Navigation path

Left navigation

Additional tools

Reazzjoni għall-kriżi finanzjarja: Il-Kummissjoni titlob lill-partijiet interessati għall-opinjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà ta' aktar tibdil fid-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta' Kapital ('CRD IV')

European Commission - IP/10/197   26/02/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/197

Brussell, is-26 ta' Frar 2010

Reazzjoni għall-kriżi finanzjarja: Il-Kummissjoni titlob lill-partijiet interessati għall-opinjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà ta' aktar tibdil fid-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta' Kapital ('CRD IV')

Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-possibbiltà ta' aktar tibdil fid-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta' Kapital (CRD IV) bl-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju u tas-sistema finanzjarja kollha. It-tibdiliet proposti, magħrufa bħala 'CRD IV', li jsegwu żewġ proposti li saru qabel mill-Kummissjoni li jemendaw is-CRD, huma marbuta ma' seba' oqsma speċifiċi ta' politika li fil-biċċa l-kbira tagħhom jirriflettu l-impenji li ħadu l-mexxejja tal-G20 fis-summits ta' Londra u Pittsburgh fl-2009. Dawn l-impenji kienu jinkludu l-ħolqien ta' kapital ta' kwalità għolja, it-tisħiħ tal-kopertura tar-riskji, it-taffija tal-proċiklikalità u l-iskoraġġiment tal-ingranaġġ, kif ukoll it-tisħiħ tar-rekwiżiti tar-riskji tal-likwidità u dispożizzjonijiet li jħarsu 'l quddiem f'każ ta' telf ta' kreditu. Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jwieġbu għall-konsultazzjoni sas-16 ta' April 2010 u jindikaw x'impatt it-tibdiliet potenzjali jista' jkollhom fuq l-attivitajiet tagħhom. Ir-riżultati ser jiddaħħlu fi proposta leġiżlattiva prevista għall-aħħar sitt xhur tal-2010.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Huwa essenzjali li nieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi. F'dak il-kuntest, irrid niżgura segwitu effikaċi tad-deċiżjonijiet internazzjonali. Huwa vitali li nsaħħu aktar is-solidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji u nimplimentaw regoli ġodda sabiex inkunu mħejjija aħjar għall-kriżijiet tal-ġejjieni. Iżda qabel ma nagħmlu proposta dwar is-'CRD IV', irrid niżgura li nkunu kkonsultajna b'mod wiesa' u vvalutajna l-impatt tat-tibdiliet potenzjali. Inħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex iwieġbu u jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom."

Dwar il-konsultazzjoni

L-għan tas-CRD (2006/48/KE u 2006/49/KE) huwa li jiżguraw is-solidit à finanzjarja tal-banek u l-azjendi tal-investiment. Flimkien, dawn jistipulaw l-ammont ta' riżorsi finanzjarji proprji li l-banek u l-azjendi tal-investiment irid ikollhom sabiex ikopru r-riskji tagħhom u jipproteġu lid-depożitanti.

Il-Kummissjoni qed titlob lill-partijiet interessati kollha għall-opinjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà ta' aktar tibdiliet fis-CRD. Dawn it-tibdiliet possibbli ('CRD IV') ser jissupplimentaw iż-żewġ settijiet ta' reviżjonijiet eżistenti adottati f'Ottubru 2008 ('CRD II', IP/08/1433 ) u f'Lulju 2009 ('CRD III', IP/09/1120 ).

Is-seba' oqsma ta' azzjoni potenzjali huma:

  • Standards tal-likwidità : L-introduzzjoni ta' standards tal-likwidità li jinkludu rekwiżit ta' proporzjon ta' kopertura għal likwidità bbażat fuq proporzjon strutturali tal-likwidità fuq perjodu ta' żmien itwal.

  • Definizzjoni tal-kapital : Bażi kapitali ta' kwalità, konsistenza u trasparenza ogħla.

  • Proporzjon tal-ingranaġġ : L-introduzzjoni ta' proporzjon tal-ingranaġġ ibbażat fuq analiżi u kalibrar xierqa u li jservi ta' miżura supplimentari għall-qafas ta' Bażel II, li huwa bbażat fuq ir-riskju.

  • Riskju tal-kreditu tal-kontraparti : It-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-kapital għal esponimenti għal riskju tal-kreditu tal-kontraparti li jinħolqu minn derivattivi, repos u attivitajiet ta' finanzjament ta' garanziji.

  • Miżuri tal-kontraċiklikalità : Qafas għall-kapital kontraċikliku ser jikkontribwixxi għal sistema bankarja aktar stabbli, li ser tgħin biex jitnaqqsu, minflok jiġu amplifikati, l-iskossi ekonomiċi u finanzjarji.

  • Istituzzjonijiet finanzjarji importanti għas-sistema : Il-Kummissjoni qed tikkonsulta dwar miżuri xierqa biex ikunu indirizzati r-riskji li jippreżentaw dawn l-istituzzjonijiet.

  • Sett wieħed ta' regoli bankarji : Il-Kummissjoni qed tikkonsulta dwar l-oqsma li x'aktarx ikunu jeħtieġu rekwiżiti aktar iebsa. Minn barra dan, il-Kummissjoni qed tikkonsulta dwar trattament prudenzjali xieraq tas-self fil-qasam tal-proprjetà. Dan huwa parti mill-impenn tal-Kummissjoni biex toħloq sett wieħed ta' regoli fl-Ewropa.

Sabiex jintlaħaq l-għan doppju li titjieb ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja globali u jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali, ser ikun essenzjali li jiġi applikat madwar id-dinja kollha sett ta' rekwiżiti prudenzjali tal-kapital aktar b'saħħithom u konsistenti. Konsegwentement, it-tibdiliet possibbli stipulati fid-dokument ta' konsultazzjoni huma relatati sew mal-emendi li jmiss tal-qafas ta' Bażel II u l-introduzzjoni ta' standard globali tal-likwidità li qegħdin jitfasslu attwalment mill-Kumitat ta' Bażel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS, http://www.bis.org ). F'dan il-kuntest, bħala parti mill-miżuri kontraċikliċi, il-Kummissjoni tpoġġi enfasi akbar fuq allokar dinamiku 'tul iċ-ċiklu'.

Passi li jmiss

Fit-tieni sitt xhur tal-2010, il-Kummissjoni bi ħsiebha tadotta u tippubblika proposta leġiżlattiva li tindirizza l-oqsma kollha, jew uħud minnhom, diskussi f'din il-konsultazzjoni u f'dik ta' qabilha. Kwalunkwe proposta bħal din ser tkun żviluppata fid-dawl ta' kemm it-tweġibiet għall-konsultazzjonijiet, kif ukoll għall-valutazzjoni tal-impatt li teżamina l-effetti antiċipati tal-alternattivi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika spjegata. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni stiednet ukoll lil-Kumitat għas-Supervizuri Bankarji Ewropej (KSBE) biex iwettaq Studju Ewropew tal-Impatt Kwantitattiv sabiex jgħin fil-valutazzjoni tal-effett kumplessiv tar-reviżjonjiet proposti.

Il-konsultazzjoni tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/regcapital/index_en.htm

Ara wkoll MEMO/10/51


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website