Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/379

Brussell, 29 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni Ewropea trid sanzjonijiet iktar ħarxa kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, l-isfruttament sesswali u l-pedopornografija

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet regoli ġodda li jobbligaw lill-pajjiżi tal-UE jimponu pieni iktar ħorox fuq dawk li jabbużaw sesswalment mit-tfal. Il-proposta ssejjaħ ukoll għall-prosekuzzjoni kriminali ta' attivitajiet bħat-"tħejjija" (li wieħed jitħabbeb mat-tfal bl-intenzjoni li jabbuża minnhom sesswalment) u "turiżmu tas-sess", anke jekk l-abbuż tat-tfal ikun sar barra mill-UE. Il-Kummissjoni trid ukoll li jsir iktar dwar il-prevenzjoni ta' dawn ir-reati u biex ikunu protetti l-vittmi. B'mod partikolari trid tiżgura li t-trasgressuri jkunu jistgħu jirċievu trattament imfassal għall-individwu sabiex ma jerġgħux jirrepetu l-abbuż.

"L-abbuż sesswali tat-tfal" ifisser li tfal jiġu suġġetti għal reati tal-waħx li jħallu ġrieħi fondi tul ħajjithom. "L-isfruttament tat-tfal" ifisser li tfal jintużaw bħala strumenti sesswali u li wieħed isir sinjur minn dan. "Il-pedopornografija" tfisser immaġini ta' tfal li qed isofru abbuż sesswali. L-iskarikar jew il-wirja ta' pedopornografija fuq l-internet iwassal biex iktar tfal jiġu stuprati biex jiġu prodotti dawk l-immaġini" qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström. "It-tweġiba tal-UE ma tistax tkun iktar ċara u determinata. Dak kollu li l-UE tista' tagħmel kontra dan, l-UE teħtieġ tagħmlu u se tagħmlu."

Studji juru li bejn l-10% u l-20% tat-tfal fl-Ewropa se jsofru minn forma jew oħra ta' abbuż sesswali matul it-tfulija tagħhom. Ċerti forom ta' vjolenza sesswali għadhom qed jiżdiedu. L-għadd ta' siti elettroniċi ddedikati għall-pedopornografija qed jikber, 200 immaġini bil-pedopronografija jidħlu fiċ-ċirkulazzjoni kuljum, l-età tat-tfal vittmi li jidhru fil-pornografija qed tonqos, u l-immaġini qed isiru iktar grafiċi u iktar vjolenti. Madwar 20% tat-trasgressuri sesswali jerġgħu jikkommettu reati ġodda wara l-kundanna.

Il-proposta tal-lum għandha tagħmilha iktar faċli biex il-ġlieda kontra dawn ir-reati ssir permezz ta' għodod differenti:

  • billi qed tipprovdi sanzjonijiet kriminali matul l-UE għall-abbuż u l-isfruttament sesswali, minħabba li huma reati serji. Forom ġodda ta' abbuż, bħat-'tħejjija' (grooming) – it-tfal jiġu ttentati permezz tal-internet u mbagħad abbużati, li wieħed jara l-pedopornografija mingħajr ma jiskarika fajls jew li tfal ikunu mġiegħla jagħmlu pożi sesswali quddiem webcams.

  • It-"turisti għal skopijiet sesswali" li jivvjaġġaw f'pajjiżi terzi biex jabbużaw mit-tfal ser jiffaċċjaw prosekuzzjoni meta jirritornaw lura lejn pajjiżhom.

  • It-tfal vittmi se jiġu protetti kontra t-trawma miżjuda li tirriżulta minn intervisti tal-forzi tal-ordni jew awtoritajiet ġudizzjarji, jew ikollhom jidhru quddiem il-pubbliku fil-qorti, u se jkunu mgħejuna minn avukat b'xejn.

  • Kull trasgressur għandu jkun ivvalutat fuq bażi individwali u jkollu aċċess għal trattament partikolari għalih biex ma jerġax jitħalla jwettaq abbużi.

  • Il-projbizzjoni imposta fuq min iwettaq ir-reat għal attivitajiet li jinvolvu kuntatt ma' tfal għandha tkun effettiva mhux biss fil-pajjiż tal-kundanna iżda madwar l-UE kollha.

  • L-Istati Membri għandhon jieħdu l-passi meħtieġa biex jitneħħew il-paġni tal-internet li jkun fihom jew li jqassmu l-pedopornografija. Jekk huwa diffiċli li jitneħħew dan it-tip ta' siti elettroniċi, l-Istati Membri se jkunu obbligati jiżguraw li l-aċċess għal siti elettroniċi li fihom il-pedopornografija jistgħu jiġu imblukkati, minħabba li huwa diffiċli li jitwaqqfu fil-punt tal-origini, speċjalment jekk is-sit jinsab barra mit-territorju tal-UE. Il-proposta se titħalla għall-Istati Membri nfushom biex jiddeċiedu kif jimplimentaw dan l-imblokk iżda salvagwardji legali dejjem se japplikaw.

Il-proposta għandha tissostitwixxi leġiżlazzjoni eżistenti li ilha mill-2004, u tibni fuq proposta li saret f'Marzu 2009 (IP/09/472). Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, din il-proposta għandha terġa tingħata l-forma. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li l-liġi tal-UE tiġi tradotta kif suppost fir-regoli nazzjonali u tieħu l-Qorti lil dawk il-pajjiżi li ma josservawhiex.

Il-proposti issa se jkunu diskussi fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri tal-UE u ladarba jiġu approvati għandhom jiġu tradotti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

Sfond

MEMO/10/107

Il-Kummissjoni llum ipproponiet ukoll miżuri biex tiġġieled it-traffikar tal-persuni (IP/10/380, MEMO/10/108)

Il-proposta tal-lum tinstab fuq il-websajt:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site