Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/291

Brussell, 17 ta' Marzu 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni sabiex issaħħaħ is-sistema tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-UE

Il-Kummissjoni llum ipproponiet id-direttivi tan-negozjati għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi għall-bażi legali għall-adeżjoni tal-UE mal-KEDB, li huwa l-aktar strument importanti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali fl-Ewropa. L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni se tkompli ssaħħaħ is-sistema tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE.

"L-adeżjoni mal-KEDB għandha importanza politika, legali u simbolika", qal il-President Jose Manuel Barroso. "L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem se tipprovdi sistema koerenti ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali madwar il-kontinent. Hija se tikkompleta l-livell ta' protezzjoni introdott mit-Trattat ta' Lisbona permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li hi legalment vinkolanti."

L-adeżjoni tal-UE mal-KEDB se tintroduċi kontroll ġudizzjarju addizzjonali fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Hija se tagħmel il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strażburgu kompetenti sabiex tivvaluta atti tal-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE, inklużi deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-adeżjoni se tipprovdi wkoll possibilità ġdida ta' rimedji għall-individwi. Huma se jkunu jistgħu jressqu lmenti – wara li jkunu eżawrew ir-rimedji domestiċi – dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali mill-UE quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-adeżjoni serja wkoll:

  • Tgħin fl-iżvilupp ta' kultura komuni tad-drittijiet fundamentali fl-UE.

  • Tirrinforza l-kredibilità tas-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u l-politika esterna tal-UE.

  • Turi li l-UE tpoġġi l-piż tagħha wara s-sistema ta' Strażburgu tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

  • Tiżgura li jkun hemm żvilupp armonjuż tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Sfond

L-adeżjoni saret possibbli bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009. It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi l-bażi legali fil-liġi tal-UE fl-Artikolu 6(2). L-UE ssir it-48 Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni, mingħajr ma ssir membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-47 membru tal-Kunsill tal-Ewropa, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, irratifikaw il-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni stabbiliet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tinforza r-rispett tal-Istati Membri għall-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem.

Għal aktar informazzjoni: MEMO/10/84


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website