Navigation path

Left navigation

Additional tools

Iktar nisa f'pożizzjonijiet għoljin hija t-triq għat-tkabbir ekonomiku, skont rapport tal-UE

European Commission - IP/10/362   25/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/362

Brussell, 25 ta’ Marzu 2010

Iktar nisa f'pożizzjonijiet għoljin hija t-triq għat-tkabbir ekonomiku, skont rapport tal-UE

Waħda biss minn kull għaxar membri tal-bord tal-ikbar kumpaniji kkwotati Ewropej hija mara u l-gvernaturi tal-bank ċentrali fl-UE huma kollha rġiel. L-ekonomija għandha tibbenefika jekk ikun hemm rappreżentazzjoni sħiħa kemm ta' rġiel kif ukoll ta' nisa fil-pożizzjonijiet għoljin, jgħid rapport ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea llum. Dan ħareġ qabel strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn is-sessi, li se tkun addottata mill-Kummissjoni Eworpea iktar tard din is-sena.

"Jekk l-Ewropa veramament trid toħroġ mill-kriżi u ssir ekonomija kompetittiva permezz ta' tkabbir intelliġenti u inklussiv, għandha tuża aħjar it-talenti u l-kapaċitajiet tan-nisa. L-ugwaljanza bejn is-sessi hija għalhekk punt fokali tal-istrateġija Ewropa 2020: id-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol se jgħinuna noħorġu mill-kriżi," qalet Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza u Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea. "L-istudji juru li l-kumpaniji fejn in-nisa huma rappreżentati sew għandhom ukoll l-aħjar prestazzjoni finanzjarja. Insejjaħ lill-kumpaniji u l-gvernijiet biex jisħqu iktar biex il-bilanċ bejn is-sessi pożizzjonijiet maniġerjali għolja ssir realtà. Ninkoraġixxi wkoll lin-nisa b'talent biex jilqgħu l-isfida li jkunu membri ta' bord u biex japplikaw bħala kanditati għal impjiegi fl-ogħla livell."

Ir-rapport "Iktar nisa f'pożizzjonijiet għolja – it-triq lejn stabbiltà u tkabbir ekonomiku," juri li n-nisa qed ikomplu jkunu sottorappreżentati sew fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi. Fil-qasam korporattiv, kwazi 89% tal-membri tal-bordijiet tal-ikbar kumpaniji kkwotati Ewropej huma rġiel. Id-differenza hija l-ikbar fil-quċċata fejn 3% ta' dawn il-kumpanijia biss huma kkontrollati minn mara. In-Norveġja tispikka bħala l-uniku pajjiż viċin li jikseb il-bilanċ bejn is-sessi: Fuq il-bordijiet tal-akbar kumpaniji kkwotati Ewropej, 42% huma nisa u 58% huma rġiel – riżultat ta' kwota legali.

Fl-istess ħin numru ta' studji wrew li d-diversità tal-generu tagħti l-frott u hemm korrelazzjoni pożittiva bejn il-propozjon ta' nisa f'pożizzjonijiet għolja u r-rendiment tal-kumpanija. Pereżempju, studju li sar fil-Finlandja sab li l-impriżi b'bord b'bilanċ bejn is-sessi għandhom fuq medja 10% iktar profitt milli dawk b'bord magħmul minn irġiel biss.

Fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, il-Parlament Ewropew huwa l-iktar assemblea bilanċjata minn meta beda fl-1979, b'35% nisa u 65% irġiel. Il-proporzjon ta' membri nisa fil-parlamenti nazzjonali (kamra tad-deputati) madwar l-Ewropa kollha żdied minn 16% fl-1997 għal 24% fl-2009. Iżda xorta għadu ferm aktar baxx minn dik li tissejjaħ il-massa kritika ta’ 30 % meħtieġa għan-nisa biex jeżerċitaw influwenza effettiva fil-politika. Fil-gvernijiet nazzjonali, is-sitwazzjoni qegħda dejjem titjieb bi proporzjon ta' nisa bħala ministri ewlenin fil-gvernijiet tal-UE ta' 27%. Il-Kummissjoni Ewropea għandha disa' Kummissarji nisa (33%) u tmintax irġiel (67%), l-aħjar bilanċ bejn is-sessi s'issa - żieda ta' 5.6% mill-1994/1995.

Iktar minn nofs (55%) tal-Ewropej intervistati fi stħarriġ tal-Eurobarometer jaħsbu li l-proporzjon bejn in-nisa u l-irġiel fil-parlamenti hija kwestjoni "urġenti". Fil-kriżi ekonomika globali, ir-rwol tan-nisa fin-negozju qed isir iktar importanti. Biex il-kumpaniji jibqgħu vijabbli fi żmien il-kriżi, għandhom bżonn l-aħjar governanza u għandhom bżonn jattiraw l-aħjar talent possibli. Skont studju li sar mill-Presidenza Svediża tal-UE fl-2009, li jiġu eliminati d-differenzi bejn is-sessi fl-impjiegi fl-Istati Membri tal-UE jista' jwassal għal żieda potenzjali fil-PGD ta' 15% - 45% (ara l-Anness).

Hemm bżonn għalhekk ta' progress mgħaġġel biex tintlaħaq rappreżentazzjoni iktar ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-pożizzjonijiet għolja fl-oqsma u l-livelli kollha. Il-Kummissjoni rrikonfermat l-impenn tagħha għal ugwaljanza bejn is-sessi iktar b'saħħitha fil-politika tal-UE permezz tal-preżentazzjoni tal-"Karta dwar il-Mara" tal-5 ta' Marzu (IP/10/237). L-Karta se tkun implimentata permezz ta' strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn is-sessi li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni iktar tard din is-sena. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta' din l-istrateġija se tkun li tippromovi l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Il-miżuri biex jittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet jistgħu jinkludu t-tfassil ta' pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, id-definizzjoni ta' miri u monitoraġġ regolari, bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, il-promozzjoni ta' nisa li huma eżempju għall-oħrajn, programmi ta' mentoring u networking.

Sfond:

Dan ir-rapport se jkun ippreżentat fil-konferenza Ewropea dwar "L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala bażi għat-tkabbir u l-impiegi" u laqgħa informali ta' ministri għall-ugwaljanza bejn is-sessi f'Valencia fil-25-26 ta' Marzu 2010.

Għal aktar tagħrif:

- Ir-rapport "Iktar nisa f'pożizzjonijiet għolja – it-triq lejn stabbiltà u tkabbir ekonomiku"

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=762&langId=en&furtherPubs=yes

- Database dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=764&langId=mt

"Impenn iktar b'saħħtu għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel" – Karta dwar il-Mara

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=726&furtherNews=yes

- Eurobarometer – L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm

- Il-Filmat ta' Stqarrija għall-Aħbarijiet nru I-060553: In-nisa fil-quċċata

http://www.tvlink.org/mediadetails.php?key=a5daf1c5f0eed1f9627a&title=Women+to+the+top&titleleft=Employment

ANNEX

Gender balance amongst board members of the largest publicly listed companies, 2009

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Share of women in national parliaments (single/lower house) and in the European Parliament, 2009

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Women and men in national governments (senior and junior ministers), 2009

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Study by the Swedish Ministry of Integration and Gender Equality: "Gender equality, economic growth and employment"

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website