Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tibda fażi ġdida ta' konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol hekk kif ġie ppubblikat ir-rapport ta' implimentazzjoni

European Commission - IP/10/1760   21/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1760

Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2010

Tibda fażi ġdida ta' konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol hekk kif ġie ppubblikat ir-rapport ta' implimentazzjoni

Bħala parti mir-reviżjoni tagħha tad-Direttiva tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea llum nediet it-tieni stadju mandatorju ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem fil-livell tal-UE. Ippreżentat ukoll Rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni legali tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol fl-Istati Membri. Il-konsultazzjoni l-ġdida titlob lill-imsieħba soċjali jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar ir-reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol. Il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll ir-riżultati ewlenin tal-ewwel stadju tal-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali ( IP 10/345) u qed tipprovdi ħarsa ġenerali tal-aktar evidenza riċenti dwar ix-xejriet fil-ħin tax-xogħol, kif ukoll tal-impatt soċjali u ekonomiku tar-regoli attwali fl-Istati Membri.

Fi kliem László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni: “Din it-tieni konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema tiffoka fuq l-istħarriġ tal-opinjonijiet tagħhom biex jiġi ffaċilitat ftehim dwar ir-reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol. Il-qagħda attwali mhix sostenibbli la politikament u lanqas legalment." Huwa żied jgħid: “Neħtieġu bidu ġdid u strateġija ġdida fil-livell tal-UE fir-rigward tal-ħin tax-xogħol. Dan mhux se jkun faċli, iżda ninsab fiduċjuż li r-rapport il-ġdid tal-lum dwar l-implimentazzjoni tar-regoli attwali se jgħinna nimxu lil hinn mid-diskussjonijiet tal-imgħoddi u nsibu soluzzjonijiet bilanċjati li jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-ħaddiema, il-konsumaturi u n-negozji fis-Seklu 21."

It-tnedija ta’ dan id-dokument ta' konsultazzjoni huwa t-tieni pass fir-reviżjoni l-ġdida tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol imħabbra mill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso tard fl-2009. Ir-reviżjoni hija msawra minn ġabra ta’ għanijiet politiċi mmirati primarjament biex jadattaw il-ħin tax-xogħol għad-dinja tax-xogħol li kull ma jmur qiegħda dejjem tinbidel, filwaqt li jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

Id-dokument tat-tieni stadju tal-konsultazzjoni jitlob l-opinjonijiet tal-imsieħba soċjali dwar żewġ strateġiji alternattivi msejsa fuq jew ambitu idjaq jew inkella usa' għar-reviżjoni. Jitlob opinjonijiet dwar għażliet dettaljati li jkopru temi prinċipali bħal:

  • ħin ta’ disponibbiltà għax-xogħol (on-call)

  • il-ħin tal-perjodi minimi ta’ serħan

  • l-indirizzar tas-sigħat tax-xogħol eċċessivi

  • rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja u

  • l-iċċarar ta’ oqsma fejn il-liġi tidher li mhix ċara.

Mir-risposti tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem għall-ewwel stadju tal-konsultazzjoni feġġ qbil wiesa'. Il-messaġġ ċar li ħareġ kien li hemm ħtieġa urġenti għal bidliet fir-regoli attwali dwar il-ħin tax-xogħol. Hemm ukoll kunsens qawwi dwar li r-regoli tal-UE dwar il-ħin tax-xogħol għandhom jippermettu flessibbiltà akbar biex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem jinnegozjaw dwar id-dettalji tal-implimentazzjoni fil-livell adatt.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni ressqet Rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva attwali fl-Istati Membri. Dan jispjega l-qagħda attwali, jidentifika l-oqsma ewlenin fejn ma hemmx konformità jew fejn hemm inċertezza ġuridika fil-pajjiżi varji.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll l-ewwel sejbiet ta’ studji indipendenti dwar l-impatt ekonomiku u soċjali tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol u ta’ riċerka dwar il-bidliet relevanti fix-xejriet tax-xogħol. Dawn is-sejbiet isemmu kwistjonijiet bħall-effetti negattivi li sigħat eċċessivi ta’ xogħol jaf ikollhom fuq is-saħħa; il-limiti attwali fuq l-infiq tal-Istati Membri ; u l-kwistjoni tan-nuqqas fil-ħiliet hekk kif min iħaddem fis-settur pubbliku u dak privat ifittex modi kif itaffi l-impatt tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol. L-istudju jissuġġerixxi wkoll li d-Direttiva tista' sservi bħala katalist għal kisbiet fl-effiċjenza u għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja. Il-Kummissjoni se tippubblika dawn ir-riżultati biex tiffaċilita r-risposti tal-imsieħba soċjali fl-ambitu tal-konsultazzjoni.

Il-kuntest

Fl-2004, il-Kummissjoni ressqet proposta biex temenda d-Direttiva 2003/88/KE attwali dwar il-ħin tax-xogħol. Il-proposta kellha l-għan li tiċċara l-applikazzjoni tad-Direttiva għall-ħin on-call u għal kif il-flessibbiltà għandha tapplika għall-ħin tal-perjodi minimi ta’ serħan, jekk hux il-każ li tingħata aktar flessibbiltà fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa; u kif se tiġi riveduta l-eżenzjoni individwali (opt-out) mil-limitu ta’ 48 siegħa ta’ ħin ta’ xogħol medju fil-ġimgħa. Madankollu, f'April 2009, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew ikkonkludew li ma setgħux jaslu għal ftehim dwar il-proposta, minkejja li n-negozjati ġibdu fit-tul.

Il-President tal-Kummissjoni Barroso, f'Settembru 2008, ħabbar li l-Kummissjoni l-ġdida kienet se tniedi reviżjoni ġdida tad-Direttiva, imsejsa fuq konsultazzjoni ta’ żewġ stadji mal-imsieħba soċjali b’mod konformi mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-analiżi tal-opinjonijiet tagħhom, flimkien ma’ valutazzjoni dettaljata tal-impatt soċjali u ekonomiku.

L-ewwel fażi tal-konsultazzjoni tnediet f’Marzu 2010.

F'dan l-istadju, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem ma kkomunikawx xewqa komuni li jidħlu għal djalogu dwar il-kwistjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qiegħda tniedi t-tieni fażi tal-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem fil-livell tal-UE.

B’mod parallel mal-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tagħmel valutazzjoni tal-impatt estensiva tar-regoli attwali li tinkludi stħarriġ tal-applikazzjoni legali tad-Direttiva fl-Istati Membri. Hemm ukoll studju indipendenti tal-impatt soċjali u ekonomiku. Matul it-tieni stadju tal-konsultazzjoni, l-imsieħba soċjali għandhom sa tmiem Frar 2011 biex jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar l-għażliet differenti li bihom tista’ tiġi emendata d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. Abbażi ta’ dawk ir-risposti, il-Kummissjoni tibda tħejji proposta leġiżlattiva biex temenda d-Direttiva, filwaqt li tipprepara valutazzjoni dettaljata tal-impatt tal-bidliet proposti. Il-proposta leġiżlattiva tista’ tiġi adottata wara li tkun tlestiet il-valutazzjoni tal-impatt – dan hu ppjanat li jseħħ fit-tielet kwart tal-2011. Il-proposta leġiżlattiva mbagħad tkun teħtieġ li titqies u jintlaħaq qbil fuqha mill-Kunsill u l-Parlament.

Madankollu, l-imsieħba soċjali jistgħu jiddeċiedu, f’kull wieħed miż-żewġ stadji ta’ konsultazzjoni li jidħlu għan-negozjati dwar dawn il-kwistjonijet huma nfushom, skont l-Artikolu 155 tat-TFUE. Jekk jagħmlu dan, il-Kummissjoni tirrevedi l-iskeda taż-żmien u l-kontenut tagħha fir-rigward tal-proposta.

Aktar tagħrif

Id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=706&langId=en&intPageId=205

Communication : http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6419&langId=en

Implementation report :

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6420&langId=en

Independent study : http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=6421&langId=en


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website