Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/366

Brussell, il-25 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni tniedi t-tieni Premju tas-Saħħa tal-UE għall-Ġurnalisti

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi t-tieni premju tas-saħħa tal-UE għall-ġurnalisti ta’ artikli stampati u ta' dawk onlajn. Il-premju huwa parti mill-kampanja 'L-Ewropa għall-Pazjenti’ li tnediet f’Settembru 2008. Hija għandha l-għan li tistimula u tippremja l-ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja li jqajjem għarfien dwar kwistjonijiet fuq il-kura tas-saħħa u d-drittijiet tal-pazjenti. Il-premju ta’ din is-sena jsegwi l-ewwel premju tas-saħħa għall-ġurnalisti li kien ġibed aktar minn 460 artiklu minn ġurnalisti minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Il-ġurnalisti huma mistiedna biex jissottomettu artikli ppubblikati f’pubblikazzjonijiet stampati jew dawk onlajn bejn is-16 ta’ Ġunju 2009 u l-1 ta’ Lulju 2010 billi jużaw formola tal-applikazzjoni onlajn. Il-kompetizzjoni tagħlaq f’nofsillejl tal-1 ta’ Lulju 2010.

Ir-rebbieħa jintgħażlu kif ġej: f’kull pajjiż tal-UE, ġurija nazzjonali magħmula minn ġurnalisti u esperti tas-saħħa pubblika, ippreseduta mill-Kummissjoni Ewropea, tagħżel finalist nazzjonali wieħed. Ġurija tal-UE mbagħad tagħżel tliet rebbieħa fil-livell tal-UE fost is-27 finalisti. Ladarba jkunu kkonfermati l-ismijiet tal-membri tal-ġurija nazzjonali u tal-UE, huma jkunu disponibbli fuq il-websajt tal-Premju ta’ Ġurnalisti.

Ir-rebbieħa se jirċievu premijiet fi flus b’EUR 5 000 għall-ewwel post, EUR 3 000 għat-tieni u EUR 2 000 għat-tielet. Il-finalisti nazzjonali kollha se jkunu mistiedna jmorru Brussell fil-ħarifa 2010 biex jieħdu sehem f’seminar tal-midja dwar kwistjonijiet tas-saħħa tal-UE. Il-Premju tas-Saħħa tal-UE għall-ġurnalisti tnieda għall-ewwel darba fl-2009.

Ir-rebbieħa tal-ewwel post tas-sena li għaddiet kienet Estelle Saget (Franza) bl-artiklu intitolat "L-Iskiżofrenija spjegata lill-familja u l-ħbieb", ippubblikat f’"L'Express". Audrė Srėbalienė (Litwanja) rebħet it-tieni premju bl-artiklu tagħha "Oħti fid-demm", ippubblikat f’"Savaitinis zurnalas" u Emilia Chiscop (Rumanija) rebħet it-tielet premju bl-artiklu "Storja li tqanqal ta’ rieda u qlubija", ippubblikat f’"Ziarul de Iaşi".

Il-premju tal-UE tas-saħħa għall-ġurnalisti u l-kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti huma ffinanzjati taħt it-Tieni Programm ta’ Saħħa għall-Komunità 2008-2013. Aktar dettalji dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet jinsabu fuq il-websajt.

Biex tissottometti artiklu u ssib aktar tagħrif dwar il-Premju jekk jogħġbok żur il-websajt tal-Premju tal-Ġurnalist:

http://ec.europa.eu/health-eu/journalist_prize/2010/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni dwar il-kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti:

http://ec.europa.eu/health-eu/europe_for_patients/index_da.htm

It-tieni Programm ta’ Saħħa għall-Komunità 2008-2013:

http://ec.europa.eu/health/programme/policy/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website