Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi l-ewwel passi lejn reviżjoni tar-regoli tal-ħin tax-xogħol

European Commission - IP/10/345   24/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/345

Brussell, l-24 ta' Marzu 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi l-ewwel passi lejn reviżjoni tar-regoli tal-ħin tax-xogħol

Illum il-Kummissjoni Ewropea talbet l-opinjonijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem dwar l-alternattivi għar-reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol L-ewwel stadju ta' konsultazzjoni jistaqsi lill-imsieħba soċjali Ewropej dwar jekk hemmx ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-UE dwar id-Direttiva tal-Ħin tax-Xogħol (2003/88/KE) u x'ambitu għandha tieħu. Dan jirrappreżenta l-ewwel pass fid-direzzjoni ta' reviżjoni komprensiva tad-Direttiva u qed isir wara attentati preċedenti biex tiġi analizzata b'mod ulterjuri l-leġiżlazzjoni eżistenti laħqu punt ta' impass f'April 2009.

László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: "Il-fatt li ma rnexxilniex nilħqu ftehim dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-ħin tax-xogħol is-sena l-oħra ma jfissirx li l-problemi li jeżistu madwar ir-regoli eżistenti għebu. Xorta jeħtieġilna nsibu soluzzjoni bilanċjata li tindirizza l-ħtiġijiet reali tal-ħaddiema, in-negozjanti u l-konsumaturi fis-Seklu 21." Huwa enfasizza: "Neħtieġu reviżjoni komprensiva tar-regoli bbażati fuq stima komprensiva tal-impatt b'dimensjoni soċjali qawwija. Illum qed nistiednu l-imsieħba soċjali biex jirriflettu b'mod estensiv fuq din il-kwistjoni kruċjali u biex joħorġu bi proposti innovattivi li jipprogressaw lil hinn mid-dibattiti tal-imgħoddi li ma waslu mkien."

Fl-2004, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2003/88/KE, wara konsultazzjonijiet estensivi. Il-proposta mmirat biex tittratta serje ta' problemi li tħallew mhux solvuti mil-leġiżlazzjoni eżistenti u mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament biex tiċċara l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-ħin on-call f'ċerti setturi tax-xogħol; biex tagħti aktar flessibilità fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol ta' kull ġimgħa; u biex tirrevedi l-alternattiva ta' deroga individwali mil-limitu ta' 48 siegħa. Minkejja dan, f'April 2009, ir-rappreżentanti tal-gvern u l-Parlament Ewropew ikkonkludew li ma setgħux jilħqu ftehim dwar il-proposta, minkejja negozjati li ħadu fit-tul.

Sadanittant, żdiedu kwistjonijiet oħra mad-dibattitu, li jirriflettu l-bidliet fundamentali fid-dinja tax-xogħol tul dawn l-aħħar 20 sena. Pereżempju, il-medja tas-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa fl-UE naqset minn 39 siegħa fl-1990 għal 37.8 siegħat fl-2008 u l-proporzjon ta' ħaddiema part-time fil-forza tax-xogħol żdiedet minn 4 % fl-1992 għal 18.8 % fl-2009. Hemm ukoll dejjem iktar varjazzjoni fil-ħin individwali tax-xogħol matul is-sena u matul il-ħajja tax-xogħol, li tirrifletti aktar enfasi fuq il-miżuri ta' bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol bħalma huma l-ħin flessibbli u sistemi ta' kreditu tal-ħin, kif ukoll awtonomija li qed tiżdied tal-ħaddiema b'mod parallel mal-espansjoni tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien.

B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni qed tippjana reviżjoni komprensiva tar-regoli eżistenti tal-ħin tax-xogħol, u qed tibda minn valutazzjoni komprensiva tad-dispożizzjonijiet u l-kwistjonijiet attwali fl-applikazzjoni tagħhom, qabel ma tqis l-alternattivi differenti biex tittratta dawn il-kwistjonijiet. Ir-revizjoni se tinħoloq permezz ta' sett ta' għanijiet ta' politika, inkluża l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, it-titjib tal-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol, l-għoti ta' flessibilità lin-negozji u l-ħaddiema mingħajr ma żżid piż amministrattiv bla bżonn lill-intrapriżi, speċjalment l-SMEs.

Il-konsultazzjoni tal-ewwel stadju tal-imsieħba soċjalu huwa l-ewwel pass importanti lejn reviżjoni estensiva bħal din tad-Direttiva tal-Ħin tax-Xogħol. L-imsieħba soċjali għandhom sitt ġimgħat biex jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-perspettivi tagħhom. B'mod parallel mal-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni se twettaq stima estensiva tal-impatt, inkluża analiżi tal-applikazzjoni legali tad-Direttiva fl-Istati Membri u studju tal-aspetti soċjali u ekonomiċi li huma pertinenti għal reviżjoni komprensiva tad-Direttiva.

L-isfond

L-ewwel fażi ta' konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-lievll tal-UE hija prevista fl-Artikolu 154(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F'din il-fażi, il-Kummissjoni qed tfittex li tikseb il-perspettivi tal-imsieħba soċjali dwar jekk hemmx ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea dwar id-Direttiva tal-Ħin tax-Xogħol, u dwar l-ambitu ta' inizjattiva bħal din.

Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-perspettivi espressi matul din l-ewwel fażi, u għandha mbagħad tiddeċiedi jekk azzjoni tal-UE tkunx rakkomandabbli. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li hija rakkomandabbli, hija se tniedi konsultazzjoni tat-tieni fażi tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-UE. Dik il-fażi se tkopri l-kontenut ta' kwalunkwe proposta għal azzjoni, skont l-Artikolu 154(3) tat-TFUE.

Aktar tagħrif

Id-direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=706&langId=mt&intPageId=205


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website