Navigation path

Left navigation

Additional tools

Pass 'l quddiem lejn politika komuni dwar il-viża: isir applikabbli l-Kodiċi tal-Viża tal-UE

European Commission - IP/10/387   30/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/387

Brussell, it-30 ta’ Marzu 2010

Pass 'l quddiem lejn politika komuni dwar il-viża: isir applikabbli l-Kodiċi tal-Viża tal-UE

Mill-5 ta' April, se jsir applikabbli l-Kodiċi tal-Viża tal-UE. Il-Kodiċi tal-Viża jiġbor f'dokument wieħed id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw id-deċiżjonijiet dwar il-viżi. Huwa jżid it-trasparenza, jiżviluppa s-sigurtà legali u jiżgura trattament l-istess tal-applikanti filwaqt li jarmonizza r-regoli u l-prattiċi għall-Istati Schengen (22 Stat Membru, u tlieta stati assoċjati) li qed japplikaw politika komuni dwar il-viża.

Il-Kummissarju Cecilia Malmström, responsabbli mill-Affarijiet Interni, stqarret: "Mill-5 ta' April, il-kundizzjonijiet biex jinħarġu l-viżi għaż-żona ta' Schengen għal ċittadini ta' pajjiżi terzi se jsiru aktar ċari, aktar preċiżi, trasparenti u aktar ġusti. Se jsir aktar faċli li wieħed jikseb viża tal-UE. Il-Kodiċi tal-Viża tal-UE se jiżgura li l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-viża tkun għal kollox armonizzata.

Il-Kodiċi tal-Viża jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet legali kollha eżistenti dwar il-viżi u jistipula regoli komuni dwar kundizzjonijiet u proċeduri biex dawn jinħarġu. Huwa jinkludi dispożizzjonijiet ġenerali, kif ukoll regoli li jiddeterminaw liema hu l-Istat Membru responsabbli minn applikazzjoni għall-viża u jarmonizza d-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet.

L-applikazzjoniuniformi tal-UE għall-viża ġiet issimplifikata. Il-kontenut ta' oqsma individwali ġie kkjarifikat għall-benefiċċju sew tal-applikanti kif ukoll tal-persunal konsolari.

Għadd akbar ta' kategoriji ta' persuni se jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-tariffa tal-viża u t-tfal ta' bejn is-6 u t-12-il sena għandhom iħallsu biss tariffa tal-viża ta' €35 (it-tariffa ġenerali tibqa' ta' €60).

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni tkun ikkonkludiet Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Viża se jibqgħu iħallsu tariffa għall-viża ta' €35.

Barra minn dan, il-Kodiċi jżid it-trasparenza u ċ-ċertezza legali. Idaħħal l-obbligu li tkun trid tingħata r-raġuni meta applikazzjoni għall-viża tkun rifjutata u jagħti l-opportunità ta' appell kontra deċiżjoni negattiva.

Fl-aħħarnett, jipprevedi rwol akbar għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni tal-Istati Membri fi ħdan il-"kooperazzjoni lokali dwar Schengen" f'pajjiżi terzi. Dan se jikkontribwixxi għal titjib fl-armonizzazzjoni ta' proċeduri.

Sabiex jiġi żgurat trattament indaqs tal-applikanti għall-viża, ġie mfassal ktejjeb ta' linji gwida għall-iproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża (adottat mill-Kummissjoni fid-19.3.2010) u se jkun disponibbli għall-pesunal konsolari kollu tal-Istati Membri.

Il-Kodiċi tal-Viża ġie adottat f'Ġunju 2009 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Wieħed jista' jara l-filmat fl-indirizz tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/media/default_en.htm

MEMO/10/111


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website