Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

European Commission - IP/10/237   05/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/237

Brussell, il-5 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

Hekk kif qed joqrob il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-Kummissjoni Ewropea saħħet u pprofondiet l-impenn tagħha lejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta' Karta tan-Nisa. Din id-dikjarazzjoni politika tistabbilixxi ħames oqsma ċentrali għal azzjoni u timpenja lill-Kummissjoni biex iddaħħal perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-linji ta' politika kollha tagħha għall-ħames snin li ġejjin, filwaqt li tieħu miżuri speċifiċi biex tippromwovi l-ugwaljanza (ara wkoll IP/10/236 u MEMO/10/65 ).

" Din il-Karta tirrappreżenta l-impenn tal-Kummissjoni biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir realtà fl-UE. In-nisa u l-irġiel għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas mifrux ta' ugwaljanza, b'riperkussjonijiet serji għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, għat-tkabbir sostenibbli u għall-kompetittività, kif ukoll għat-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea. Huwa għalhekk importanti li tiddaħħal dimensjoni qawwija ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġija futura Ewropa 2020 li l-Kummissjoni se tiżviluppa fil-ħames snin li ġejjin. B'mod speċjali fi żmien ta' kriżi, jeħtieġ ninkorporaw id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-linji ta' politika kollha tagħna, għall-benefiċċju sew tan-nisa kif ukoll tal-irġiel ," qal il-President José Manuel Barroso.

Il-Karta tippreżenta serje ta' impenji bbażati fuq prinċipji maqbula ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Għandha l-għan li tippromwovi:

  • l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u l-irġiel, l-aktar permezz tal-istrateġija Ewropa 2020;

  • ħlas indaqs għall-istess xogħol u għal xogħol ta' valur ugwali billi ssir ħidma mal-Istati Membri biex titnaqqas b'mod sinifikanti d-differenza ta' ħlas bejn is-sessi matul il-ħames snin li ġejjjin;

  • ugwaljanza fit-teħid ta' deċiżjonijiet permezz ta' miżuri ta' inċentivi tal-UE;

  • dinjità, integrità u tmiem ta' vjolenza bbażata fuq is-sess ta' persuna, permezz ta' qafas komprensiv ta' politika;

  • ugwaljanza bejn is-sessi lil hinn mill-UE billi l-kwistjoni tiġi wkoll indirizzata fir-relazzjonijiet esterni u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Karta tirrispondi b'mod partikolari għat-talba tal-Parlament Ewropew biex tiżdied l-azzjoni kontra l-vjolenza. "Jiena kburija, b'mod partikolari, li qed nieħu ħsieb li nistabblixxi qafas komprensiv u effettiv ta' politika biex tiġi miġġielda l-vjolenza bbażata fuq is-sess ta' persuna. Din it-tip ta' vjolenza hija ksur tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari tad-dinjità umana, tad-dritt għall-ħajja u tad-dritt għall-integrità tal-persuna. Se nara li parti mill-istrateġija tkun tikkonsisti minn miżuri qawwija għall-qerda tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa ," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, u l-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Stħarriġ Eurobarometer ġdid dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, li ħareġ illum, juri li 62% tal-Ewropej jemmnu li għadha teżisti l-inugwaljanza bejn is-sessi f'ħafna oqsma tas-soċjetà. L-istħarriġ jiżvela wkoll li ż-żewġ prijoritajiet ewlenin tal-Ewropej fejn tidħol azzjoni f'dan il-qasam huma l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u t-tnaqqis tad-differenza fil-ħlas bejn is-sessi (rispettivament 92% u 82% ta' dawk li wieġbu jemmnu li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati b'mod urġenti). Barra minn dan, 61% jemmnu li d-deċiżjonijiet fuq livell tal-UE għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza bejn is-sessi.

Wara l-Karta se titħabbar strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn is-sessi li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni f'nofs l-2010. L-istrateġija se tipprovdi qafas koordinat għall-azzjoni fil-linji ta' politika kollha tal-UE.

L-inizjattiva qed tittieħed wara 15-il sena mill-Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Beijing, li dwarha kien intlaħaq qbil fir-Raba' Konferenza dwar in-Nisa tan-Nazzjonijiet Uniti. Hija ssegwi impenn li sar mill-President Barroso biex jistabbilixxi Karta tan-Nisa fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew fil-5 ta' Settembru 2009.

Aktar tagħrif

Ara wkoll IP/10/236 u MEMO/10/65

Pakkett għall-istampa dwar il-Karta tan-Nisa u d-differenza fil-ħlas bejn is-sessi

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=708&furtherNews=yes


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website