Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/262

Brussell, il-11 ta’ Marzu 2010

Aħjar, Eħfef, Aqwa: Tnedija ta' proċedura ġdida għall-għażla ta' uffiċjali tal-UE

Fis-16 ta' Marzu, l-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) se jniedi proċedura għall-għażla ta' uffiċjali tal-UE mmodernizzata u ssimplifikata, bl-ewwel kompetizzjoni għall-Amminstraturi skont l-arranġamenti l-ġodda. Is-sistema l-ġdida se tkun aħjar billi tistabbilixxi kompetizzjonijiet annwali għall-aktar profili komuni ta' impjieg, b'hekk il-kandidati jkunu jistgħu jippjanaw l-applikazzjonijiet tagħhom b'mod aktar effettiv u jiġi megħjun l-ippjanar strateġiku tar-riżorsi umani tal-istituzzjonijiet Ewropej. Se tkun eħfef u aktar effiċjenti, għax tinvolvi anqas passi mill-istruttura preżenti. U se tkun aktar f'saħħitha, billi l-enfasi tinbidel mit-tagħrif għall-valutazzjoni bbażata fuq il-kompetenza, li hija ppruvata bħala waħda mill-aqwa sistemi ta' tbassir ta' prestazzjoni futura f'impjieg.

"F'suq tax-xogħol dejjem aktar kompetittiv, l-istitituzzjonijiet Ewropej iridu jkunu kapaċi li jattiraw firxa wiesgħa ta' applikanti tal-ogħla kwalità," qal Maroš Šefčovič, il-Viċi President tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Amministrazzjoni. "Huwa importanti wkoll li nżommu lil dawn in-nies, u jirnexxielna biss jekk huma jkollhom il-prospett li jsibu pożizzjoni attraenti mingħajr dewmien bla bżonn. Is-sistema l-ġdida hija bbażata fuq l-aħjar prattika madwar is-settur pubbliku kollu. Hi tipprovdi lill-istituzzjonijiet Ewropej bin-nies ideali fiż-żmien ideali, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipji ta' kompetizzjoni ġusta u miftuħa.

Ippjanar aħjar

L-EPSO introduċa pjan ta' tliet snin li jiġġedded fejn l-istituzzjonijiet jeżaminaw regolarment il-ħtiġijiet tagħhom ta' persunal. Se jkun hemm kompetizzjonijiet annwali ta' reklutaġġ fi tliet ċikli, għall-Amministraturi, Assistenti u Lingwisti, flimkien ma' kompetizzjonijiet individwali għal speċjalisti. Biex tintemm is-sitwazzjoni fejn kandidati li jkunu rnexxew ta' spiss jispiċċaw iqattgħu snin fuq lista mingħajr ma fil-fatt ikunu sabu post, il-listi ta' riżerva jibqgħu validi għal sena waħda biss, sakemm jispiċċa ċ-ċiklu tal-kompetizzjoni tas-sena ta' wara. Il-biċċa l-kbira tal-kandidati fuq il-listi ta' riżerva se jkunu mistiedna biex jiġu intervistati. Il-parteċipanti jkunu f'pożizzjoni li jirċievu s-segwitu dwar il-prestazzjoni tagħhom fil-kompetizzjoni, biex b'hekk jiġu evitati l-proċeduri ta' reviżjoni li jdumu ħafna.

Reklutaġġ eħfef u mmirat aħjar

Il-proċedura l-ġdida tal-għażla tal-EPSO se ttejjeb il-kwalità u l-affidabbiltà tal-proċess. Il-prinċipju ewleini huwa l-bidla minn valutazzjoni tal-kandidati għall-impjieg ibbażata fuq tagħrif għal dik ibbażata fuq kompetenza. Issa se jkun hemm biss żewġ stadji fil-proċedura – il-preselezzjoni bil-kompjuter fil-pajjiżi individwali tal-UE u stadju ta' valutazzjoni fi Brussell. Iċ-ċiklu l-ġdid se jieħu bejn 5 u 9 xhur, aktar milli sa sentejn kif inhu l-każ taħt is-sistema preċedenti.

Il-fażi tal-preselezzjoni xorta se tkun tinkludi testijiet dwar l-abbiltà konjittiva u ġudizzju ta' sitwazzjoni, kif ukoll dwar kompetenza professjonali u lingwistika, skont dak li wieħed ikun qed ifittex. It-test preċedenti dwar it-tagħrif dwar l-UE mhux se jkun aktar inkluż fl-ewwel stadju, imma dan se jkun evalwat fit-tieni stadju flimkien ma' eżerċizzji relatati mal-impjieg waqt il-valutazzjoni.

Il-fażi tal-valutazzjoni se tippermetti li l-kompetenzi ewlenin kollha jkunu ttestjati kif imiss u b'mod affidabbli, bl-enfasi fuq abbiltajiet marbuta max-xogħol aktar milli tagħrif fattwali. Se jingħażlu eżerċizzji li jevalwaw il-ħiliet meħtieġa, u kull waħda minnhom se tiġi evalwata mill-anqas darbtejn. Dan l-istadju se jkun jinkludi ġurnata sħiħa jew nofs ta' nhar ta' testijiet skont it-tip ta' kompetizzjoni. Dan se jsir fit-tieni lingwa tal-kandidat (Ingliż, Franċiż jew Ġermaniż), ħlief għall-profili li jkunu jeħtieġu ħiliet lingwistiċi speċifiċi. Dan se jieħu post il-proċess twil f'żewġ stadji tat-testijiet bil-miktub u orali. Minbarra ħiliet u tagħrif professjonali speċifiċi, se jiġu eżaminati numru ta' kompetenzi ċentrali, li jinkludu kif wieħed janalizza u jsolvi problema, jipprovdi riżultat, jitgħallem u jiżviluppa, jipprijoritizza u jorganizza, ikun determinat u kif jaħdem mal-oħrajn.

Il-bordijiet tal-għażla se jkunu professjonalizzati, permezz ta' sekondament fl-EPSO ta' membri ta' bordijiet tal-għażla, iċ-ċertifikazzjoni tal-membri tal-bord wara valutazzjoni bbażata fuq kompetenza u użu akbar ta' kompetenzi tal-HR u l-psikoloġija.

Il-kandidati li jirnexxu se jinħarġilhom 'passaport ta' kompetenza' li jistabbilixxi l-prestazzjoni tagħhom fiċ-ċentru tal-valutazzjoni, li jintbagħat lill-istituzzjonijiet biex jgħin fil-proċess tar-reklutaġġ.

Il-promozzjoni tad-diversità

L-EPSO se jkun ukoll qed jimplimenta serje ta' miżuri biex jippromwovi d-diversità fost il-ħaddiema u biex itejjeb l-immaġni tal-istituzzjonijiet tal-UE bħala impjegaturi. Dawn jinkludu garanziji fuq il-fatt li t-testijiet ma jiddiskriminawx bejn is-sessi, it-titjib tas-servizzi offruti lill-kandidati bi ħtiġijiet speċjali, u trattament aktar proattiv ta' listi ta' riżerva.

Għaliex karriera fl-UE?

L-EPSO jrid jattira l-aħjar kandidati possibbli biex jaħdmu fl-UE. Flimkien mal-proċedura l-ġdida ta' għażla, ġie żviluppat logo ġdid biex jiġu attirati kandidati potenzjali. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni hi ddeterminata li tkun amministrazzjoni pubblika tal-ogħla kwalità. Karriera fl-istituzzjonijiet tal-UE toffri impjiegi differenti għal matul ħajja sħiħa; xogħol interessanti u li joffri sfida li jagħmel differenza ta' veru għall-Ewropa;

ambjent fejn in-nies ikunu mħeġġa biex jitgħallmu ħiliet u lingwi ġodda;

l-opportunita li wieħed jaħdem u jivjaġġa barra pajjiżu, u xogħol ma' nies minn madwar l-Ewropa kollha; u pakkett attraenti ta' benefiċċji.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website