Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/218

Brussell, it-2 ta’ Marzu 2010

Telekomunikazzjoni: konsultazzjoni dwar servizz universali futur fl-era diġitali

Il-Kummissjoni Ewropea llum varat konsultazzjoni pubblika dwar liema hu l-aħjar approċċ sabiex jiġi żgurat li s-servizzi bażiċi tat-telekomunikazzjoni jkunu disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Ir-regoli attwali tal-UE dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku għat-telekomunikazzjoni jmorru lura għall-2002 u jiggarantixxu li l-Ewropej ikollhom aċċess għan-netwerks telefoniċi pubbliċi u għal servizzi bħalma huwa l-aċċess bażiku għall-internet. Il-konsultazzjoni mnedija llum hija maħsuba biex tevalwa jekk dawn ir-regoli u d-definizzjonijiet dwar is-servizz universali jeħtiġux li jiġu aġġornati għall-era diġitali, u b'mod partikolari jekk għandhomx jiġu estiżi biex ikopru l-aċċess għall-broadband. Ir-reazzjonijiet mill-konsumaturi, il-partijiet interessati fl-industrija, u esperti tal-politika se jgħinu lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk teħtieġx li tippreżenta proposti leġiżlattivi ġodda dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku għat-telekomunikazzjoni sa tmiem l-2010. Il-konsultazzjoni se tibqa' għaddejja sas-7 ta' Mejju 2010.

Il-Kummissarju għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "Din il-konsultazzjoni se tgħinna naraw jekk neħtiġux li naġġornaw ir-regoli sabiex niżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali tal-komunikazzjoni, fosthom l-internet b'veloċità għolja. Hekk kif is-swieq u t-teknoloġija qed jinbidlu b'rata mgħaġġla, jeħtieġ li niżguraw li ħadd ma jiġi eskluż mis-soċjetà diġitali".

Il-Kummissjoni qiegħda tinvestiga jekk hux meħtieġ li jiġu aġġornati r-regoli li tfasslu 10 snin ilu, li jiggarantixxu li n-nies li jgħixu f'żoni rurali u remoti, jew li d-dħul tagħhom ikun baxx, ikollhom aċċess għat-telefowns u għall-internet bi prezzijiet aċċettabbli. Ir- regoli attwali jiggarantixxu li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jiksbu aċċess għal netwerk pubbliku u jużaw servizzi telefoniċi pubbliċi biex iċemplu, jibagħtu l-feksijiet u jkollhom l-aċċess għall-internet. Jgħinu wkoll biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli wkoll servizzi tat-tiftix fid-direttorju, id-direttorji nfushom, it-telefowns pubbliċi u għajnuna speċjali għall-persuni b'diżabilità.

Il-Kummissjoni qiegħda twettaq stħarriġ tal-opinjoni fl-oqsma prinċipjali li ġejjin:

  • Il-kunċett bażiku tas-servizz universali: Il-kunċett attwali tas-servizz universali kien maħsub għal servizzi tradizzjonali tat-telekomunikazzjoni bbażati fuq il-leħen, imma dan l-approċċ għadu validu fl-ambjent diġitali dinamiku tal-lum? Liema politiki għandna nużaw biex niżguraw li l-konsumaturi f'żoni remoti u rurali inkella dawk bi dħul baxx, ikollhom aċċess u jkunu jistgħu jużaw servizzi bażiċi tat-telekomunikazzjoni?

  • Il-broadband : Kopertura wiesgħa tal-broadband hija kruċjali biex jitrawmu t-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. Iżda 23% tan-nies f'żoni rurali ma għandhomx aċċess għan-netwerks fissi tal-broadband. Il-prinċipji tas-servizz universali għandhom jgħinu biex jintlaħaq l-għan tal-UE ta' 'broadband għal kulħadd' , jew forsi l-kompetizzjoni f'suq miftuħ tat-telekomunikazzjoni, jew għażliet oħra ta' politika jkunu aktar effettivi?

  • Flessibbiltà nazzjonali u approċċ koordinat tal-UE: Il-qagħda tal-iżvilupp tas-swieq tat-telekomunikazzjoni, id-disponibbiltà tal-broadband, l-użu mill-konsumaturi, u r-reazzjonijiet mill-gvernijiet għall-hekk imsejħa 'qabża diġitali' (jiġifieri l-qabża bejn dawk it-taqsimiet tal-popolazzjoni li għandhom l-aċċess għall-internet u teknoloġiji oħra diġitali u dawk li ma għandhomx) tista' tvarja b'mod konsiderevoli minn pajjiż għall-ieħor. X'inhu il-bilanċ korrett bejn rispons koordinat mill-UE kollha u l-ħtieġa għall-flessibbiltà nazzjonali?

  • Finanzjament: Is-servizz universali kif għandu jiġi ffinanzjat fil-ġejjieni? Għandu jkun hemm kontribuzzjoni finanzjarja mis-settur tat-telekomunikazzjoni sabiex tiġi żgurata kopertura universali tal-broadband, jew għandu jkun hemm intervent b'finanzjament pubbliku peress li setturi oħra tal-ekonomija u s-soċjetà kollha kemm hi jibbenefikaw minn dan?

Il-Kummissjoni se torganizza wkoll sessjoni pubblika ta' ħidma fit-30 ta' Marzu 2010 fi Brussell sabiex il-konsumaturi, il-partijiet interessati fl-industrija, l-esperti tal-politika u partijiet interessati oħrajn ikunu jistgħu jaqsmu l-fehmiet. Il-konsultazzjoni tagħlaq fis-7 ta' Mejju 2010 u l-Kummissjoni se tirrapporta dwar ir-riżultati f'Komunikazzjoni, li jekk meħtieġ, tkun segwita minn proposti leġiżlattivi qabel tmiem l-2010, jekk meħtieġ.

Sfond

Il-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjoni fi tmiem id-disgħinijiet kienet appoġġata minn regoli tas-servizz pubbliku li kellhom jaġixxu ta' lqugħ fejn is-suq waħdu ma jasalx biex jipprovdi s-servizzi bażiċi. L-għan kien il-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali billi jiġi żgurat li ċ-ċittadini f'żoni rurali u remoti jew minn familji bi dħul baxx ikollhom aċċess bi prezz aċċettabbli għal servizzi bażiċi u essenzjali tat-telekomunikazzjoni.

Regoli attwali tal-UE (skont id- Direttiva tal-2002 tal-UE dwar is-Servizz Universali ) jesiġu li l-Istati Membri jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jaqbdu man-netwerk telefoniku pubbliku f'post fiss u jkollhom aċċess għas-servizzi telefoniċi pubbliċi għall-komunikazzjonijiet bil-vuċi u tad-dejta b’aċċess funzjonali għall-internet. Id-Direttiva tesiġi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal servizzi ta’ tagħrif dwar id-direttorju u għal direttorji, telefowns pubbliċi u għal miżuri speċjali jekk huma għandhom xi diżabilità. Il-Kummissjoni tanalizza l-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali kull tliet snin ( IP/08/1397 , IP/05/594 , IP/06/488 ).

Il-konsultazzjoni ssegwi d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar servizz universali għall-Parlament Ewropew matul in-negozjar tal-'Pakkett dwar it-Telekomunikazzjoni' fl-2009 ( MEMO/09/513 ) u fit-tieni analiżi tal-ambitu tas-servizz universali fl-2008 ( IP/08/1397 , MEMO/08/583 ) .

Links:

Id-dokument tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, li jinkludi tagħrif dwar is-sessjoni ta' smigħ pubbliku, jinsabu fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website