Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tapprova l-ewwel pakkett ta' €100 miljun b'appoġġ għall-poplu Palestinjan fl-2011.

European Commission - IP/10/1771   22/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1771

Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2010

Il-Kummissjoni tapprova l-ewwel pakkett ta' €100 miljun b'appoġġ għall-poplu Palestinjan fl-2011.

Il-Kummissjoni Ewropea llum iddeċidiet li tipprovdi pakkett finanzjarju inizjali li jiswa' €100 miljun għat-Territorju Palestinjan Okkupat, skont il-baġit tal-2011.

Catherine Ashton, il-Viċi President u Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà stqarret: "Din id-deċiżjoni hija sinjal tal-impenn politiku u finanzjarju qawwi tal-Unjoni Ewropea lejn l-Awtorità Palestinjana u lejn it-tmexxija tal-Prim Ministru Fayyad għall-bini ta' stat Palestinjan demokratiku u vijabbli. L-eżistenza ta' stat Palestinja hija element kruċjali biex ikun hemm soluzzjoni paċifika, prattika u dejjiema tal-kunflitt".

Filwaqt li kien qed iħabbar il-pakkett, il-Kummissarju Stefan Füle qal: "Permezz tad-deċiżjoni tal-lum, il-Kummissjoni trid tagħti sinjal lill-poplu Palestinjan li huma jistgħu joqogħdu fuq l-appoġġ kontinwu tagħna fl-2011, bħal ma kien il-każ fil-passat. L-appoġġ tagħna se jingħata permezz ta' PEGASE. L-Unjoni hija fiduċjuża li l-Istati Membri u donaturi oħrajn se jkompli jappoġġjaw lill-poplu Palestinjan permezz ta' dan il-mekkaniżmu."

Id-deċiżjoni tal-lum, li permezz tagħha l-UE tkun qed twettaq fil-wisgħa l-impenji li saru waqt il-Konferenza tad-Donaturi ta' Pariġi f'Diċembru 2007 se tgħin lill-Awtorità Palestinjana biex tkompli tipprovdi servizzi pubbliċi essenzjali madwar it-territorju okkupat Palestinjan kollu. Mill-pakkett imħabbar illum, €60 miljun se jingħataw permezz tal-mekkaniżmu ta' assistenza tal-UE għat-Territorju Okkupat Palestinjan, PEGASE1, li kien tnieda fi Frar 2008. Dawn il-fondi se jgħinu lill-AP tkopri l-pagi u l-pensjonijiet għal ħaddiema ċivili essenzjali (b'mod partikolari l-persunal mediku u l-għalliema).

Sa issa l-Kummissjoni diġà pprovdiet €677 miljun f'appoġġ finanzjarju dirett lill-Awtorità Palestinjana permezz ta' dan il-mekkaniżmu, bl-Istati Membri tal-UE jipprovdu €265 miljun oħra.

L-€40 miljun li jifdal se jkunu allokati għall-baġit ċentrali tal-UNRWA, l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet. L-UNWRA ilha sa mill-1949 tipprovdi servizzi bażiċi ta' saħħa, ta' edukazzjoni u ta' sigurtà soċjali għal popolazzjoni ta' refuġjati ta' 4.7 miljun persuna. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar donaturi tal-UNRWA.

Il-kuntest

L-assistenza lill-Awtorità Palestinjana hija pprovduta bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Riforma u Żvilupp tal-Palestina (PRŻP), ippreżentat mill-AP waqt il-konferenza tad-donaturi f'Diċembru 2007, li saret f'Pariġi. Barra minn dan, f'Awwissu 2009, il-PM Fayyad ippreżenta l-"Programm tat-Tlettax-il Gvern" tal-AP. Fuq il-bażi tal-PRŻP, il-pjan għandu l-għan li jibni istituzzjonijiet governattivi sodi li jkunu jservu ta' bażi tal-futur Stat Palestinjan indipendenti fi żmien sentejn. L-UE esprimiet l-appoġġ politiku u finanzjarju tagħha għall-pjan tal-PM Fayyad. Bis-saħħa ta' din l-assistenza u ta' xi tnaqqis insuffiċjenti ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-aċċess fix-Xatt tal-Punent, l-aġenda ta' riforma tal-Prim Ministru Fayyad issarrfet fi progress ekonomiku u soċjali. Is-sitwazzjoni f'Gaża madankollu għadha mhix sostenibbli. Din l-ewwel parti ta' ffinanzjar għall-2011 tirrispondi għall-prijoritajiet tal-AP fejn tidħol in-nefqa rikorrenti, inkluż il-benefiċċji soċjali f'Gaża u l-ħtiġijiet ta' UNRWA biex tgħin lir-refuġjati Palestinjani.

Aktar informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet EU-TPO:

http://ec.europa.eu/europeaid/where/neighbourhood/country-cooperation/occupied_palestinian_territory/occupied-palestinian-territory_en.htm

1 :

PEGASE: méchanisme Palestino-Européen de Gestion de l'Aide Socio-Economique (mekkaniżmu Palestinjan-Ewropew għall-ġestjoni tal-assistenza soċjoekonomika.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website