Navigation path

Left navigation

Additional tools

In-negozjar tal-Emissjonijiet: Dikjarazzjoni mill-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika Connie Hedegaard dwar is-sorveljanza regolatorja tas-suq tal-karbonju tal-UE

European Commission - IP/10/1757   21/12/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1757

Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2010

In-negozjar tal-Emissjonijiet: Dikjarazzjoni mill-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika Connie Hedegaard dwar is-sorveljanza regolatorja tas-suq tal-karbonju tal-UE

"Is-suq Ewropew tal-karbonju huwa suq relattivament żagħżugħ li kiber b’rata mgħaġġla tul l-ewwel sitt snin ta' ħidma tiegħu, kemm fid-daqs kif ukoll fl-avanz. Minħabba l-kriżi tal-klima u dik ekonomika, illum aktar minn qatt qabel id-dinja teħtieġ mezzi kosteffiċjenti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta' serra. Għalhekk huwa importanti li tkun tista' titkompla l-espansjoni tas-suq u li wieħed ikun jista’ jserraħ moħħu li s-suq jindika prezz mhux imxekkel tal-karbonju għall-investituri u għal dawk li jfasslu l-politika fl-amministrazzjonijiet madwar l-UE kollha.

Tul l-aħħar snin, is-suq kiber b'tali mod li jisfa l-mira potenzjali ta’ prattiki ta’ frodi. Għaldaqstant, huwa u jimmatura u jissokta jikber, huwa ta’ importanza kritika li s-suq jkompli jkun soġġett għal sorveljanza regolatorja xierqa u effettiva.”

L-Isfond

Il-Komunikazzjoni tal-lum tirrappreżenta l-ewwel pass lejn ħidma li fl-2011 tista’ twassal għal proposta leġiżlattiva f’dan il-qasam. Hija tanalizza l-livell ta’ sorveljanza fis-suq Ewropew tal-karbonju. Tiddeskrivi wkoll l-iżviluppi li hemm bħalissa fil-qasam tas-swieq tal-enerġija u tas-swieq finanzjarji b’perspettiva fuq is-suq tal-karbonju u telenka l-alternattivi disponibbli għas-salvagwardja tal-integrità sostnuta tas-suq dejjem jikber. Il-komunikazzjoni tikkonkludi li l-biċċa l-kbira mis-suq tal-karbonju hija soġġetta għal sorveljanza xierqa, iżda li jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jsir aktar fis-suq spot.

Bħala l-pass li jmiss, il-Kummissjoni se teżamina f’aktar dettall l-istruttura tas-suq tal-karbonju, il-livell ta’ sorveljanza tas-suq u l-alternattivi disponibbli (inkluża l-klassifikazzjoni tal-kwoti bħala strument finanzjarju). Fl-ewwel nofs tal-2011 se titmexxa konsultazzjoni bbażata fuq l-internet tal-partijiet interessati u r-riżultati tagħha se jikkontribwixxu għal valutazzjoni tal-impatt dettaljata ħafna. Din il-ħidma għandha tagħti parir għad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex titressaq proposta leġiżlattiva.

L-atturi fis-suq u partijiet interessati oħrajn huma mħeġġa li jinvolvu ruħhom f’dan il-proċess u li jagħtu appoġġ lill-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet sodi li jiggarantixxu l-iżvilupp ulterjuri tas-suq Ewropew tal-karbonju.

Is-sit elettroniku tad-DĠ għall-Azzjoni Klimatika se jikkomunika tagħrif dwar il-ħidma bla waqfien fis-sorveljanza tas-suq tal-karbonju, meta dan it-tagħrif ikun disponibbli.

MEMO/10/697


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website