Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tniedi proċess ta' konsultazzjoni dwar il-funzjonament tal-Istatut tal-Kumpanija Ewropea (SE)

European Commission - IP/10/338   23/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/338

Brussell, 23.03.2010

Il-Kummissjoni tniedi proċess ta' konsultazzjoni dwar il-funzjonament tal-Istatut tal-Kumpanija Ewropea (SE)

Għall-kumpaniji li jiffunzjonaw f'aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea (SE) joffri l-possibbiltà li dawn jorganizzaw mill-ġdid il-kummerċ transkonfinali tagħhom taħt tikketta Ewropea waħda. Dan jippermettilhom jaħdmu f'qafas legali stabbli u jnaqqsu l-kosti interni għall-funzjonament tagħhom f'diversi pajjiżi, u b'hekk iżidu l-kompetittività tagħhom fis-Suq Intern. Jidher li, f'xi Stati Membri, is-SE kien popolari ħafna, iżda f'oħrajn ma rnexxa xejn. Il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal proċess ta' konsultazzjoni pubblika, biex tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ isir tibdil ħalli l-Istatut SE jiffunzjona aħjar. Il-Kummissjoni qiegħda tittama li permezz tal-analiżi tal-Istatut SE jirnexxilha żżid l-użu tas-SE fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Din hija opportunità kbira biex naraw kif l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea (SE) qiegħed jiffunzjona fil-fatt, issa li għaddew ħames snin. Nemmen li s-SE jista' jnaqqas b'mod sostanzjali l-kosti għall-kumpaniji li għandhom funzjonament transkonfinali. Madankollu, jidher ċar li f'xi pajjiżi dan l-istatut iffunzjona ħafna aħjar milli f'pajjiżi oħra. Nixtieq insir naf għalfejn u niddeċiedi jekk huwiex meħtieġ li ntejbu r-regolamenti attwali. Inħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jagħtuna l-opinjonijiet tagħhom."

L-analiżi u l-konsultazzjoni

Skont ir-Regolament tas-SE, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni prattika ta' dan l-istatut ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ u jekk ikun xieraq, tressaq proposti għal emendi. Biex ikollha bażi fattwali għar-rapport, f'Diċembru 2008, il-Kummissjoni nediet analiżi esterna, li dwarha issa qiegħda tintalab l-opinjoni tal-partijiet interessati. L-opinjonijiet ser jitqiesu bis-sħiħ fir-rapport li jmiss tal-Kummissjoni dwar is-SE, li se jiġi kkomplementat minn konferenza ta' livell għoli li għandha ssir fis-26 ta' Mejju 2010. Id-data ta’ skadenza biex jingħataw reazzjonijiet għall-konsultazzjoni hija t-23 ta’ Mejju 2010.

    L-għanijiet tal-konsultazzjoni huma li tittestja s-sejbiet tal-analiżi esterna u li tipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar kwestjonijiet rilevanti għall-valutazzjoni tas-SE. Il-mistoqsijiet jikkonċernaw: stimuli pożittivi u negattivi għat-twaqqif ta' SE; tendenzi prinċipali fid-distribuzzjoni ta' statuti SE fl-Istati Membri tal-UE/taż-ŻEE; problemi prattiċi li l-kumpaniji jiltaqgħu magħhom fit-twaqqif jew funzjonament tas-SE; u x'titjib jista' jsir fil-qafas leġiżlattiv attwali.

Sfond

L-Istatut tal-Kumpanija Ewropea, li huwa magħruf aktar bl-isem Latin tiegħu "Societas Europaea" jew SE, ġie adottat fit-8 ta' Ottubru 2001 (IP/01/1376, MEMO/01/314), wara aktar minn 30 sena ta' negozjar, u seta' jibda jintuża mit-8 ta' Ottubru 2004 (IP/04/1195, MEMO/04/235). Sal-10 ta' Settembru 2009, ġie rreġistrat ammont totali ta' 431 Statut SE.

F'xi Stati Membri, is-SE kien popolari ħafna. Fost l-eżempji aktar magħrufin ta' Statuti SE li rnexxew insibu dawk ta' Allianz, BASF, Porsche, Fresenius u MAN mill-Ġermanja, SCOR minn Franza, Elcoteq mill-Lussemburgu u Strabag mill-Awstrija. Madankollu, f'xi Stati Membri oħra, l-istatut SE ma rnexxa xejn.

Kif tieħu sehem fil-konsultazzjoni

Il-kwestjonarju, flimkien ma' tagħrif ieħor dwar is-SE, jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/company/se/index_en.htm

Mistoqsijiet Frekwenti dwar il-konsultazzjoni tal-Istatut tal-Kumpanija Ewropea (Frequently Asked Questions on the European Company Statute consultation): MEMO/10/97


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website