Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/380

Brussell, 29 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni tal-UE ssaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet regoli ġodda sabiex issaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-proposta l-ġdida se tgħin fil-ġlieda kontra l-iskjavitù moderna billi tassigura li jkun hemm konsistenza fir-regoli nazzjonali dwar l-atti kriminali u l-ikkastigar tagħhom, għajnuna aħjar għall-vittmi u azzjoni aktar iebsa favur il-prosekuzzjoni tal-kriminali responsabbli għat-traffikar.

Il-Kummissarju Malmström, responsabbli mill-Affarijiet Interni, qalet: "Fis-seklu 21, m'għandux ikollna nisa u bniet li jiġu mitfugħa fil-jasar sesswali, tfal imsawta u maltrattati, imġiegħla jittallbu u jisirqu, u żgħażagħ sfurzati jaħdmu f'kundizzjonijiet ħżiena ħafna għal pagi miżeri. Dawn l-atti kriminali mhuma aċċettabbli taħt l-ebda ċirkostanzi. Għandna nagħmlu dak kollu possibbli sabiex inwaqqfu lin-nies li huma responsabbli għal dawn l-atti."

Skont l-istima tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol, madwar id-dinja hemm mill-anqas 2.45 miljun persuna li qegħdin jagħmlu xogħol sfurzat b'riżultat tat-traffikar tal-bnedmin. Il-biċċa l-kbira tal-vittmi tal-ittraffikar huma sfruttati għall-prostituzzjoni (43%) - l-aktar nisa u bniet - jew għax-xogħol tal-idejn (32%). Huwa stmat li bosta eluf ta' persuni jiġu traffikati lejn l-UE jew fi ħdan l-UE kull sena.

Il-Kummissjoni llum ipproponiet regoli tal-UE li jobbligaw lill-Istati Membri tal-UE sabiex jaġixxu fuq it-tliet fronti tal-prosekuzzjoni tal-kriminali responsabbli għat-traffikar tal-bnedmin, il-ħarsien tal-vittmi u l-prevenzjoni ta' dawn l-atti kriminali. Il-Kummissjoni dalwaqt se tieħu passi wkoll sabiex tappunta "Koordinatur ta' kontra t-Traffikar" tal-UE sabiex il-politika tal-UE ta' kontra t-traffikar tkun aktar effiċjenti, viżibbli u koerenti, inkluż sabiex jiġu indirizzati l-kawżi aħħarin, u fil-qasam tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.

Il-proposta żżid il-konsistenza fost ir-regoli nazzjonali dwar l-atti kriminali u l-ikkastigar tagħhom. Dawk li jwettqu dawn l-atti jitressqu fil-qrati wkoll jekk iwettqu atti kriminali f'art barranija. L-għodod investigattivi użati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzarji.

Il-vittmi jirċievu akkomodazzjoni, għajnuna medika li tgħinhom jirkupraw u protezzjoni tax-xiehda sabiex ma jibżgħux jixhdu kontra dawk li jkunu wettqu atti kriminali kontrihom. Huma jingħataw ukoll għajnuna legali matul il-proċedimenti inkluż sabiex ikunu jistgħu jitolbu kumpens finanzjarju.

Sabiex issaħħaħ il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, il-proposta tipprevedi ħidma sabiex il-vittmi potenzjali jsiru aktar konxji tar-riskji li jaqgħu vittmi tat-traffikanti, sabiex l-uffiċjali pubbliċi wkoll isiru aktar konxji sabiex ikunu jistgħu jaqbdu każijiet ta' traffikar u jkunu jafu kif jittrattawhom.

Hija tinkoraġġixxi s-sanzjonar tal-persuni li konxjament jimpjegaw jew jixtru servizzi mingħand il-vittmi tat-traffikar. Hija tistabbilixxi wkoll entitajiet fl-Istati Membri għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet.

Din il-proposta l-ġdida tibni fuq il-proposta leġiżlattiva li saret fl-2009 sabiex tissostitwixxi r-regoli eżistenti li ilhom fis-seħħ sa mill-2002 (IP/09/472). Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-proposta preċedenti trid tiġi rriformulata. Dan se jippermetti wkoll lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tivverifika li l-liġi tal-UE tiġi tradotta b'mod korrett fir-regoli nazzjonali u tipproċedi fil-qorti kontra dawk li mhumiex f'konformità.

Il-proposti se jkunu diskussi fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri tal-UE u ladarba jiġu approvati għandhom jiġu tradotti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

Sfond

MEMO/10/108

Illum, il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri kontra l-abbuż sesswali tat-tfal (IP10/379, MEMO/10/107)

Il-proposta tal-lum tista' tinstab fuq il-websajt:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website