Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ES IT EL SL

IP/10/392

Brussell, id-30 ta’ Marzu 2010.

Il-miżuri tal-ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd is-Sinjura Maria Damanaki għamlitha ċara il-bieraħ li mhu se jkun hemm ebda posponiment fl-implimentazzjoni tar-Regolament Mediterranju Nru 1967/2006. Hija u titkellem fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd Ewropej, il-Kummissarju fakkret li l-Istati Membri kellhom tliet snin biex jimplimentaw ir-regoli li qablu unanimament dwarhom u li għalhekk il-Kummissjoni mhix se tippermetti aktar dewmien.

Il-Kummissarju Damanaki qalet: "Waqt is-smigħ tiegħi fil-Parlament Ewropew, irrimarkajt li jien marbuta bis-sħiħ biex intejjeb il-ġestjoni tas-sajd fil-Mediterran sabiex naslu għal sajd sostenibbli u ambjent ekwu."

Spezzjonijiet reċenti urew li l-Istati Membri mhumiex qed iwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-pjanijiet tal-ġestjoni jew id-deżinjazzjoni ta' żoni protetti mis-sajd. Il-Kummissarju Damanaki sostniet: "Bħala Gwardjana tat-Trattati, il-Kummissjoni mhi se jkollha l-ebda għażla ħlief li tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiġi osservata l-leġiżlazzjoni tal-UE. Għalhekk minix se noqgħod lura milli nuża bis-sħiħ l-istrumenti pprovduti mit-Trattati."

Dan kollu jġorr miegħu sens ta' urġenza, għaliex bosta stokkijiet tal-ħut qegħdin f'qagħda allarmanti u s-sajjieda qegħdin kull sena dejjem jaqbdu inqas. Aktar minn 54% tal-istokkijiet analizzati mix-xjenzati huma sovrasfruttati.

Għal bosta stokkijiet bħall-marlozz, it-trilja tal-ħama, il-gambli astado, il-ksampu (Nephrops) u l-lingwata, ix-xjenzati jirrakkomandaw tnaqqis drastiku tal-mortalità ta' bejn 30% u 80%. Minbarra dan, mhemmx biżżejjed dejta għal għadd sostanzjali ta' stokkijiet importanti, u għalhekk il-qagħda attwali tagħhom ma nafuhiex.

Il-Kummissarju Damanaki qalet: "Din qisha rulett Russa: jista' kollox ikun sew jew jistgħu jkunu qegħdin fuq ix-xifer tal-kollass. Il-ħaġa hi li sempliċement ma nafux."

Aktar minn 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, "il-livell tal-konformità jibqa' għal kollox insuffiċjenti". Jidher ċar li l-Istati Membri ma għamlux biżżejjed biex jimplimentaw ir-regoli u jiżguraw l-osservanza tagħhom min-naħa tas-sajjied. Il-Kummissarju Damanki saħqet li s-servizzi tal-Kummissjoni "se jgħinu biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni imma mhux biex jipposponuha".

Il-Kummissarju ċċarat li r-Regolament ma jipprojbixxi ebda sajd tradizzjonali jew "speċjali". Anzi, jippermetti derogi mir-regoli speċifiċi, sakemm il-valutazzjoni xjentifika turi li l-impatt tagħhom fuq l-ispeċijiet u l-ħabitats ikun kompatibbli mal-għanijiet tal-PKS u sakemm ikunu ġestiti taħt pjan nazzjonali.

Il-Kummissarju Damanaki għafset dwar il-fatt li s-sajd Mediterranju ma jistax jiġi ġestit effettivament minn dan ir-Regolament jew mill-Unjoni Ewropea waħidha. "Jekk irridu kundizzjonijiet indaqs għas-settur tas-sajd tagħna, għandna nieħdu azzjoni fil-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u, aktar u aktar, fil-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM). Biex nagħtu eżempju fost ħafna, il-GFCM adottat id-daqs minimu tal-malji ta' 40mm kwadru, li jaqbel mad-dispożizzjonijiet tagħna fir-Regolament Meditteranju"


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website