Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi tiżvela ostakli għal negozjar aħjar u tnaqqis fil-kundizzjonijiet tal-konsumatur

European Commission - IP/10/384   29/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/384

Brussell, id-29 ta’ Marzu 2010

It-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi tiżvela ostakli għal negozjar aħjar u tnaqqis fil-kundizzjonijiet tal-konsumatur

It-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi għar-rebbiegħa li ġiet ippubblikata llum mill-Kummissjoni Ewropea tiżvela li l-konsumaturi tal-UE għad mhumiex qed jaħsdu l-benefiċċji kollha tas-suq intern minħabba ostakli għall-kummerċ transkonfinali. Hemm diverġenza dejjem tikber bejn il-kummerċ elettroniku transkonfinali u dak domestiku. Il-kundizzjonijiet nazzjonali għall-konsumaturi – li jitkejlu pereżempju skont il-fiduċja tal-konsumatur fl-awtoritajiet tal-konsumaturi u fl-organizzazzjonijiet mhux governamentali (NGOs), u l-effettività fit-trattament ta’ ilmenti – naqsu f’ħafna pajjiżi. Ċerti Stati Membri tejbu r-riżultati tagħhom minkejja l-perjodu ekonomiku diffikultuż. Il-kapaċità tal-konsumaturi li jlaħħqu mal-akkwisti u mas-servizzi tvarja minn pajjiż għal ieħor: f’sitt pajjiżi, l-affordabbiltà hija anqas minn nofs il-medja tal-UE. Il-konsumaturi fil-pajjiżi aktar għanja tal-UE jistgħu jlaħħqu aktar mal-ħajja minkejja l-livelli ogħla tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni qed taħdem biex tittratta l-ostakli eżistenti, fuq il-bażi ta’ katalgu ta’ miżuri, inklużi regoli ta’ simplifikar għan-negozjanti.

Il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumaturi, John Dalli, qal: "Għall-konsumaturi suq uniku Ewropew iwiegħed għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi. Madankollu din il-wegħda ta’ sikwit ma tkunx sodisfatta, għaliex il-kummerċjanti u x-xerrejja t-tnejn jinsabu magħluqin fil-konfini nazzjonali minħabba ostakli kbar li, jien flimkien mal-kollegi kummissarji tiegħi, ninsab determinat li nħoll." Huwa żied jgħid: "Nixtieq nikkumplimenta lil dawk l-Istati Membri li – meta ġew iffaċċjati mal-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali –komplew jinvestu f’ambjent fejn il-gwardjani tal-konsumaturi huma fdati u l-kwistjonijiet jiġu solvuti malajr.”

It-Tabella tal-Valutazzjoni

It-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi toffri provi u twissijiet dwar il-prestazzjoni tas-suq intern rigward il-konsumaturi f’termini ta’ għażla, prezzijiet kompetittivi u sodisfazzjon. Mill-2010, it-Tabella tal-Valutazzjoni għar-rebbiegħa se teżamina l-integrazzjoni tas-suq tal-ħwienet mal-kundizzjonijiet nazzjonali għall-konsumaturi. It-Tabella tal-Valutazzjoni għall-Ħarifa se tiġi adottata f’Ottubru u se tiskrinja 50 settur tas-suq speċifiċi biex dawk li jista’ jkun li qed jiffunzjonaw ħażin għall-konsumaturi jiġu identifikati.

Riżultati prinċipali

Ostakli għall-kummerċ transkonfinali

L-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet transkonfinali huma kejl ta’ kemm huwa integrat is-suq tal-ħwienet tal-UE. Il-kummerċ transkonfinali juri tkabbir limitat: fl-2009, 29 % biss tal-konsumaturi xtraw xi ħaġa f’pajjiż ieħor tal-UE (25 % fl-2008) u 25 % biss tal-bejjiegħa bigħu lil kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE (20 % fl-2008). Id-diverġenza bejn ix-xiri domestiku u dak transkonfinali onlajn qed tikber: fl-2009, 34 % tal-konsumaturi tal-UE għamlu akkwisti jew xtraw servizzi onlajn minn bejjiegħa nazzjonali (28 % fl-2008), iżda 8 % biss ordnaw minn x’imkien ieħor fl-UE (6 % fl-2008).

Studji tal-Kummissjoni preċedenti wrew li x-xiri transkonfinali jista’ joffri ffrankar ġenwin fl-ispiża u għażla akbar lill-konsumaturi (ara IP/09/1564 u MEMO/09/475)

Iżda għad hemm ostakli, bir-riżultat li ħafna kummerċjanti jirrifjutaw li jwasslu konsenji barra l-pajjiż. Rapporti minn qabel juru li 'l fuq minn 60 % tal-ordnijiet transkonfinali ma jirnexxux. Il-Kummissjoni hija determinata li ssegwi strateġija għall-iżmantellar ta’ dawn l-ostakli, fuq il-bażi ta’ katalgu ta’ miżuri identifikati f’Ottubru 2009 (ara MEMO/09/475). Dawn jinkludu t-terminazzjoni tal-frammentazzjoni tar-regoli, l-ixprunar tar-riżoluzzjoni tal-konflitti transkonfinali u s-simplifikar tar-regolamenti għall-bejjiegħa.

Il-waqgħa fl-ambjenti nazzjonali tal-konsumaturi

L-ambjent tal-konsumatur huwa definit minn għadd ta’ fatturi bħal pereżempju l-kwalità tar-regolament dwar il-konsumaturi u n-negozji, l-effettività għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet u għat-trattament ta’ ilmenti, u l-fiduċja tal-konsumatur fl-awtoritajiet, fil-ħwienet, f’dawk li jirreklamaw u fl-organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

Il-kriżi ekonomika kellha impatt avvers fuq dawn il-kundizzjonijiet għall-konsumaturi, bil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jesperjenzaw tnaqqis. Iżda tmien Stati Membri (il-Portugall, il-Lussemburgu, l-Irlanda, l-Italja, l-Awstrija, Franza, is-Slovakkja u r-Renju Unit) tejbu r-riżultati meta mqabbla mal-2008.

Differenzi kbar fl-affordabbiltà tal-konsumaturi

It-Tabella tal-Valutazzjoni sabet differenzi kbar bejn il-pajjiżi tal-UE fil-kapaċità tal-konsumaturi li jlaħħqu mal-akkwisti u x-xiri ta’ servizzi, meta jitqiesu d-dħul medju u l-livelli tal-prezzijiet. B'mod sorprendenti, fil-pajjiżi aktar għanja tal-UE l-konsumaturi jistgħu jlaħħqu mal-ħajja aktar, minkejja l-livelli ogħla fil-prezzijiet: Il-Lussemburgu huwa bil-ħafna l-pajjiż l-aktar affordabbli, segwit mir-Renju Unit, Ċipru, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Awstrija.

Jekk jogħġbok ara wkoll: MEMO/10/109

It-test sħiħ tat-Tabella tal-Valutazzjoni:

http://ec.europa.eu/consumers/strategy/facts_en.htm#3CMS


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website