Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Telekomunikazzjonijiet: mill-1 ta' Marzu 2010 il-klijenti tat-telefonija mobbli huma intitolati għal protezzjoni kontra "il-kontijiet xokk"

Commission Européenne - IP/10/215   01/03/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/215

Brussell, l-1 ta' Marzu 2010

Telekomunikazzjonijiet: mill-1 ta' Marzu 2010 il-klijenti tat-telefonija mobbli huma intitolati għal protezzjoni kontra "il-kontijiet xokk"

Mill-1 ta' Marzu 2010, l-operaturi Ewropej tat-telefonija mobbli huma obbligati, skont ir-regoli tar-roaming tal-UE, li joffru faċilità ta' qtugħ ma' ċertu limitu lill-klijenti tagħhom ħalli jipproteġuhom minn 'kontijiet li jaħsdu' għall-użu tal-Internet permezz tat-telefowns ċellulari u l-laptops tagħhom meta jkunu qed jivvjaġġaw f'pajjiżi oħra tal-UE. Skont ir-regoli tar-roaming adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE u mill-Parlament Ewropew f'Ġunju 2009 (ara IP/09/1064 u MEMO/09/309 ), dan il-mekkaniżmu ta' qtugħ, wara li jagħti twissija, ser jaqta' l-konnessjoni mal-internet tat-telefown ċellulari tal-klijent meta jkun barra minn pajjiżu u l-kont jilħaq limitu speċifikat.

Il-Kummissarju tal-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: "Il-protezzjoni kontra l-kontijiet li jaħsdu għar-roaming tad-dejta hija pass siewi biex tinbena l-fiduċja tal-klijenti fl-użu tan-netwerks tat-telefonija ċellulari għall-użu tal-Internet meta jkunu qed jivvjaġġaw madwar l-Ewropa. Din il-fiduċja hija essenzjali jekk irridu li n-nies u n-negozji jużaw il-potenzjal kollu tal-Internet".

Skont ir- Regolament tar-Roaming (Nru 544/2009) , mill-1 ta' Marzu 2010 l-operaturi tat-telefonija mobbli huma obbligati li joffru lill-klijenti tagħhom limitu ta' qtugh ta' € 50 fix-xahar. Jistgħu wkoll joffru lill-klijenti tagħhom kwalunkwe limitu ieħor. Il-klijenti ser jirċievu twissija meta jilħqu t-80 % tal-limitu magħżul. Sal-1 ta' Lulju 2010, il-klijenti jeħtiġilhom jagħmlu għażla konxja sabiex jibbenefikaw minn limitu ta' qtugħ. Iżda l-klijenti li sal-1 ta' Lulju jkunu għadhom ma għażlux ser ikollhom limitu ta' € 50 applikat awtomatikament minn dik id-data.

Il-limitu għall-qtugħ disponibbli mill-1 ta' Marzu 2010 ser jiggarantixxi aktar trasparenza u protezzjoni għall-k lijenti, u ser jiżgura li ma jħabbtux aktar wiċċhom ma' kontijiet xokk talli jużaw is-servizzi tar-roaming tad-dejta. Bħala eżempju tal-problema, fl-2009, vjaġġatur Ġermaniż li niżżel programm televiżiv waqt li kien Franza rċieva kont ta' aktar minn € 46 000. F'eżempju ieħor aktar riċenti, kien irrapportat li student mir-Renju Unit irċieva kont ta' kważi € 9 000 għar-roaming tad-dejta matul xahar wieħed meta kien qiegħed jistudja barra minn pajjiżu.

Bis-saħħa tar-regoli tar-roaming tal-UE, il-prezz li l-operaturi jħallsu lil xulxin għal kull megabyte (MB) li jitniżżel ġie limitat għal livell ta' salvagwardija ta' € 1 kull MB, u li ser jonqos matul is-sentejn li ġejjin. Dan it-tnaqqis għandu jgħaddi għand il-klijenti u jwassal għal prezzijiet irħas għall-użu tal-internet minn barra l-pajjiż.

Ir-regolaturi nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet tal-Istati Membri huma responsabbli li jiżguraw li l-operaturi tat-telefonija mobbli jikkonformaw ma' dawn ir-regoli għall-mekkaniżmi ta' qtugħ għar-roaming tad-dejta f'kull pajjiż tal-UE. Il-klijenti jistgħu jikkuntattjaw lir- regolatur nazzjonali fl-Istat Membru fejn jgħixu jekk jiltaqgħu ma' xi problemi jew ikollhom dubji dwar dawn il-limiti ta' qtugħ.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea ser tkompli timmonitorja l-iżviluppi fis-servizzi tar-roaming u l-implimentazzjoni korretta ta' dawn id-dispożizzjonijiet, f'kooperazzjoni mill-qrib mal- BEREC , l-Awtorità Ewropea tas-Suq tat-Telekomunikazzjoni, li ltaqgħet għall-ewwel darba fit-28 ta' Jannar 2010. Il-Kummissjoni ser tanalizza kif ser jaħdem ir-Regolament tar-roaming, fosthom id-dispożizzjonijiet dwar ir-roaming tad-dejta, f'rapport interim li huwa mistenni f'Ġunju 2010 u fi studju aktar estenżiv f'Ġunju 2011.

Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok żur is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming: http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site