għall-isfidi li nħalqu mill-kriżi (IP/09/1175). Bosta Stati Membri għażlu wkoll biex jużaw il-flessibbiltà fil-programmi oħra biex ikunu bbilanċjati mill-ġdid il-prijoritajiet fejn meħtieġ, billi jkunu ttrattati ħtiġijiet ġodda fost in-negozji u dawk li ilhom jew għadhom kemm ġew bla xogħol. Bħala riżultat, il-fluss tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni baqa’ fil-biċċa l-kbira kostanti billi l-Istati Membri jużaw l-istabbiltà tar-riżorsi tal-UE biex jinżamm u jkun ippjanat investiment ewlieni, anki matul il-kriżi ekonomika.

Nota għall-edituri

Permezz tat-tliet fondi tagħha – il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-Fond ta’ Koeżjoni, l-UE se tinvesti EUR 347 biljun fl-2007-2013 fis-27 Stat Membru. Dan jirrappreżenta 35 % tat-total tal-baġit tal-UE għall-istess perjodu (EUR 975 biljun).

Aktar informazzjoni fuq l-irrappurtar strateġiku u kollegamenti għas-27 rapport strateġiku nazzjonali:

http://ec.europa.eu/regional_policy/policy/reporting/index_en.htm

Aktar informazzjoni fuq il-politika ta’ koeżjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/regional_policy/index_en.htm (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni)

http://ec.europa.eu/esf (Il-Fond Soċjali Ewropew)

Materjal awdjoviżiv fuq il-proġetti u n-nies appoġġjati mill-Fond Soċjali Ewropew

http://ec.europa.eu/employment_social/esf/video/videos_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website