Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/ 249

Brussell, 9 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni Ewropea taġixxi biex tiggarantixxi d-dritt ta' proċess ġust fl-UE

Mill-każ ta' turist Taljan li kellu inċident tat-traffiku fl-Isvezja u li ma tħalliex jitkellem ma' avukat li jaf it-Taljan waqt il-proċess, sa dak ta' suspettat Pollakk li ma setax jara traduzzjonijiet miktuba tax-xhieda li intużat kontrih f'qorti Franċiża - xkiel mhux mistenni jista' jwassal għal kundanni inġusti fi proċeduri ġudizzjarji f'pajjiżi oħra tal-UE. Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet leġiżlazzjoni li se tgħin lin-nies jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal proċess ġust kullimkien fl-UE meta ma jkunux jistgħu jifhmu l-lingwa li biha tkun qed titmexxa l-kawża. Il-pajjiżi tal-UE se jiġu obbligati li jipprovdu servizzi kompleti ta' interpretazzjoni u traduzzjoni lil dawk li jkunu taħt suspett. Dan huwa l-ewwel pass f'sensiela ta' miżuri biex jiġu stabbiliti standards komuni tal-UE f'każijiet kriminali. It-Trattat ta' Liżbona l-ġdid jippermetti lill-UE li tadotta miżuri biex jissaħħu d-drittijiet ta' ċittadini tal-UE, f'konformità mal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali.

"Illum qed nieħdu l-ewwel pass importanti lejn Ewropa fejn il-ġustizzja ma jkollhiex fruntieri. Ħadd fl-UE ma għandu għax iħoss li d-drittijiet u l-ħarsien tiegħu huma mdgħajfa sempliċment għax ma jgħixx fil-pajjiż tiegħu ta' oriġini," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Mingħajr garanziji ċari li l-pajjiżi kollha tal-UE jirrispettaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħna, kif nistgħu nibnu l-fiduċja bejn l-awtoritajiet li suppost qegħdin jaħdmu flimkien għas-sigurtà tagħna? Il-ġustizzja u s-sigurtà jimxu id f'id. Huwa għalhekk li jien nistenna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jaġixxu malajr dwar din il-proposta u jaraw li ma jkun hemm xejn li jtellef liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal proċess ġust, kif garantit mill-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali."

Aktar u aktar Ewropej qed jivvjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu barra mill-pajjiż tagħhom ta' oriġini. Bħala riżultat qed tikber il-probabbiltà li dawn ikunu involuti fi proċeduri legali fi Stat Membru ieħor. Iċ-ċittadini jistgħu jkollhom jaffaċċjaw akkuża kriminali u ma jkunux jistgħu jifhmu u jitkellmu l-lingwa użata mill-awtoritajiet ġudizzjarji. L-individwi ma jistgħux jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom ta' difiża sakemm ma jkunux qed jifhmu l-lingwa li tkun qed tintuża waqt smigħ, jew ma jkollhomx traduzzjoni sħiħa tax-xhieda kollha u ma jkunux jistgħu jikkomunikaw mal-avukat tagħhom. Il-proposta tal-lum issaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini li jkollhom interpretazzjoni u traduzzjoni, u dan bi tliet modi:

  • L-interpretazzjoni tkun trid tingħata sabiex issir il-komunikazzjoni mal-avukati, kif ukoll waqt l-investigazzjonijiet – bħal pereżempju waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija - kif ukoll waqt il-proċess.

  • Sabiex tingħata garanzija li l-proċeduri jkunu ġusti, il-proposta tkopri t-traduzzjoni miktuba ta' dokumenti essenzjali bħal ma huma l-ordni ta' detenzjoni, l-att tal-akkuża, jew inkella tal-provi vitali. Iċ-ċittadini m'għandhomx jistrieħu biss fuq traduzzjoni orali li tiġbor ix-xhieda fil-qosor.

  • Iċ-ċittadni għandu jkollhom id-dritt għal pariri legali qabel ma jkunu jistgħu jċedu d-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni. M'għandhiex issir pressjoni fuq in-nies biex iċedu drittijiethom, sakemm ma jkunux tkellmu ma' avukat.

L-ispejjeż tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni jkunu jridu jintrefgħu mill-Istat Membru, mhux mis-suspettat - tkun xi tkun id-deċiżjoni finali. Mingħajr standards minimi komuni bħala garanzija ta' proċeduri ġusti, l-awtoritajiet ġudizzjarji jevitaw li jibagħtu lil xi ħadd biex jgħaddi ġuri f'pajjiż ieħor. Minħabba f'hekk, il-miżuri tal-UE biex tiġġieled il-kriminalità – bħal ma hu l-Mandat Ewropew tal-Arrest - jista' ma jkunx applikat kollu kemm hu. Fl-2007 inħarġu 11,000 warrant Ewropew ta' arrest, żieda mis-6,900 li kien hemm fl-2005. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-mandati kollha bħal dawn għandhom fil-futur ikunu koperti mill-istandards tal-UE dwar drittijiet għal proċess ġust, inkluż id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni.

Il-Kummissjoni trid taġixxi malajr fejn jidħlu drittijiet għal proċess ġust

Id-Direttiva dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċeduri kriminali, proposta llum mill-Kummissjoni, se tkun l-ewwel Direttiva biex tissaħħaħ il-ġustizzja kriminali mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona. "Il-proposta tal-lum tibni fuq ix-xogħol eċċellenti ta' tħejjija li diġà sar f'dan il-qasam mill-Presidenzi tal-Isvezja u ta' Spanja," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Reding. "Issa rridu, skont il-kundizzjonijiet ġodda tat-Trattat ta' Liżbona, inħaffu l-proċedura dwar din l-inizjattiva importanti għall-protezzjoni ta' drittijiet proċedurali fl-Ewropa. L-għan tiegħi hu li nikseb ftehim politiku ambizzjuż bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni qabel is-sajf. Se naħdem b'mod attiv mat-tmexxija tal-Parlament Ewropew u mal-Presidenza Spanjola biex nakkwista dak ir-riżultat."

L-Isfond

Il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni Qafas dwar l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni f'Lulju 2009. Il-proposti kollha għal Deċiżjoni Qafas saru nulli hekk kif daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona fl-1 ta' Diċembru 2009. Fit-30 ta' Novembru 2009, il-gvernijiet tal-UE talbu lill-Kummissjoni tippreżenta proposti fuq bażi "pass pass" biex jiġu stabbiliti standards validi mal-UE kollha għal sensiela ta' drittijiet proċedurali. B'hekk il-Kummissjoni qed iddawar id-Deċiżjoni Qafas f'Direttiva. Oqsma oħra li dwarhom se ssir ħidma fis-snin li ġejjin jinkludu:

  • L-informazzjon dwar id-drittijiet u informazzjoni dwar l-ispejjeż (sajf 2010);

  • parir legali, qabel il-proċess u waqt il-proċess, kif ukoll għajnujna legali;

  • id-dritt li persuna miżmuma f'detenzjoni tkun tista' tikkomunika ma' membri tal-familja, ma' min iħaddimha, u mal-awtoritajiet konsulari, kif ukoll;

  • protezzjoni għal suspettati vulnerabbli.

http://ec.europa.eu/justice_home/news/intro/news_intro_en.htm

MEMO/10/70


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website