Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tħejji negozjati ġodda mal-Istati Uniti dwar it-trasferiment ta' dejta bankarja għall-ġlieda kontra t-terroriżmu

Commission Européenne - IP/10/348   24/03/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/348

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tħejji negozjati ġodda mal-Istati Uniti dwar it-trasferiment ta' dejta bankarja għall-ġlieda kontra t-terroriżmu

Il-Kummissjoni llum adottat abozz ta' mandat għal negozjati dwar it-trasferiment ta' dejta bankarja mal-gvern tal-Istati Uniti skont il-Programm ta' Rintraċċjar tal-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (Terrorist Finacing Tracking Programme – TFTP) Il-Kummissjoni trid li tasal għal ftehim sa dan is-sajf sabiex tillimita nuqqasijiet fis-sigurtà.

"It-terroriżmu jibqa' fost it-theddid ewlieni li jeżisti għas-sigurtà tal-UE u hemm bżonn li jkollna l-għodod effettivi li jippermettu kooperazzjoni internazzjonali effettiva", qalet il-Kummissarju Cecilia Malmström, responsabbli mill-Affarijiet Interni. Hija kompliet tgħid li "il-programm li qed nipproponu li nsostnu b'dan il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar it-trasferiment ta' dejta minn messaġġi finanzjarji ta xhieda tal-effettività tiegħu fil-passat, u ninsab fiduċjuża li hekk se jkompli jagħmel, bil-garanzija, fl-istess ħin, tal-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni għad-dejta personali ta' ċittadini tal-UE, li tippermettilhom li jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju, il-garanzija ta' monitoraġġ aħjar bis-saħħa ta' proċess regolari ta' valutazzjoni, u billi jiġi żgurat li t-talbiet għad-dejta jkunu approvati minn awtorità ġudizzjali pubblika. Jiena se nara li l-Parlament Ewropew ikun infurmat minnufih, u bis-sħiħ, f'kull stadju tal-proċedura ta' negozjati u li t-taħdidiet mal-awtoritajiet ekwivalenti fl-Istati Uniti jieħdu f'kunsiderazzjoni, kif jixraq, il-ħsibijiet u s-suġġerimenti espressi mill-Parlament Ewropew."

"Ir-rwol tagħna huwa dak li naraw li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati u mħarsa f'kull mument," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittjiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Waqt it-tfassil tal-mandat għall-ftehim il-ġdid, Cecilia u jiena ħadna f'kunsiderazzjoni l-aktar ħsibijiet essenzjali tal-Parlament Ewropew, li ġew espressi f'Settembru li għadda, b'mod partikolari fejn jidħol id-dritt għall-privatezza u d-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjali effettiv u mhux diskriminatorju. Il-ftehim li għandu jintlaħaq għandu jiżgura li l-Kummissjoni b'mod regolari tħejji rapport lill-Parlament Ewropew, biex b'hekk jiġi żgurat il-kontroll demokratiku. Fl-aħħar u mhux l-anqas, il-ftehim li għandu jintlaħaq għandu jipprovdi b'mod espliċitu reċiproċità mill-Istati Uniti f'każ li l-UE tistabbilixxi Programm tagħha ta' Rintraċċjar ta' Finanzjar tat-Terroriżmu. Jiena nemmen li abbażi ta' dan, l-Unjoni Ewropea tista' tersaq b'fiduċja lejn serje ġdida ta' negozjati ma' sħabna tal-Istati Uniti."

Il-proposta tal-lum tagħti lill-Kummissjoni mandat biex tinnegozja livell qawwi ta' protezzjoni ta' dejta personali. Jorbotha wkoll bl-impenn li żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat bis-sħiħ f'kull stadju tan-negozjati.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni l-abbozz ta' mandat jinkludi garanziji ulterjuri sinifikanti ta' protezzjoni tad-dejta, bħal ma hi limitazzjoni stretta għal skopijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, projbizzjoni assoluta kontra t-trasferiment ta' dejta bil-massa lil pajjiżi terzi (jistgħu jiġu trasferiti biss indizji). Huwa mmirat lejn limitazzjoni potenzjali tal-ammont ta' dejta personali li tista' tiġi trasferita lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti.

F'konformità mal-liġi tal-UE, il-mandat jipproponi perjodu ġenerali massimu ta' 5 snin għaż-żamma ta' dejta. L-UE se jkollha d-dritt li tittermina l-Ftehim fil-każ ta' ksur ta' xi salvagwardja dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Sfond

Fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-25 ta' Frar 2010 kien hemm qbil ġenerali fost l-Istati Membri li hemm ħtieġa urġenti li jintlaħaq ftehim ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar it-TFTP biex ikun jista' jinżamm dan il-programm siewi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, wara li l-Parlament Ewropew caħad l-approvazzjoni tal-Ftehim Temporanju dwar it-TFTP fil-11 ta' Frar.

Bħala konsegwenza tal-vot fil-Parlament Ewropew, intbagħtet ittra ffirmata mill-President tal-Kunsill lis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti fit-22 ta' Frar li fiha stqarr li bħala konsegwenza tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament, l-UE ma tistax ssir parti mill-Ftehim Temporanju, u li ttemm l-applikazzjoni temporanja tal-Ftehim.

Għal aktar tagħrif

MEMO/10/101


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site