Navigation path

Left navigation

Additional tools

X'ġejjieni jmiss għall-ħarsien tal-bijodiversità fl-UE

European Commission - IP/10/32   19/01/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/32

Brussell, id-19 ta' Jannar 2010

X'ġejjieni jmiss għall-ħarsien tal-bijodiversità fl-UE

Illum il-Kummissjoni Ewropea mmarkat il-ftuħ tas-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità b'dokument li jipproponi l-alternattivi futuri għall-politika dwar il-bi jodiversità. Minkejja sforzi fl-imgħoddi, l-estinzjoni tal-ispeċijiet għadha għaddejja b'rati allarmanti, u jeħtieġ viżjoni ġdida biex jitrażżan dan it-telf. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi viżjoni u tiddeskrivi erba' miri possibbli biex din tintlaħaq, skont livelli differenti ta' ambizzjoni. L-għan huwa li jiġi varat u ffaċilitat dibattitu bejn l-Istati Membri bil-għan li, qabel tmiem is-sena, jiġi żviluppat qafas politiku dwar il-bijodiversità għall-UE għal wara l-2010. Hemm bżonn ta' miri ġodda, billi l-miri attwali globali u tal-UE dwar il-bijodiversità jiskadu wara l-2010.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: "Se nżidu l-isforzi tagħna u nimplimentaw politika u strateġija ġdida għall-perjodu ta' wara l-2010. Neħtieġu viżjoni u mira ġdida għall-bijodiversità fid-dawl tat-telf li għaddej tal-ispeċijiet, u għandna nisħqu dwar l-importanza li qed nagħtu lil din il-kwistjoni. Ma nistgħux inkomplu naħarbu mill-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità, u huwa essenzjali li l-politika tagħna tintrifed minn livell għoli ta' ambizzjoni."

Liema huma l-miżuri possibbli li qed jiġu proposti?

Il-Komunikazzjoni adottata llum tipproponi viżjoni għaż-żmien fit-tul (2050) għall-bijodiversità, b'erba' alternattivi għal mira għaż-żmien mezzan (2020) – pass essenzjali tul it-triq lejn l-ilħiq tal-viżjoni. F'din il-viżjoni, il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema li n-natura tagħtina b'xejn huma ppreżervati, valorizzati u safejn ikun possibbli, irrestawrati għall-valur intrinsiku tagħhom, li jippermettilhom isostnu l-prosperità ekonomika u l-benesseri tal-bniedem, u jevitaw kull bidla katastrofika marbuta mat-telf tal-bijodiversità.

Hemm erba' livelli ta' ambizzjoni proposti għal mira fuq żmien mezzan (2020) sabiex din il-viżjoni tissarraf f'realtà:

Alternattiva 1: Tnaqqis sinifikanti tar-rata tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020.

Alternattiva 2: It-trażżin tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020.

Alternattiva 3: It-trażżin tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom sa fejn huwa possibbli.

Alternattiva 4: It-trażżin tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u r-restawr tagħhom sa fejn huwa possibbli, u żieda fil-kontribut tal-UE lejn l-evitar tat-telf tal-bijodiversità globali.

Il-viżjoni u l-mira se jippermettu lill-UE tibni pożizzjoni komuni b'saħħitha qabel ma jibdew in-negozjati internazzjonali li se jseħħu fil-ħarifa f'Nagoya, il-Ġappun, dwar viżjoni u mira globali ġodda għall-bijodiversità wara l-2010.

Id-dokument jiddeskrivi wkoll il-medda tal-kriżi tal-bijodivesrità u l-qagħda tal-bijodiversità fl-UE u madwar id-dinja, u jagħfas fuq l-aġenti ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-ambjent, l-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi. Jiddeskrivi l-kisbiet u n-nuqqasijiet ewlenin tal-politika attwali u jorbothom man-negozjati internazzjonali.

Sfond: x'inhija l-problema?

Il-bijodiversità globali hija mhedda bil-kbir, bl-ispeċijiet jintilfu b'100 sa 1000 darba r-rata normali. Iktar minn terz tal-ispeċijiet ivvalutati huma mhedda bl-estinzjoni u huwa stmat li 60% tas-servizzi tal-ekosistema tad-dinja ddegradaw fl-aħħar 50 sena. Dan it-telf qed jiġi kkawżat mill-attivitajiet tal-bniedem, permezz tal-bidla fl-użu tal-art u l-isfruttament żejjed tagħha, prattiki insostenibbli, tniġġis u l-introduzzjoni ta' speċijiet invażivi, li jwasslu għall-qerda, il-frammentazzjoni u d-degradazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet. It-tibdil fil-klima huwa fattur ukoll.

Fl-2001, l-UE qatgħetha li trażżan it-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2010. Minkejja sforzi konsiderevoli, madankollu, hemm indikazzjonijiet ċari li din il-mira mhix se tintlaħaq. L-implikazzjonijiet tat-telf tal-bijodiversità jvarjaw minn bidliet fuq il-mikrolivell għall-kollass ta' ekosistemi u servizzi sħaħ, bħall-provvista tal-ikel u tal-ilma u r-regolazzjoni tal-klima, li lkoll jikkompromettu l-prosperità u l-benesseri tagħna fil-ġejjieni. Il-bijodiversità hija wkoll vitali għall-ilħiq ta' għanijiet politiċi oħra, partikolarment is-sikurezza alimentari u t-tibdil fil-klima, u ssostni l-għixien f'setturi varji bħall-biedja, is-sajd u t-turiżmu. Kif indikat fi studju riċenti dwar L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (The Economics of Ecosystems and Biodiversity (TEEB)), it-telf fid-dinja naturali jkollu riperkussjonijiet ekonomiċi diretti li għadhom fil-biċċa l-kbira sottostmati. Il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema huma assi naturali bi rwol ewlieni għal strateġiji ekonomiċi tal-ġejjieni li jfittxu li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku u l-prosperità. Għal dawn ir-raġunijiet, mira ġdida għall-bijodiversità lil hinn mill-2010 hija meħtieġa b'mod urġenti.

Il-passi li jmiss

Se jseħħu fiż-żmien li ġej diskussjonijiet fil-fond mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u partijiet ikkonċernati oħra. Dawn id-diskussjonijiet se jiġu varati waqt konferenza Ewropea ta' livell għoli bit-titlu "Post-2010 Biodiversity Vision and Target" (Il-Viżjoni u l-Mira għall-Bijodiversità wara l-2010), f'Madrid, Spanja nhar is-26-27 ta' Jannar 2010, u se jkomplu bil-għan li jintlaħaq ftehim ta' livell għoli fix-xhur li ġejjin. Fuq is-sisien ta' dan il-ftehim u aktar ħidma, il-Kummissjoni se tippreżenta, sa tmiem is-sena, strateġija ġdida tal-UE għall-bijodiversità bil-għan li tintlaħaq il-mira maqbula.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/policy/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website