Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/236

Brussell, 5 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tnaqqas b'mod sinifikanti d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa

Il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li tuża serje ta' miżuri mmirati sabiex inaqqsu b'mod sinifikanti d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa matul il-ħames snin li ġejjin. Il-medja tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi fl-UE bħalissa hija ta' 18%. Sabiex titnaqqas din ir-rata, il-Kummissjoni qed tippjana li toħloq kuxjenza fost dawk li jħaddmu, tinkoraġġixxi inizjattivi favur il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tappoġġja l-iżvilupp ta' għodda maħsuba sabiex titkejjel id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Min-naħa l-oħra, miżuri legali ġodda mhumiex esklużi. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tikkonsulta mal-imsieħba soċjali Ewropej u tanalizza l-impatt ta' numru ta' alternattivi: it-tisħiħ tas-sanzjonijiet, il-ħolqien ta' trasparenza dwar il-pagi u rappurtar regolari dwar id-differenza fil-pagi. Stħarriġ tal-Eurobarometer maħruġ illum juri li aktar minn 80% tal-Ewropej jappoġġjaw azzjoni urġenti sabiex tiġi indirizzata din id-differenza.

" Ninsab imħassba ħafna li d-differenza fil-pagi bejn is-sessi kemm kemm naqset matul l-aħħar 15-il sena u f'xi pajjiżi qiegħda saħansitra tiżdied, " qalet il-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. " F'dawn iż-żminijiet ta' kriżi, id-differenza fil-pagi bejn is-sessi hija piż li l-Ewropa ma tifilħux. Jenħtieġ li nużaw l-għodda kollha li għandna sabiex inneħħu d-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Flimkien mal-Istati Membri, se naħdmu sabiex innaqqsu b'mod sinifikanti d-differenza fil-pagi bejn is-sessi fl-UE sat-tmiem tal-mandat ta' din il-Kummissjoni. "

Id-differenza fil-pagi bejn is-sessi – id-differenza medja fid-dħul gross għal kull siegħa bejn in-nisa u l-irġiel fl-ekonomija kollha kemm hi – issa hija ta' 18% għall-UE, b'differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi u s-setturi differenti. Hija tirrifletti d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza fis-suq tax-xogħol li, fil-prattika, taffettwa l-iktar lin-nisa. It-tnaqqis ta' din id-differenza jitlob azzjoni fuq diversi livelli sabiex jiġu affrontati l-kawżi differenti tagħha.

Fit-tieni nofs tal-2010, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija ġdida tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-2010-2015. Li tiġi affrontata d-differenza bejn il-pagi taż-żewġ sessi se tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha. Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha disponibbli, sew leġiżlattivi u kif ukoll li mhumiex, sabiex tnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi.

Il-Kummissjoni se tanalizza fid-dettall l-impatt ekonomiku u soċjali ta' ċerti għażliet, flimkien mal-imsieħba soċjali Ewropej, b'mod partikolari:

  • Dwar ir-rappurtar tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi u l-iżgurar tat-trasparenza dwar il-pagi fil-livelli tal-kumpaniji u l-individwi jew kollettivament permezz tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema;

  • Dwar ir-rinfurzar tal-obbligu li jiġu żgurati klassifikazzjonijiet li ma jiddiskriminawx skont is-sess għall-impiegi u l-iskali tal-pagi ;

  • Dwar it-titjib tad-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet fil-każ ta' ksur tad-dritt ta' paga ugwali, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu dissważivi u proporzjonati (pereżempju, sanzjonijiet ogħla fil-każ ta' ksur ripetut).

Il-Kummissjoni sejra wkoll:

  • Toħloq kuxjenza fost l-impjegati, dawk li jħaddmu u l-pubbliku dwar il-kawżi tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi u s-soluzzjonijiet possibbli;

  • Tinkoraġġixxi inizjattivi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol b'rikonoxximent, charters u premjijiet tal-ugwaljanza. Fi Franza, pereżempju, it-"Rikonoxximent tal-ugwaljanza professjonali" ġiet stabbilita fl-2004. Il-kumpaniji jistgħu jiksbuha għal perjodu ta' tliet snin jekk isegwu proċedura speċjali u juru l-impenn tagħhom favur l-ugwaljanza bejn is-sessi f'firxa ta' oqsma inkluż l-iskedar, l-iżvilupp tal-karrieri u l-promozzjoni interna tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' importanza ewlenija.

  • Tappoġġja l-iżvilupp ta' għodod li jgħinu lil min iħaddem sabiex janalizza d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi fil-kumpaniji tagħhom. Pereżempju, il-Ġermanja żviluppat software li jikkalkula d-differenza bejn il-pagi. Dan l-istrument jista' jgħin lil min iħaddem sabiex isir konxju tas-sitwazzjoni u jieħu miżuri sabiex tiġi affrontata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi.

  • Ittejjeb il-provvista u l-kwalità tal- istatistika dwar id-differenza fil-pagi .

Li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-suq tax-xogħol jifforma wkoll element ewlieni tal-istrateġija ekonomika u tal-impjiegi tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin (Europe2020) (ara IP/10/225 ). Skont studju li sar mill-Presidenza Żvediża tal-UE fl-2009, li jiġu eliminati d-differenzi bejn is-sessi fl-impjiegi fl-Istati Membri tal-UE jista' jwassal għal żieda potenzjali fil-PGD ta' 15% - 45%.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qiegħda twettaq studju dwar l-inizjattivi li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-post tax-xogħol. Ir-riżultati tal-istudju se jiġu ppreżentati fil-5 ta' Mejju.

Sfond

Stħarriġ tal-Eurobarometer dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi juri li l-Ewropej jikkunsidraw it-tneħħija tad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa bħala prijorità ewlenija biex tiġi affrontata l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, flimkien mal-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa. 82% tal-Ewropej jaħsbu li għandha tittieħed azzjoni urġenti sabiex tiġi affrontata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Sadanittant, 62% tar-rispondenti jqisu li l-inugwaljanza bejn is-sessi hija mifruxa fil-pajjiż tagħhom. 66% qalu wkoll li s-sitwazzjoni tjiebet matul l-aħħar għaxar snin.

Grazzi għall-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-pagi indaqs, każijiet ta' diskriminazzjoni diretta – differenzi fil-pagi bejn irġiel u nisa li jagħmlu eżattament l-istess xogħol – naqsu. Iżda d-differenza fil-pagi tmur ħafna aktar 'il bogħod minn hekk: hija tirrifletti d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza li għaddejja fis-suq tax-xogħol li, fil-prattika, taffettwa l-iktar lin-nisa.

L-effett tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi fuq id-dħul tul il-ħajja tfisser li n-nisa jkollhom ukoll pensjonijiet iżgħar. B'riżultat ta' dan, in-nisa huma affettwati aktar mill-irġiel minn faqar persistenti u estrem: 22% tan-nisa ta’ età ta’ 65 u iktar huma fir-riskju tal-faqar meta mqabbla ma’ 16% tal-irġiel.

L-attivitajiet ta' ħolqien ta' kuxjenza huma essenzjali sabiex dawk li jħaddmu, l-impjegati u dawk li l-interessi tagħhom huma involuti jkunu infurmati għaliex għad hemm differenza fil-pagi bejn is-sessi u kif nistgħu nnaqsuha. Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tniedi t-tieni fażi ta' kampanja ta' informazzjoni madwar l-UE b'azzjonijiet deċentralizzati madwar is-27 Stat Membru tal-UE. Sistema fuq l-internet li tikkalkula d-differenza fil-pagi bejn is-sessi se tippermetti lill-impjegati u lil dawk li jħaddmu sabiex jivviżwalizzaw id-differenza fil-pagi bejn is-sessi.

Ara wkoll MEMO/10/65

Aktar tagħrif

Pakkett għall-istampa dwar id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=708&furtherNews=yes

ANNEX

How big is the pay gap in different Member States?

Measured as the "relative difference in average gross hourly earnings between women and men," the gender pay gap is estimated to be 18% in the EU as a whole (see graph below).

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Areas for prioritisation in the field of gender equality



SPECIAL EUROBAROMETER 326 : "GENDER EQUALITY IN THE EU IN 2009

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm

Urgency in addressing the pay gap

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Measures to address the gender pay gap




Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site