Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza fl-impjanti kimiċi Ewropej

European Commission - IP/10/1758   21/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1758

Brussell, 21 ta’ Diċembru 2010

Il-Kummissjoni ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza fl-impjanti kimiċi Ewropej

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat abbozz ta' leġiżlazzjoni biex issaħħaħ ir-regoli dwar il-kontroll tal-perikli prinċipali li jistgħu jikkawżaw inċidenti li jinvolvu l-kimiċi. Ir-reviżjoni tal-hekk imsejħa Direttiva Seveso II se tallinja l-leġiżlazzjoni mat-tibdil li sar fil-liġi dwar il-kimiċi tal-UE u se tiċċara u taġġorna dispożizzjonijiet oħra. Dan jinkludi l-introduzzjoni ta' standards ta' spezzjoni iktar stretti u t-titjib fil-livell u tal-kwalità tal-informazzjoni li tkun disponibbli għall-pubbliku f'każ ta' inċident. Id-Direttiva l-ġdida għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2015.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Id-Direttiva Seveso II kienet strumentali fit-tnaqqis tal-eventwalità ta' dawn l-inċidenti kimiċi u l-konsegwenzi tagħhom. Madankollu, dawn l-inċidenti għadhom iseħħu u ta' spiss jista' jkollhom effetti diżastrużi. Ma nistgħux noqogħdu nilagħbu mas-sikurezza. Il-mira tar-regoli ġodda proposti hija li tissaħħaħ iktar il-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam u li jkunu żgurati l-livelli għolja neċessarji tal-protezzjoni."

L-analiżi kienet imnebbħa mill-adozzjoni tar-regoli biex tkun allinjata s-sistema tal-klassifikazzjoni tal-UE mas-Sistema Globalment Armonizzata tan-NU. Se tiżgura li l-istess perikli jkunu deskritti u ttikkettat bl-istess mod madwar id-dinja.

Bidliet oħra importanti proposti jinkludu dispożizzjonijiet iktar b'saħħithom li jkunu marbuta mal-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar is-sikurezza fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja, u t-titjib fil-mod kif l-informazzjoni tinġabar, tiġi ġestita, issir disponibbli u titqassam. Il-proposta tintroduċi wkoll standards iktar stretti għall-ispezzjonijiet tal-istallazzjonijiet sabiex ikunu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effikaċi tar-regoli dwar is-sikurezza.

Il-bidliet li fadal huma modifikazzjonijiet tekniċi li jinkludu simplifikazzjonijiet li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi mhux neċessarji. L-analiżi għandha żżomm u ttejjeb l-livelli ta' protezzjoni attwali mingħajr ma jiġu affettwati b'mod sinifikanti l-ispejjeż

Id-Direttiva l-ġdida li qed tiġi proposta hi riżultat ta' proċess ta' analiżi li inkluda konsultazzjoni mal-partijiet interessati u studji varji dwar l-effikaċja tar-regoli eżistenti u l-impatt tal-għażliet possibbli għal titjib. Għal aktar tagħrif, ara:

http://ec.europa.eu/environment/seveso/review.htm

Sfond

Id-Direttiva Seveso II u d-Direttiva ta' qabilha, Seveso I, kienu mnebbħa minn inċident kbir li kien seħħ fl-impjant kimiku f'Seveso, l-Italja, fl-1976. Il-mira tal-leġiżlazzjoni hi li tevita inċidenti li jinvolvu kwantitajiet kbar ta' sustanzi perikolużi u tapplika għal madwar 10 000 stabbiliment industrijali fl-UE. Hemm metodu maqsum f'livelli ta’ kontrolli, fejn aktar ma jkunu kbar il-kwantitajiet tal-kimiċi, aktar ikunu stretti r-regoli. Skont id-Direttiva, l-operaturi tal-istabbilimenti fejn hemm is-sustanzi perikolużi għandhom jinnotifikaw l-attivitajiet tagħhom u jistabbilixxu politika ta' prevenzjoni ta' inċidenti kbar. L-operaturi ta' stabbilimenti "li jinsabu f'livelli għolja" ta' din is-sistema, għandhom jistabbilixxu wkoll rapport dwar is-sikurezza u jadottaw sistema ta' ġestjoni għas-sikurezza u pjan ta' emerġenza interna. L-awtoritajiet pubbliċi wkoll għandhom obbligi marbuta ma' pjanijiet ta' emerġenza esterna u informazzjoni pubblika dwar il-miżuri ta' sikurezza għal stabbilimenti li jinsabu fil-livelli għoljin, effetti domino, l-ippjanar tal-użu tal-art, ir-rappurtar tal-inċidenti u l-ispezzjonijiet. Għal aktar tagħrif żur:

http://ec.europa.eu/environment/seveso/index.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website