Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/371

Brussell, 25 ta’ Marzu 2010

Pass kbir 'il quddiem fit-tieni fażi tan-negozjati dwar l-"Open Skies" bejn l-UE u l-Istati Uniti: Il-Viċi President Kallas jilqa' b'sodisfazzjoni l-abbozz ta' ftehim

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-Trasport, laqa' b'sodisfazzjon bħala "pass kbir 'il quddiem", il-ftehim preliminari li ntlaħaq illum bejn in-negozjaturi tal-UE u l-Istati Uniti dwar it-tieni fażi tal-ftehim "Open Skies" dwar l-avjazzjoni. "Intlaħaq ftehim dwar proċess għal espansjoni ulterjuri u konsolidazzjoni tas-suq tal-avjazzjoni transatlantiku. Iż-żewġ naħat qablu li jżidu l-kooperazzjoni regolatorja u li jneħħu l-ostakoli għall-aċċess għas-suq li qed ixekklu l-iżvilupp tal-iktar swieq tal-avjazzjoni importanti tad-dinja. Mibni fuq is-suċċess tal-Ftehim "Open Skies" tal-2007 bejn l-UE u l-Istati Uniti, dan l-abbozz ta' ftehim jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem fil-proċess tan-normalizzazzjoni tal-industrija tal-avjazzjoni dinjija". Mil-lat ekonomiku, huwa stmat li l-ħolqien ta' Żona ta' Avjazzjoni Miftuħa sħiħa bejn l-UE u l-Istati Uniti, għandu valur ta' EUR 12 –il biljun f'benefiċċji ekonomiċi u jista' joħloq sa 80 000 impjieg ġdid. In-negozjaturi għamlu wkoll progress sinifikanti fil-ftehim dwar qafas ġdid sabiex jindirizzaw flimkien l-impatti ambjentali tal-avjazzjoni, kif ukoll il-progress fl-oqsma tas-sigurtà, il-kompetizzjoni u l-oqsma soċjali. F'Ġunju, taħt il-Presidenza Spanjola, il-Viċi President Kallas se jressaq dan l-abbozz ta' ftehim għall-approvazzjoni tal-Kunsill dwar it-Trasport.

Wara t-tnidija tat-tieni fażi tan-negozjati f'Mejju 2008, u wara seba' laqgħat ta' negozjati oħra, in-negozjaturi llum temmew id-dettalji ta' ftehim ġdid. Fl-2007, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ffirmaw ftehim dwar it-trasport bl-ajru li ilu jiġi applikat mit-30 ta' Marzu 2008. Dan il-ftehim jissodisfa l-mandat mogħti fl-aħħar Samit UE-Stati Uniti f'Novembru 2009, biex jintlaħaq ftehim bilanċjat fl-2010.

L-ewwel fażi tal-ftehim, kien diskutibbilment, l-iktar ftehim importanti dwar is-servizzi tal-avjazzjoni fid-dinja, li jippermetti aċċess għal suq miftuħ għas-servizzi tal-avjazzjoni fost is-27 Stati Membri kollha u l-Istati Uniti – swieq li flimkien jagħmlu kważi 60 % tal-avjazzjoni globali. Barra minn hekk, il-ftehim ħoloq pjattaforma regolatorja mingħajr preċedent li tindirizza t-tħassib reċiproku kollu relatat mas-servizzi tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Madanakollu, il-ftehim tal-2007 ma indirizzax direttament il-kwistjoni ewlenija tar-riforma tar-regoli dwar is-sjieda u l-kontroll tal-linji tal-ajru. Il-ftehim provviżorju li ntlaħaq din il-ġimgħa jinkludi impenn li jinbeda proċess li jwassal għal din it-tip ta' riforma. L-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-esperjenza pożittiva tas-suq intern tal-UE, ilha tagħmel pressjoni biex dan ir-riżultat jinkiseb; l-UE qed targumenta li dan se jirrappreżenta pass ewlieni lejn il-liberalizzazzjoni tal-industrija tal-linji tal-ajru minn limitazzjonijiet regolatorji skaduti fil-qasam tal-investimenti barranin li jxekkluha milli topera bħal kwalunkwe industrija oħra Il-ftehim provviżorju jistabbilixxi numru ta' inċentivi li jinkoraġġixxu r-riforma: Meta l-Istati Uniti tibdel il-leġiżlazzjoni tagħha biex tippermetti lill-investituri tal-UE jiksbu sehem azzjonarju ewlieni fil-linji tal-ajru tal-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea reċiprokament se tippermetti sehem azzjonarju ewlieni fil-linji tal-ajru tal-UE lill-investituri tal-Istati Uniti, u l-linji tal-ajru tal-Istati Uniti se jibbenefikaw minn drittijiet addizzjonali tal-aċċess għas-suq lejn u minn l-UE. Il-progress li jsir biex jinkiseb dan ir-riżultat se jkun rivedut regolarment.

In-negozjaturi kisbu wkoll titjib sinifikanti fir-rigward tal-kooperazzjoni regolatorja:

  • Il-ftehim se jsaħħaħ il-kooperazzjoni f'oqsma ambjentali billi jirrikjedi l-kompattibbiltà u l-interazzjoni ta' miżuri bbażati fuq is-suq (bħall-iskemi ta' skambju ta' emissjonijiet) sabiex tkun evitata d-dupplikazzjoni; billi tkun promossa aktar trasparenza għall-miżuri dwar il-ħsejjes fl-ajruporti. u billi jissaħħu t-teknoloġiji, il-fjuwils u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ekoloġiċi. Din il-kooperazzjoni hija kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni effikaċi tal-avjazzjoni internazzjonali.

  • Għall-ewwel darba fl-istorja tal-avjazzjoni, il-ftehim jinkludi artikolu ddedikat għad-dimensjoni soċjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-avjazzjoni Dan mhux biss jiżgura li d-drittijiet legali eżistenti tal-impjegati tal-linji tal-ajru jinżammu, iżda wkoll li l-implimentazzjoni tal-ftehim jikkontribwixxi għal standards tax-xogħol għoljin.

  • Il-ftehim se jgħolli l-livell diġà għoli tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà biex ikunu allokati aħjar ir-riżorsi kontra theddidiet għas-sistema tal-avjazzjoni billi tkun promossa l-kunfidenza reċiproka massima fil-miżuri ta' sigurtà ta' xulxin, kif ukoll reazzjonijiet pronti u kkoordinati għal theddidiet ġodda.

  • Il-ftehim jestendi aktar ir-rwol tal-Kumitat Konġunt UE-Stati Uniti, li huwa l-korp li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim u li jikkoordina l-flussi ta' xogħol differenti tal-kooperazzjoni regolatorja. Ir-regoli l-ġodda se jnaqqsu l-burokrazija (pereżempju permezz tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet regolatorji ta' xulxin) u se jevitaw il-ħela ta' riżorsi doppji (pereżempju permezz ta' inizjattivi konġunti dwar is-sikurezza, is-sigurtà ċentralizzata (one-stop security), l-iffaċilitar tal-ivjaġġar tal-passiġġieri).

  • L-aċċess għas-suq se jinfetaħ iktar meta l-linji tal-ajru tal-UE jiksbu aċċess ulterjuri għat-traffiku ffinanzjat mill-Gvern tal-Istati Uniti ("Fly America"). Suġġett għal tibdiliet speċifiċi fil-qafas legali dwar ir-restrizzjonijiet tal-ħsejjes fl-ajruporti, fil-futur, il-linji tal-ajru tal-UE se jiksbu opportunitajiet kummerċjali ġodda biex itiru bejn l-Istati Uniti u pajjiżi mhux tal-UE. Barra minn hekk, se jitneħħew numru ta' ostakoli għall-investimenti tal-UE u l-Istati Uniti f'linji tal-ajru ta' pajjiżi terzi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website