Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tibdil fil-klima: il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi strateġija biex tissaħħaħ l-azzjoni globali wara Kopenħagen

European Commission - IP/10/255   09/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/255

Brussell, id-9 ta’ Marzu 2010

It-tibdil fil-klima: il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi strateġija biex tissaħħaħ l-azzjoni globali wara Kopenħagen

Il-Kummissjoni Ewropea llum stabbiliixxiet strateġija li għandha tgħin biex jinżamm il-momentum tal-isforzi globali biex jiġi affrontat it-tibdil fil-klima . Il-Komunikazzjoni tipproponi li l-UE tibda timplimenta malajr il-Ftehim ta' Kopenħagen ta' Diċembru li għadda, b'mod partikolari l-assistenza finanzjarja 'rapida' għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fl-istess ħin, l-UE għandha tkompli tagħmel pressjoni biex jintlaħaq ftehim globali robust u legalment vinkolanti li jinvolvi lill-pajjiżi kollha f'azzjoni reali favur il-klima . Dan se jirrikjedi l-integrazzjoni tal-Ftehim ta' Kopenħagen fin-negozjati tan-Nazzjonijiet Uniti u l-indirizzar tad-dgħjufijiet tal-Protokoll ta' Kyoto . L-involviment attiv mill-UE se jkun fattur ewlieni biex jiġi promoss l-appoġġ għan-negozjati tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-Kummissjoni se twettaq dan l-isforz f'kuntatt mill-qrib mal-Kunsill u bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew .

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso qal: "Il-Kummissjoni ddeterminata li żżomm il-momentum għal azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima; Il-Komunikazzjoni tal-lum tistabbilixxi strateġija ċara dwar il-passi meħtieġa li jmiss sabiex jissaħħu n-negozjati internazzjonali u l-imsieħba tagħna jimpenjaw ruħhom f'din id-direzzjoni . Se nitlob lill-Kunsill Ewropew li jmiss biex jappoġġja din l-istrateġija billi jibni wkoll fuq konsultazzjonijiet ulterjuri li tlabt lill-Kummissarju Hedegaard tagħmel mal-imsieħba internazzjonali prinċipali."

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima qalet : "It-tibdil fil-klima jista' jkun ikkontrollat biss jekk l-emittenti ewlenin kollha jieħdu azzjoni. Ovvjament, ħadd daqsi ma jittama li kollox jista' jsir fil-Messiku, iżda realistikament, is-sinjali li ġejjin minn diversi bliet kapitali tal-emittenti prinċipali, ma jagħmlux dan probabbli . F'Kopenħagen id-dinja kellha ċans uniku, u dan iċ-ċans ma użajniehx bis-sħiħ. Issa jeħtieġ li niżguraw il-momentum u nagħmlu l-almu tagħna biex f'Cancun niksbu riżultati speċifiċi u sostanzjali u biex mhux iktar tard mil-laqgħa fl-Afrika t'Isfel, niżguraw ftehim dwar il-forma legali . Il-Ftehim ta' Kopenħagen kien pass 'il quddiem . Anke jekk il-Ftehim ta' Kopenħagen ma laħaqx l-ambizzjonijiet Ewropej, l-appoġġ dejjem jiżdied għalih madwar id-dinja jagħti lill-UE l-opportunità li tibni fuqu u ddawru f'azzjoni. L-iktar tmexxija konvinċenti li l-Ewropa tista' turi hija li tieħdu azzjoni tanġibbli u determinata biex l-Ewropa ssir l-iktar reġjun fid-dinja li ma jagħmilx ħsara lill-klima, fattur li jsaħħaħ ukoll is-sigurtà tal-enerġija tagħna, jistimula tkabbir ekonomiku ekoloġiku u joħloq impjiegi ġodda .

Pjan Direzzjo nali għan-negozjati

Il-Komunikazzjoni tipproponi pjan direzzjonali għall-proċess ta' negozjar tan-Nazzjonijiet Uniti li se jerġa' jibda f'April. Il-gwida politika tal-Ftehim ta' Kopenħagen – li ma kienx adottat formalment bħala deċiżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti – jeħtieġ li tiġi integrata fit-testi tan-negozjati tan-Nazzjonijiet Uniti li jinkludu l-bażi tal-ftehim globali futur dwar il-klima. L-UE tkun lesta tilħaq ftehim globali legalment vinkolanti waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima li se ssir f'Cancun, il-Messiku, fi tmiem din is-sena; il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-differenzi bejn il-pajjiżi jistgħu jdewmu dan il-ftehim sal-2011. L-UE hija lesta iżda d-dinja forsi mhix, u għalhekk l-approċċ tagħna għandu jimxi pass pass.

Il-Ftehim ta’ Kopenħagen

Il-Ftehim ta' Kopenħagen huwa pass 'il quddiem lejn l-objettiv tal-UE ta' ftehim globali legalment vinkolanti dwar il-klima, li għandu jidħol fis-seħħ fl-2013 fi tmiem l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto . Il-Ftehim japprova l-objettiv ewlieni tal-UE li t-tisħin globali jinżamm inqas minn 2ºC ogħla mit-temperatura preindustrijali sabiex ikunu evitati l-agħar impatti tat-tibdil fil-klima.

Sal-lum, il-pajjiżi industrijalizzati u li qegħ din jiżviluppaw, li jirrappreżentaw iktar minn 80 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra , inkludew fil-Ftehim il-miri jew l-azzjonijiet tagħhom dwar l-emissjonijiet. Dan juri d-determinazzjoni tal-biċċa l-kbira tan-nazzjonijiet biex iżidu l-azzjoni tagħhom kontra t-tibdil fil-klima.

Integrità Ambjentali

In-negozjati internazzjonali għandhom jiżguraw li l-ftehim globali futur ikollu livell għoli ta' integrità ambjentali u li realment iżomm it-tisħin globali inqas minn 2°C. Il-Protokoll ta' Kyoto jibqa' l-pilastru ewlieni tal-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti, iżda n-numru limitat ta' pajjiżi li jkopri u n-nuqqasijiet serji tiegħu, għandhom jiġu indirizzati. Jekk dawn in-nuqqasijiet jibqgħu permissibbli, nuqqasijiet li jikkonċernaw ir-regoli dwar l-emissjonijiet tal-foresti u kif jiġi trattat is-surplus tad-drittijiet nazzjonali tal-emissjonijiet mill-2008 sal-2012, se jkun hemm riskju li l-wegħdiet tal-pajjiżi industrijalizzati dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet attwali, jonqsu għal kważi żero.

Tmexxija tal-UE

Il-Kummissjoni temmen li l-UE għandha turi t-tmexxija billi tieħu azzjoni tanġibbli biex issir l-iktar reġjun fid-dinja li ma jagħmilx ħsara lill-klima bħala parti mill-istrateġija Europe 2020 proposta fit-3 ta' Marzu (ara IP/10/225 ). L-UE ntrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet b'20   % taħt il-livelli tal-1990 sal-2020, u li dan it-tnaqqis jerġa' jitnaqqas għal 30   % jekk l-ekonomiji ewlenin jaqblu li jagħtu s-sehem reali tagħhom fl-isforz globali . B'antiċipazzjoni tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju, il-Kummissjoni se tipprepara analiżi dwar liema politiki prattiċi se jkunu meħtieġa biex ikun implimentat it-tnaqqis tal-emissjonijiet bi 30 %. Il-Kummissjoni mbagħad se tħejji t-triq għat-tranżizzjoni tal-UE biex sal-2050 issir ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju . B'konsistenza mal-istrateġija EU 2020, l-għan huwa li jintlaħqu soluzzjonijiet li jibbenefikaw minnhom mhux biss it-tibdil fil-klima, iżda wkoll is-sigurtà tal-enerġija u l-ħolqien tal-impjiegi.

L-għoti ta' finanzjament rapidu

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-UE tibda timplimenta l-Ftehim ta' Kopenħagen . L-implimentazzjoni f'waqtha tal-impenn tal-UE li tipprovdi kull sena, bejn l-2010 u l-2012, EUR 2.4 biljun f'assistenza finanzjarja 'rapida' għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, hija essenzjali kemm għall-kredibbiltà tal-UE kif ukoll għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi riċevituri biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni lesta tiżgura li l-assistenza tal-UE hija koordinata tajjeb.

L-iżvilupp tas-swieq tal-karbonju

Il-Komunikazzjoni tenfasizza li l-UE għandha tkompli taħdem biex ikun estiż l-iżvilupp tas-suq internazzjonali tal-karbonju, li huwa essenzjali għall-avvanz tal-investimenti b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali b'mod effettiv fin-nefqa. Is-suq tal-karbonju jista' jiġġenera wkoll flussi finanzjarji kbar għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw .

Żieda fl-involviment

L-UE jeħtiġilha ssaħħaħ l-involviment tagħha sabiex tibni fiduċja li jista' jintlaħaq ftehim globali u biex tesplora deċiżjonijiet speċifiċi orjentati lejn l-azzjoni li jkunu jistgħu jittieħdu f'Cancun. Il-Kummissjoni se twettaq dan l-involviment f'kuntatt mill-qrib mal-Kunsill u mal-Presidenza tiegħu, u għandha tinkoraġġixxi u tassisti lill-Parlament Ewropew biex jimpenja ruħu b'mod sħiħ ma' Membri Parlamentari ta' pajjiżi msieħba ewlenin.

Għal iktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/climat/future_action_com.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website