Navigation path

Left navigation

Additional tools

Antitrust: aktar trasparenza u prevedibbiltà tal-proċeduri

European Commission - IP/10/2   06/01/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/2

Brussell, is-6 ta’ Jannar 2010

Antitrust: aktar trasparenza u prevedibbiltà tal-proċeduri

Spjegazzjonijiet iddettaljati dwar kif il-proċeduri tal-Kummissjoni Ewropea rigward l-antitrust jaħdmu fil-prattika għadhom kif ġew ippubblikati mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni (DĠ Kompetizzjoni) u mill-Uffiċjali tas-Smigħ fis-sit elettroniku Europa sabiex jissuktaw jitjiebu t-trasparenza tal-proċeduri tal-Kummissjoni dwar l-antitrust u l-possibbiltà li wieħed jobsorhom minn qabel. L-ispjegazzjonijiet huma ppre¿entati fil-qosor fi tliet dokumenti, jiġifieri L-Aħjar Prattiki għall-proċeduri dwar l-antitrust, L-Aħjar Prattiki għat-tressiq ta’ evidenza ekonomika (kemm fil-proċeduri dwar l-antitrust kif ukoll f’dawk dwar l-amalgamazzjonijiet) u Gwida dwar ir-rwol tal-Uffiċjali tas-Smigħ fil-kuntest tal-proċeduri dwar l-antitrust. Id-dokumenti se jagħmluha eħfef biex il-kumpaniji li jkunu qed jiġu investigati jifhmu kif tkun se timxi l-investigazzjoni, x’jistgħu jistennew mill-Kummissjoni u x’se tistenna mingħandhom il-Kummissjoni. Se jiġu applikati b’mod provi¿orju mill-Kummissjoni mil-lum, iżda dawk li għandhom interessi huma mistednin iressqu kummenti dwar id-dokumenti fi żmien 8 ġimgħat sabiex jiġu aġġustati fil-kuntest tal-kummenti tal-partijiet interessati.

Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Kroes ikkummentat: "Il-Kummissjoni b’mod konsistenti tat prijorità għolja lill-proċess u lis-sens ta’ ġustizzja meħtiġin fil-proċeduri dwar l-antitrust. Dawn it-tliet dokumenti jipprovdu lill-kumpaniji aktar ċertezza u trasparenza dwar ir-relazzjoni bejnhom u bejn il-Kummissjoni matul każ ta’ antitrust. Minn qalbi nistieden lil dawk kollha li għandhom interessi biex jgħaddulna l-kummenti tagħhom dwar kif nistgħu nkomplu ntejbu l-prattiki tagħna.”

L-Aħjar Prattiki fil-proċeduri dwar l-antitrust

L-Aħjar Prattiki fil-proċeduri dwar l-antitrust jieħdu lill-qarrej mill-A saż-Ż tal-proċeduri dwar l-antitrust, billi jibdew b’kif il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk tagħtix prijorità lil każ partikulari u jispiċċaw bl-adozzjoni potenzjali ta’ deċiżjoni.

It-tir tal-Aħjar Prattiki huwa li jkomplu jittejbu l-proċeduri billi tikber it-trasparenza, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni. Oqsma importanti fejn il-Kummissjoni se tkun qed temenda l-proċeduri tagħha jinkludu:

  • il-ftuħ aktar bikri tal-proċeduri formali, hekk kif tkun ingħalqet il-fażi inizjali ta’ valutazzjoni

  • l-għoti lill-partijiet tal-possibbiltà li f’punti ewlenin tal-proċeduri jsiru laqgħat fejn isir skambju reċiproku ta' informazzjoni

  • l-iżvelar tas-sottomissjonijiet ewlenin, inkluż l-għoti ta’ aċċess bikri għall-ilment, sabiex il-partijiet ikunu jistgħu diġà jesprimu fehmiethom fil-fażi investigattiva

  • it-tħabbir pubbliku tal-ftuħ u tal-għeluq tal-proċeduri, kif ukoll meta tkun intbagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet

  • l-għoti ta' gwida dwar kif jintuża fil-prattika l-istrument il-ġdid tal-proċeduri ta’ impenn.

Dokument ta’ Gwida għall-Uffiċjali tas-Smigħ

L-Uffiċjali tas-Smigħ huma l-għassiesa indipendenti tad-drittijiet tad-difiża u ta’ drittijiet proċedurali oħrajn tal-kumpaniji involuti fil-proċeduri dwar il-kompetizzjoni. L-għan tal-Gwida hu li r-rwol tagħhom isir aktar trasparenti. Id-Dokument mhux biss jippreskrivi d-diversi doveri tal-Uffiċjali tas-Smigħ kif stabbilit fil-mandati tagħhom iżda jippreżenta wkoll b’mod ġenerali kif normalment jitwettqu. Barra minn hekk, jispjega kif il-kumpaniji jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minn Seduta Orali. Tipprovdi wkoll lill-kumpaniji li jkunu suġġetti għal investigazzjonijiet, lil dawk li jressqu l-ilment u lil partijiet terzi oħrajn b’manwal dwar meta jistgħu jirrikorru għand l-Uffiċjali tas-Smigħ biex jiżguraw li jiġi ggarantit il-proċess meħtieġ. Fl-aħħar nett, id-Dokument jispjega l-obbligi tar-rappurtaġġ u r-rwol konsultattiv tal-Uffiċjali tas-Smigħ lejn il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, lejn il-Kulleġġ tal-Kummissarji u lejn dawk li lejhom ikunu indirizzati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

L-Aħjar Prattiki dwar it-tressiq ta’ evidenza ekonomika

Meta wieħed iqis l-importanza li qed tiżdied tal-ekonomija f’każi kumplessi, id-dipartiment tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni spiss jagħmel talbiet għal informazzjoni li fihom jitlob għal dejta ekonomika sostanzjali (ngħidu aħna dik użata fl-analiżi ekonometrika) matul l-investigazzjonijiet tiegħu. Anki l-partijiet spiss iressqu minn jeddhom argumenti msejsin fuq teoriji ekonomiċi kumplessi. Sabiex jiġi organizzat it-tressiq ta’ tali evidenza ekonomika, l-Aħjar Prattiki dwar l-evidenza ekonomika jippreżentaw b’mod ġenerali l-kriterji li dawn is-sottomissjonijiet jeħtieġ li jissodisfaw. Huma jispjegaw ukoll il-prattika tat-timijiet tad-dipartiment tal-kompetizzjoni li huma responsabbli mill-każijiet u tal-Ekonomista Ewlieni meta jinteraġixxu ma’ partijiet li jressqu evidenza ekonomika.

Id-dokumenti ta’ konsultazzjoni huma disponibbli f’:

http://ec.europa.eu/competition/consultations/2010_best_practices/index.html

Kummenti għandhom jintbagħtu mhux aktar tard mit-3 ta’ Marzu 2010 lil

COMP-Best-Practices@ec.europa.eu jew Hearing.Officer@ec.europa.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website