Navigation path

Left navigation

Additional tools

Telekomunikazzjonijiet: Il-Kummissjoni tiffaċilita l-użu tat-telefonija mobbli fuq il-vapuri fl-ilmijiet Ewropej

European Commission - IP/10/326   19/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/326

Brussell, id-19 ta' Marzu 2010

Telekomunikazzjonijiet: Il-Kummissjoni tiffaċilita l-użu tat-telefonija mobbli fuq il-vapuri fl-ilmijiet Ewropej

Il-Kummissjoni Ewropea adottat regoli ġodda li jagħmluha aktar faċli għall-passiġġeiri u l-ekwipaġġ fuq vapuri fl-ilmijiet territorjali tal-UE biex jagħmlu telefonati bil-mowbajl jew jibagħtu u jirċievu messaġġi meta jkunu 'l barra mill-kopertura tan-netwerks telefoniċi bbażati fuq l-art. Ir-regoli l-ġodda jarmonizzaw il-kundizzjonijiet tekniċi u legali għas-servizzi ta' komunikazzjoni abbord u jwittu t-triq għal applikazzjonijiet innovattivi, bħall-monitoraġġ remot tal-kontejners maħżuna abbord. Dan iwassal ċertezza legali u opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-fornituri tas-servizz li jridu joffru konnettività mobbli fuq il-baħar, li tkun tista' sseħħ mingħajr intoppi u minn fruntiera għall-oħra.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "Bħala riżultat tar-regoli l-ġodda li għandha kemm adottat il-Kummissjoni, għexieren ta' miljuni ta' nies li jivvjaġġjaw u jaħdmu fuq il-vapuri ikun fejn ikun fl-ilmijiet territorjali Ewropej se jkunu jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom mingħajr problemi ta' interferenza".

Ir-regoli l-ġodda għandhom itemmu l-qagħda lapazzata li kien hemm qabel, b'sebgħa u għoxrin sett ta' leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kopertura tat-telefonija mobbli abbord vapuri tal-kruċiera, vapuri tal-merkanzija, laneċ u vapuretti fl-ilmijiet territorjali Ewropej. Ir-regoli joħolqu ċertezza legali għall-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet li jkunu jixtiequ joffru servizzi mobbli marittimi lill-klijenti tagħhom.

Is-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli abbord joperaw bis-saħħa ta' stazzjonijiet ta' bażi żgħar fuq il-vapur ("pico-cell") li permezz tas-satellita jqabbdu t-telefowns tal-vjaġġaturi fuq il-baħar ma' tagħmir tan-netwerk li jkun ibbażat fuq l-art. Is-servizzi abbord jiżguraw il-konnettività tal-utenti permezz ta' netwerks tat-telekomunikazzjonijiet b'mowbajl normali.

Deċiżjoni li għadha kemm ġiet adottata mill-Kummissjoni tiggarantixxi d-disponibbiltà tal-frekwenzi GSM tar-radju 900 MHz u/jew 1800 MHz għal servizzi ta' komunikazzjoni abbord skont kundizzjonijiet tekniċi u operattivi armonizzati. Tiżgura wkoll li s-servizzi mobbli abbord ma jinterferux ma' dawk fuq l-art sabiex l-utenti mobbli max-xatt ma jitqabbdux bla ma jafu ma' sistemi abbord.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni biex il-pajjiżi tal-UE jilliberalizzaw l-iskemi tagħhom tal-awtorizzazzjoni b'tali mod li operatur ta' servizzi abbord awtorizzat f'pajjiż ikun jista' jipprovdi servizzi fl-ilmijiet territorjali ta' pajjiżi oħra tal-UE mingħajr il-ħtieġa ta' aktar liċenzji.

Dawn iż-żewġ miżuri flimkien se jagħmluha aktar faċili għall-passiġġieri u l-ekwipaġġi tal-vapuri beix jibqgħu f'kuntatt ma' sħabhom u ma' familthom permezz tal-mowbajl waqt li jkunu fuq il-baħar. Il-konnettività marittima kontinwa sejra wkoll tippermetti l-monitoraġġ f'ħin reali tal-merkanizja ttrasportata bis-saħħa ta' sensuri remoti. Nagħtu kas, it-temperatura u l-umdità ta' kontejner jistgħu jiġu mmonitorjati minn distanza, u b'hekk il-kwalità tal-merkanzija maħżuna fuq il-vapuri tista' tiġi kkontrollata f'kull ħin.

L-Istati Membri tal-UE għandhom tnax-il xahar biex jagħmlu l-wisa' għas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq il-vapuri fil-faxex ikkonċernati tal-ispettru tar-radju u biex jemendaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-konsumaturi huma infurmati bix-xieraq dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-użu tas-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq il-vapuri.

Sfond

Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni abbord (servizzi MCV) huma servizzi tat-telekomunikazzjoni transkonfinali. S'issa kienu disponibbli fl-Ewropa sa ċertu punt biss, u s-soltu lil hinn mill-ilmijiet territorjali tal-Istati Membri, jiġifieri fl-ilmijiet internazzjonali.

Minn aspett tekniku, it-telefowns tal-vjaġġaturi fuq il-baħar huma mqabbda ma' stazzjonijiet bażi ċellulari abbord li jużaw il-faxex tal-mewġ tar-radju ta' 900 MHz u 1800 MHz (sikwit magħrufa bħala 'frekwenzi GSM'), li mbagħad jitqabbdu permezz tas-satellita ma' netwerk ewlieni fuq l-art, li jippermetti l-komunikazzjoni mal-utenti tan-netwerks kollha tat-telekomunikazzjoni permezz ta' mowbjal normali.

Minn aspett kummerċjali, l-istess firxa ta' servizzi (telefonati bil-leħen, messaġġi b'test) li s-soltu jiġu pprovduti minn netwerk mobbli fuq l-art, tiġi offruta minn sistemi MCV abbord, iżda b'kost ogħla (minħabba l-ħtieġa li tintuża s-satellita) u b'inqas kapaċità għal servizzi avvanzati bħad-dejta mobbli.

Tħassib ewlieni tal-industrija li tipprovdi sistemi u servizzi MCV kien li s-sistemi regolatorji kurrenti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, sew f'termini ta' kundizzjonijiet tekniċi u operattivi għall-użu tal-ispettru tar-radju u sew fir-rigward tat-tipi ta' awtorizzazzjonijiet, speċjalment fil-konfront tal-forniment ta' servizzi MCV fl-ilmijiet territrojali tal-Istati Membri.

F'April 2008, il-Kummissjoni kienet diġà adottat sett ta' regoli armonizzati (Deċiżjoni u Rakkomandazzjoni) dwar is-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli fuq l-inġenji tal-ajru (MCA) (IP/08/537) sabiex issostni l-ħtiġijiet tal-utenti mobbli li jkunu qed jivjaġġjaw fuq inġenji tal-ajru.

Ara wkoll MEMO/10/88 għal aktar dettalji.

Ħoloq:

Id-Deċiżjoni u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi tal-komunikazzjoni mobbli abbord il-bastimenti tista' tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/radio_spectrum/topics/ecs/mcv/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website