Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tħabbar proposta li jmiss dwar l-għażla tal-Istati Membri li jikkultivaw jew le l-OĠM u tapprova 5 deċiżjonijiet dwar l-OĠM.

European Commission - IP/10/222   02/03/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/ 222

Brussell, 2 ta’ Marzu 2010

Il-Kummissjoni tħabbar proposta li jmiss dwar l-għażla tal-Istati Membri li jikkultivaw jew le l-OĠM u tapprova 5 deċiżjonijiet dwar l-OĠM.

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret il-ħsieb tagħha li toħroġ bi proposta sas-sajf li ġej biex tagħti lill-Istati Membri għażla akbar dwar jekk għandhomx jikkultivaw l-OĠM jew le. Skont il-qafas legali attwali, kif ġie deċiż mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, illum il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet rigward il-patata ġenetikament modifikata Amflora: l-ewwel waħda tawtorizza l-kultivazzjoni tal-Amflora fl-UE għall-użu industrijali, u t-tieni waħda tikkonċerna l-użu fl-għalf tal-prodotti sekondarji tal-lamtu tal-Amflora. Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat ukoll tliet deċiżjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq ta’ tliet prodotti tal-qamħirrum ġenetikament modifikat għall-użu fl-ikel u fl-għalf iżda mhux għall-kultivazzjoni. Il-ħames awtorizzazzjonijiet kollha ġew eżaminati bir-reqqa biex ikun żgurat li jiġi indirizzat it-tħassib kollu dwar il-preżenza ta’ ġene li jikkawża reżistenza għall-antibijotiċi. Id-Deċiżjoni biex tkun awtorizzata l-kultivazzjoni tal-Amflora hija l-aħħar stadju ta’ proċess li beda fl-Isvezja f’Jannar 2003 u hija msejsa fuq ammont konsiderevoli ta’ għarifen xjentifiku sod.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli, ikkummenta: "L-innovazzjoni responsabbli se tkun il-prinċipju ta' gwida tiegħi fil-qasam tat-teknoloġiji innovattivi. Wara eżami vast u bir-reqqa tal-ħames fajls pendenti dwar l-OĠM, jidhirli li hu ċar li ma kien hemm l-ebda kwistjoni xjentifika ġdida li kien jistħoqqilha valutazzjoni ulterjuri. Il-kwistjonijiet xjentifiċi kollha, b'mod partikolari dawk dwar is-sikurezza, ġew indirizzati b'mod sħiħ. Kwalunkwe dewmien ma kienx se jkun iġġustifikat. Billi tieħu dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea qed taqdi r-rwol tagħha b'mod responsabbli. Dawn id-deċiżjonijiet huma msejsa fuq serje ta' valutazzjonijiet favorevoli dwar is-sikurezza li twettqu matul is-snin mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Fl-istess waqt, illum qed nagħtu bidu għal riflessjoni dwar il-mod kif nistgħu nikkombinaw is-sistema ta' awtorizzazzjoni Ewropea mal-libertà tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni tal-OĠM."

B'konformità mal-linji gwida politiċi tal-President Barroso ta' Settembru 2009, il-Kummissarju Dalli ntalab biex sas-sajf iressaq proposta li tiddeskrivi l-mod kif sistema ta' awtorizzazzjoni Komunitarja, imsejsa fuq ix-xjenza, tista' tiġi kkombinata mal-libertà għall-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jixtiqux jikkultivaw jew le għelejjel ġenetikament modifikati fit-territorju tagħhom.

Wara proċedura ta' awtorizzazzjoni komprensiva, li bdiet fl-2003, u meta qieset l-għadd ta' opinjonijiet xjentifiċi favorevoli, il-Kummissjoni ddeċidiet li tawtorizza l-Amflora. Din il-patata ġenetikament modifikata għandha tintuża għall-produzzjoni tal-lamtu maħsub għall-użu industrijali (eż. il-produzzjoni tal-karta). Din it-teknoloġija innovattiva tgħin biex ittejjeb kemm jista' jkun il-proċess ta' produzzjoni u biex tiffranka l-materja prima, l-enerġija, l-ilma u l-prodotti kimiċi li ġejjin miż-żejt.

Id-deċiżjoni tistipula kundizzjonijiet stretti dwar il-kultivazzjoni biex tipprevjeni l-possibbiltà li l-patata ġenetikament modifikata tibqa' fl-egħlieqi wara l-ħsad u biex tiżgura li ż-żerriegħa tal-Amflora ma tinxteridx involontarjament fil-bqija tal-ambjent. Qed tittieħed awtorizzazzjoni komplementarja biex tkopri l-prodotti sekondarji tal-estrazzjoni tal-lamtu meta dawn jintużaw fl-għalf.

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat ukoll tliet deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON863xMON810, MON863xNK603, MON863xMON810xNK603, maħsub għall-użu fl-ikel u fl-għalf kif ukoll għall-importazzjoni u l-ipproċessar.

It-tliet prodotti tal-qamħirrum ġenetikament modifikat irċevew opinjoni pożittiva mill-EFSA u għaddew mill-proċedura sħiħa ta' awtorizzazzjoni stipulata fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dawn jiġu prodotti permezz ta' taħlita tradizzjonali ta' żewġ jew tliet tipi ta' qamħirrum ġenetikament modifikat, jiġifieri MON863, NK603 u MON810, li diġà huma awtorizzati fl-UE għall-użu fl-ikel u fl-għalf kif ukoll għall-importazzjoni u l-ipproċessar.

Billi l-Istati Membri ma rnexxilhomx jiksbu maġġoranza kwalifikata favur jew kontra dawn id-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kunsill, id-dossiers intbagħtu lura lill-Kummissjoni għal deċiżjoni.

Il-preżenza ta' ġene li jikkawża reżistenza għall-antibijotiċi fil-lamtu tal-patata ġenetikament modifikata u t-tliet prodotti tal-qamħirrum ġenetikament modifikat ġiet eżaminata bir-reqqa. L-EFSA eżaminat din il-kwistjoni u esprimiet opinjoni favorevoli separata fil-11 ta' Ġunju 2009.

L-awtorizzazzjonijiet jibqgħu validi għal 10 snin.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara:

MEMO/10/58

http://ec.europa.eu/food/food/biotechnology/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website