Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/207

Brussell, l-1 ta' Marzu 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tniedi dibattitu pubbliku dwar il-ħarsien tal-foresti Ewropej kontra t-tibdil fil-klima.

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Green Paper li tistabbilixxi għażliet għal approċċ tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-foresti u għall-informazzjoni dwar ir-riżorsi tal-foresti u l-kundizzjoni tagħhom . Ir-reazzjonijiet għall-Green Paper mill-pubbliku, mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn partijiet ikkonċernati oħra se jiggwidaw lill-Kummissjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa għal azzjoni addizzjonali fuq il-livell tal-UE .

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Il-foresti tal-Ewropa huma riżorsa prezzjuża li għandha tkun imħarsa mill-impatti ta' ħsara tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità . Il-firxa wiesgħa ta' funzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħhom tfisser li r-riskji huma kbar . Jeħtieġ li niskopru x'valur azzjoni Ewropea tista' żżid għall-isforzi nazzjonali biex ikunu ssalvagwardjati l-foresti u biex tinżamm informazzjoni affidabbli, koerenti u aġġornata dwarhom."

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima qalet: "Bħala mħażen kbar tal-karbonju, il-foresti għandhom rwol kardinali fl-isforzi biex it-tisħin globali jibqa' taħt 2°C. L-assikurazzjoni li l-foresti Ewropej jistgħu jwettqu l-funzjonijiet kollha tagħhom hija essenzjali għall-istrateġija tal-UE dwar il-klima. Nilqa' b'sodisfazzjon dan id-dibattitu f'waqtu. Il-kontributi li se nirċievu se jgħinuna nfasslu politiki tal-UE effikaċi relatati mal-klima u l-foresti."

Il-kontenut u l-għanijiet tal-Green Paper

Il-Green Paper 1 tistabbilixxi l-isfidi ewlenin li l-foresti Ewropej qed jiffaċċaw . Tippreżenta sistemi eżistenti ta' informazzjoni dwar il-foresti u l-għodod disponibbli għall-ħarsien tal-foresti, u tqajjem sensiela ta' mistoqsijiet rilevanti għall-iżvilupp ta' għażliet politiki futuri . Il-Green Paper hija parti mis-segwitu għall-White Paper 2 adottata mill-Kummissjoni f'April 2009 dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima .

Minħabba li l-kompetenza għall-politika dwar il-foresti hija primarjament responsabbiltà tal-Istati Membri, id-dibattitu għandu jiffoka dwar kif it-tibdil fil-klima qed jimmodifika l-immaniġġjar u l-ħarsien tal-foresti fl-Ewropa u kif il-politika tal-UE għandha tkun żviluppata biex l-UE ssaħħaħ il-kontribut tagħha għall-inizjattivi tal-Istati Membri .

Il-foresti u t-tibdil fil-klima

Il-foresti għandhom funzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali multipli u inter-relatati. Jipprovdu impjiegi, dħul ta' flus u materja prima għall-industrija u għall-enerġija li tiġġedded. Iħarsu l-ħamrija, l-insedjamenti tal-bnedmin u l-infrastruttura, jirregolaw il-provvista tal-ilma ħelu u jikkonservaw il-bijodiversità . F'termini klimatiċi, il-foresti jiffunzjonaw bħala 'sinks' li jassorbu d-dijossidu tal-karbonju (CO 2 ), il-gass serra ewlieni, meta jkunu qed jikbru, iżda huma sorsi ta' CO 2 meta jinqatgħu, jinħarqu jew meta ssirilhom ħsara mit-tempesti u mill-pesti. Il-foresti jirregolaw ukoll it-temp lokali u reġjonali.

Il-foresti u żoni oħra bl-injam ikopru madwar 176 miljun ettaru tal-UE jew iktar minn 42 % tat-territorju tal-UE. Il-foresti tal-UE espandew kontinwament għal iktar minn 60 sena u llum jammontaw għal 5 % tat-territorju forestali tad-dinja . Il-biċċa l-kbira tal-foresti tal-UE kibru f'termini tal-volum tal-injam u l-ħażna tal-karbonju tagħhom, u għalhekk ineħħu aktar CO 2 mill-atmosfera. Madanakollu informazzjoni riċenti wriet li globalment it-telf tal-foresti – speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw – u tibdiliet oħra fl-użu tal-art, issa huma responsabbli għal madwar 12-15 % tal-emissjonijiet globali tas-CO 2 .

It-temperatura medja fl-Ewropa żdiedet bi kważi 1 ° C matul l-aħħar seklu u l-iktar projezzjoni ottimista tbassar żieda ta' 2 ° C sal-2100. Din Il-kapaċità naturali tal-addattament tal-ekosistemi mhix qed tlaħħaq ma' din ir-rata mgħaġġla ta' tibdil fil-klima miġjub mill-bniedem . Ċerti tipi ta' foresti mhumiex se jibqgħu xierqa għall-ambjent tagħhom, u dan se jisforza ċaqliqa fid-distribuzzjoni naturali ta' speċijiet ta' siġar u jwassal għal bidliet fit-tkabbir ta' żoni forestali eżistenti. Avvenimenti estremi bħal tempesti, nirien forestali, nixfiet u mewġiet ta' sħana huma mistennija li jsiru ħafna iktar komuni u/jew severi; b'hekk se tiżdied il-pressjoni fuq il-foresti.

Il-passi li jmiss

Se ssir konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper mill-1 ta' Marzu sal-31 Lulju 2010 fuq il-websajt Your Voice in Europe ( http://ec.europa.eu/yourvoice ). Bħala parti mill-konsultazzjoni, fit-3 ta' Ġunju l-Kummissjoni se torganizza workshop u laqgħa mal-partijiet ikkonċernati fi Brussell bħala parti mill-Ġimgħa Ekoloġika (Green Week). Il-Green Paper se tkun diskussa wkoll waqt konferenza dwar il-ħarsien tal-foresti li qed tkun organizzata mill-Presidenza Spanjola u li se ssir f'Valsain, Spanja bejn is-6 u s-7 ta' April .

Il-Kummissjoni se tippubblika l-kontribuzzjonijiet għad-dibattitu fuq il-websajt Europa u se tagħti r-reazzjonijiet tagħha stess dwar l-eżiti ewlenin tal-konsultazzjoni.

1 :

COM(2010) xx Green Paper dwar il-ħarsien tal-foresti u l-informazzjoni fl-UE: Nippreparaw il-foresti għat-tibdil fil-klima.

2 :

COM(2009) 147. L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni".


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website